Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 24

Xejn ma jistaʼ ‘jifridna mill-imħabba ta’ Alla’

Xejn ma jistaʼ ‘jifridna mill-imħabba ta’ Alla’

1. Liema ħsieb negattiv ikidd lil ħafna nies, inkluż xi Kristjani veri?

VERU li Alla Jehovah iħobbok personalment? Xi wħud jaqblu li Alla jħobb lill-bnedmin b’mod ġenerali, bħalma jgħid Ġwanni 3:16. Imma dawn fil-fatt iħossu: ‘Ma jistax ikun li Alla jistaʼ qatt iħobb lili bħala individwu.’ Anki Kristjani veri jistgħu xi drabi jkollhom id-dubji dwar din il-ħaġa. Wieħed raġel skuraġġit qal: “Insibha diffiċli ħafna biex nemmen li Alla jimpurtah xi ħaġa minni.” Ġieli jkidduk dubji bħal dawn?

2, 3. Min jixtieq iġagħalna nemmnu li Jehovah ma jħobbniex u li ma niswew xejn għalih, u kif nistgħu niġġildulha din l-idea?

2 Satana jinsab ħerqan biex iġagħalna nemmnu li Alla Jehovah la jħobbna u lanqas iqisna prezzjużi għalih. Veru, Satana spiss iqarraq bin-nies billi jħajjarhom ikunu vanitużi u kburin. (2 Korintin 11:3) Imma hu jieħu pjaċir ukoll jara lil uħud dgħajfin jitilfu r-rispett li għandhom lejhom infushom. (Ġwanni 7:47-49; 8:13, 44) Dan huwa minnu b’mod partikulari f’dan iż-“żmien iebes” taʼ l-aħħar. Ħafna llum jitrabbew f’familji fejn il-membri jkunu “bla qalb.” Oħrajn iħabbtu wiċċhom kontinwament ma’ wħud li huma feroċi, egoisti, u rashom iebsa. (2 Timotju 3:1-5) Wara li jkunu ilhom is-snin jissaportu trattament inġust, razziżmu, jew mibegħda, uħud bħal dawn għandhom mnejn jikkonvinċu ruħhom li ma jiswew xejn jew li ħadd ma jistaʼ jħobbhom.

3 Jekk int qed tħoss sentimenti negattivi bħal dawn, tiddisprax. Ħafna minna nkunu ebsin iżżejjed magħna nfusna minn żmien għal żmien. Imma ftakar, il-Kelma t’Alla hi mfassla biex “twiddeb” u biex ‘twaqqaʼ affarijiet li jkunu stabbiliti fis-sod.’ (2 Timotju 3:16; 2 Korintin 10:4, NW) Il-Bibbja  tgħid: “Naċċertaw lil qlubna quddiemu rigward dak kollu li qlubna jikkundannawna dwaru, għax Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.” (1 Ġwanni 3:19, 20, NW) Ejja nikkunsidraw erba’ modi kif l-Iskrittura tgħinna “naċċertaw lil qlubna” mill-imħabba taʼ Jehovah.

Int Prezzjuż għal Jehovah

4, 5. It-tixbiha taʼ Ġesù dwar l-għasafar tal-bejt kif turi li aħna prezzjużi f’għajnejn Jehovah?

4 L-ewwel, il-Bibbja tgħallem direttament li Alla jara xi ħaġa siewja f’kull wieħed mill-qaddejja tiegħu. Per eżempju, Ġesù qal: “Żewġ għasafar tal-bejt m’hux b’ħabba jinbiegħu? U b’danakollu anqas wieħed minnhom ma jaqaʼ fl-art mingħajr ir-rieda taʼ missierkom. Intom imbagħad sa x-xagħar taʼ raskom kollu hu magħdud. Mela xejn la tibżgħu; intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Mattew 10:29-31) Ikkunsidra x’kien ifisser dan il-kliem għas-semmiegħa taʼ Ġesù fl-ewwel seklu.

“Intom aqwa minn ħafna għasafar tal-bejt”

5 Forsi niskantaw għala xi ħadd għandu għalfejn jixtri għasfur tal-bejt. Il-fatt hu li fi żmien Ġesù, l-għasfur tal-bejt kien l-orħos għasfur li kien jinbiegħ għall-ikel. Innota li b’munita waħda taʼ valur żgħir, wieħed setaʼ jixtri żewġ għasafar tal-bejt. Imma iktar tard Ġesù qal li jekk individwu kien lest li jonfoq żewġ muniti, hu kien jakkwista, mhux erba’ għasafar tal-bejt, imma ħamsa. Il-ħames għasfur kien jiġi miżjud bħallikieku ma kien jiswa xejn. Forsi dawn il-ħlejjaq ma kienu jiswew xejn f’għajnejn il-bniedem, imma l-Ħallieq kif kien iħares lejhom? Ġesù qal: “Anqas wieħed minnhom [lanqas dak il-wieħed miżjud magħhom] ma hu minsi quddiem Alla.” (Luqa 12:6, 7) Issa forsi nistgħu nibdew nifhmu l-punt taʼ Ġesù. Jekk Jehovah iqis għasfur tal-bejt wieħed bħala xi ħaġa tant taʼ valur, mela kemm huwa iktar taʼ valur il-bniedem! Bħalma spjega Ġesù, Jehovah jaf kull dettall dwarna. Fil-fatt, saħansitra kull xagħra li għandna f’rasna hija magħduda!

6. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġesù kien realistiku meta tkellem dwar li x-xagħar taʼ rasna jiġi magħdud?

 6 Xagħarna magħdud? Xi wħud jistgħu jassumu li Ġesù ma kienx qed jitkellem b’mod realistiku hawnhekk. Madankollu, aħseb daqsxejn dwar it-tama taʼ l-irxoxt. Ara kemm bilfors jafna b’mod intimu Jehovah sabiex ikun jistaʼ jerġaʼ joħloqna mill-ġdid! Tant iqisna prezzjużi li jiftakar kull dettall, inkluż il-kodiċi ġenetika tagħna u s-snin kollha li għexna mimlijin memorji u esperjenzi. * Meta nqisu dan li għedna, hija xi ħaġa ħafifa għalih li jgħoddilna x-xagħar taʼ rasna, li normalment ikun fiha madwar 100,000 xagħra.

Jehovah X’Jara Fina?

7, 8. (a) X’inhuma xi kwalitajiet li Jehovah jitgħaxxaq isib hu u jistħarreġ il-qlub umani? (b) X’inhuma xi ftit mix-xogħlijiet li nagħmlu u li huma taʼ valur għal Jehovah?

7 It-tieni, il-Bibbja tgħallimna dwar x’jara prezzjuż Jehovah fil-qaddejja tiegħu. Fi kliem sempliċi, hu jitgħaxxaq bil-kwalitajiet tajbin tagħna u bl-isforzi li nagħmlu. Is-Sultan David qal lil ibnu Salamun: “Il-Mulej jistħarreġ il-qlub u jifhem kull għamla taʼ ħsieb.” (1 Kronaki 28:9) Hekk kif Jehovah jistħarreġ biljuni taʼ qlub umani f’din id-dinja vjolenti u mimlija mibegħda, min jaf kemm jifraħ malli jsib qalb li tħobb il-paċi, il-verità, u s-sewwa! X’jiġri meta Alla jsib qalb mimlija mħabba għalih, li qed tfittex kif se titgħallem dwaru u taqsam dan l-għarfien m’oħrajn? Jehovah jgħidilna li hu jinnota lil dawk li jitkellmu m’oħrajn dwaru. Hu saħansitra għandu “ktieb it-tifkiriet” għal dawk kollha “li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw f’Ismu.” (Malakija 3:16) Kwalitajiet bħal dawn huma prezzjużi għalih.

 8 X’inhuma xi xogħlijiet tajbin li Jehovah iqishom taʼ valur? Dawn żgur li jinkludu l-isforzi tagħna biex nimitaw lil Ibnu, Ġesù Kristu. (1 Pietru 2:21) Xogħol vitali wieħed li Alla jqisu taʼ valur huwa t-tixrid taʼ l-aħbar tajba taʼ Saltnatu. F’Rumani 10:15, naqraw: “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid.” Normalment, aħna ma tantx naħsbu dwar is-saqajn komuni tagħna bħala li huma “sbieħ.” Imma hawnhekk qed jirrappreżentaw l-isforzi li l-qaddejja taʼ Jehovah jagħmlu biex jippridkaw l-aħbar tajba. Dawn l-isforzi kollha huma sbieħ u prezzjużi f’għajnejh.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

9, 10. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li l-fatt li nissaportu meta ngħaddu minn diversi tbatijiet huwa prezzjuż għal Jehovah? (b) Jehovah liema ħarsa negattiva qatt ma jkollu dwar il-qaddejja leali tiegħu?

9 Jehovah iqis ukoll taʼ valur il-fatt li nissaportu. (Mattew 24:13) Ftakar, Satana jixtieqek tagħtih dahrek lil Jehovah. Kull jum li tibqaʼ leali lejn Jehovah huwa jum ieħor li bih tkun għent biex tagħti risposta għat-tgħajjir taʼ Satana. (Proverbji 27:11) Xi drabi m’huwiex faċli tissaporti. Kull jum li  jgħaddi huwa prova fih innifsu jekk ikun fih problemi taʼ saħħa, diffikultajiet finanzjarji, inkwiet emozzjonali, u ostakli oħra. It-tama mtawla dwar xi ħaġa li ma sseħħx tistaʼ tkun skuraġġanti wkoll. (Proverbji 13:12) Il-fatt li nissaportu meta niffaċċjaw dawn l-isfidi kollha huwa prezzjuż saħansitra iktar għal Jehovah. Kien għalhekk li s-Sultan David talab lil Jehovah biex jerfaʼ d-dmugħ tiegħu fi “flixkun,” u b’fiduċja kompla jgħidlu: “M’huwiex dan fil-ktieb tiegħek?” (Salm 56:9 [56:8, NW]) Iva, Jehovah jgħożż u jiftakar fid-dmugħ u t-tbatija kollha li nissaportu waqt li nibqgħu leali lejh. Dawn ukoll huma prezzjużi f’għajnejh.

Jehovah iqisu ta’ valur il-fatt li nissaportu meta niffaċċjaw il-provi

10 Madankollu, il-qalb li tikkundanna lilha nfisha tistaʼ forsi tirreżisti evidenza bħal din li turi li aħna prezzjużi f’għajnejn Alla. Forsi tkompli tinsisti minn taħt: ‘Imma hemm tant oħrajn li huma ħafna iktar eżemplari minni. Min jaf kemm joħroġ diżappuntat Jehovah meta jqabbilni magħhom!’ Jehovah ma jqabbilx wieħed ma’ l-ieħor; lanqas m’hu riġidu jew aħrax fil-mod kif jaħseb. (Galatin 6:4) Hu jaqralna qlubna b’abbiltà u reqqa kbira, u japprezza t-tajjeb li jsib—anki jekk isib ftit.

Jehovah Jgħarbel it-Tajjeb mill-Ħażin

11. X’nistgħu nitgħallmu dwar Jehovah mill-mod kif aġixxa fil-każ t’Abija?

11 It-tielet, hekk kif Jehovah jiflina, hu jgħarbel bir-reqqa, u jfittex it-tajjeb. Per eżempju, meta Jehovah ikkmanda li d-dinastija apostata kollha tas-Sultan Ġerobogħam kellha tiġi maqtula, Hu ordna li wieħed mill-ulied subien tas-sultan, Abija, jingħata difna xierqa. Għala? “Fih . . . sab xi ħaġa tajba l-Mulej, Alla taʼ Iżrael.” (1 Slaten 14:1, 10-13) Jehovah, fil-fatt, kien għarbel qalb dak iż-żagħżugħ u fiha sab “xi ħaġa tajba.” Kien kemm kien żgħir jew insinifikanti dak il-ftit tajjeb, Jehovah ra li kien xieraq li jitniżżel fil-Kelma tiegħu. Hu saħansitra ppremjah, billi wera ammont xieraq taʼ ħniena lejn dak il-membru wieħed taʼ familja apostata.

12, 13. (a) Il-każ tas-Sultan Ġosafat kif juri li Jehovah ifittex it-tajjeb fina anki meta nidinbu? (b) Rigward ix-xogħlijiet u l-kwalitajiet tajbin tagħna, Jehovah kif jaġixxi bħala Ġenitur li jaf jgħożż?

 12 Nistgħu naraw eżempju li saħansitra jispikka iktar fil-każ tas-Sultan tajjeb Ġosafat. Meta s-sultan aġixxa bil-bluha, il-profeta taʼ Jehovah qallu: “Minħabba f’hekk waqaʼ fuqek l-għadab minn quddiem il-Mulej.” Kif iġagħlek tidħol f’qoxortok dan il-kliem! Imma l-messaġġ taʼ Jehovah ma waqafx hemm. Il-profeta kompla: “Imma fik instabu wkoll ħwejjeġ tajba.” (2 Kronaki 19:1-3) Mela minkejja r-rabja ġusta li kellu, ma jfissirx li Jehovah ma rax it-tajjeb f’Ġosafat. Mhux bħall-bnedmin imperfetti! Meta jdejjaqna xi ħadd, aħna għandna t-tendenza li ma nibqgħux naraw it-tajjeb tiegħu. U meta nidinbu, id-diżappunt, il-mistħija, u l-ħtija li nħossu għandhom mnejn iġagħluna ma narawx it-tajjeb tagħna. Ftakar, iżda, li jekk aħna nindmu minn dnubietna u nistinkaw biex ma nerġgħux nirrepetuhom, Jehovah jaħfrilna.

13 Hekk kif Jehovah jgħarbel lilek, hu jarmi dnubiet bħal dawn, l-istess bħalma wieħed li jfittex għad-deheb jgħarbel in-naqal li ma jiswa xejn u jarmih. Xi ngħidu għall-kwalitajiet  u x-xogħlijiet tajbin tiegħek? Iva, dawn huma ċ-ċapep taʼ “deheb” li hu jżomm! Ġieli nnotajt kif xi ġenituri jerfgħu b’għożża kbira t-tpinġijiet jew xi xogħol taʼ l-iskola li jkunu għamlu wliedhom, xi drabi għal snin sħaħ tant li t-tfal ikunu laħqu nsewhom? Jehovah hu l-iktar Ġenitur li jaf jgħożż. Sakemm aħna nibqgħu leali lejh, hu qatt ma jinsa x-xogħlijiet u l-kwalitajiet tajbin tagħna. Fil-fatt, għalih tkun xi ħaġa inġusta jekk jinsiehom, u hu qatt ma jkun inġust. (Lhud 6:10) Hu jgħarbilna wkoll b’mod ieħor.

14, 15. (a) L-imperfezzjonijiet tagħna għala qatt ma jfixklu lil Jehovah milli jara t-tajjeb fina? Agħti eżempju. (b) Jehovah x’se jagħmel bl-affarijiet tajbin li jsib fina, u kif iqishom lin-nies leali tiegħu?

14 Jehovah iħares lil hinn mill-imperfezzjonijiet tagħna u jara x’potenzjal għandna. Biex nagħtu eżempju: Nies li jħobbu l-opri taʼ l-arti jieħdu ħafna xogħol biex jirrestawraw pitturi jew xogħlijiet oħra li jkunu ġarrbu ħafna ħsara. Per eżempju, meta fil-Gallerija Nazzjonali taʼ Londra, l-Ingilterra, xi ħadd spara tir u għamel ħsara lil pittura taʼ Leonardo da Vinci li kienet tiswa xi Lm12-il miljun, ħadd ma ssuġġerixxa li ladarba l-pittura issa kienet tħassret, din kellha tintrema. Ix-xogħol biex jiġi restawrat dan il-kapulavur taʼ kważi 500 sena beda minnufih. Għala? Għax din il-pittura kienet prezzjuża għal min iħobb l-arti. Ma tiswiex int iktar minn pittura tal-ġibs u l-faħam? F’għajnejn Alla żgur li tiswa iktar—għandek kemm għandek ħsara minħabba l-imperfezzjoni li writt. (Salm 72:12-14) Alla Jehovah, il-Ħallieq tas-sengħa li għamel il-familja umana, se jagħmel dak li hemm bżonn biex jirrestawra għall-perfezzjoni lil dawk kollha li jwieġbu tajjeb għall-ħarsien li jagħtihom bl-imħabba.—Atti 3:21; Rumani 8:20-22.

15 Iva, Jehovah jara t-tajjeb fina illi forsi aħna stess ma narawx. U hekk kif naqduh, hu se jkabbar dak it-tajjeb sakemm eventwalment insiru perfetti. Għalkemm id-dinja taʼ Satana tkun tatna mill-agħar, Jehovah iqis lill-qaddejja leali tiegħu prezzjużi bħal teżor.—Ħaggaj 2:7, Saydon.

 Jehovah Juri Mħabbtu b’Mod Attiv

16. X’inhi l-aqwa prova taʼ l-imħabba li Jehovah għandu għalina, u kif nafu li dan ir-rigal huwa intenzjonat għalina personalment?

16 Ir-raba, Jehovah jagħmel ħafna biex jurina kemm iħobbna. M’hemmx dubju li s-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa huwa l-iktar tweġiba qawwija għall-gidba satanika illi aħna ma niswew xejn jew li ħadd ma jistaʼ jħobbna. M’għandna qatt ninsew li l-mewta agonizzanti li Ġesù sofra fuq iz-zokk tat-tortura u l-agunija saħansitra akbar li ssaporta Jehovah meta ra lil Ibnu l-għażiż imut, huma prova li huma jħobbuna. B’sogħba, ħafna nies isibuha diffiċli biex jemmnu li dan ir-rigal jistaʼ jkun intenzjonat għalihom personalment. Ma jħossuhomx denji. Ftakar, iżda, li l-appostlu Pawlu kien ippersegwita lis-segwaċi taʼ Kristu. Madankollu, hu kiteb: “L-Iben taʼ Alla . . . ħabbni u ta lilu nnifsu għalija.”Galatin 1:13; 2:20.

17. Jehovah b’liema modi jiġbidna lejh u lejn Ibnu?

17 Jehovah jurina kemm iħobbna billi jgħinna individwalment nieħdu vantaġġ mill-benefiċċji tas-sagrifiċċju taʼ Kristu. Ġesù qal: “Ħadd ma jistaʼ jiġi għandi jekk il-Missier li bagħatni ma jiġbdux lejja.” (Ġwanni 6:44) Iva, Jehovah jiġbidna personalment lejn Ibnu u t-tama taʼ ħajja eterna. Kif? Permezz tax-xogħol taʼ l-ippridkar li jasal għandna b’mod individwali, u permezz taʼ l-ispirtu qaddis tiegħu, li Jehovah juża biex jgħinna nifhmu u napplikaw veritajiet spiritwali minkejja l-limitazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħna. Għalhekk, Jehovah jistaʼ jgħid dwarna bħalma qal dwar Iżrael: “Bi mħabba taʼ dejjem ħabbejtek, għalhekk [“ġbidtek b’qalb tajba bl-imħabba,” NW].”—Ġeremija 31:3.

18, 19. (a) Liema hu l-iktar mod intimu li bih Jehovah juri mħabbtu lejna, u x’juri li hu jieħu ħsieb din il-ħaġa personalment? (b) Il-Kelma t’Alla kif tiżgurana li Jehovah jismaʼ b’empatija?

18 Il-privileġġ tat-talb huwa forsi l-iktar mod intimu kif nesperjenzaw l-imħabba taʼ Jehovah. Il-Bibbja tistieden lil kull wieħed u waħda minna biex ‘nitolbu bla heda’ lil Alla.  (1 Tessalonikin 5:17) Hu jagħti widen. Saħansitra jissejjaħ Semmiegħ it-talb. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Hu ma tax din il-pożizzjoni t’awtorità lil xi ħadd ieħor, lanqas lil Ibnu stess. Aħseb ftit: Il-Ħallieq taʼ l-univers iħeġġiġna biex immorru għandu permezz tat-talb u nitkellmu miegħu bil-libertà. U x’tip taʼ semmiegħ hu? Biered, bla emozzjoni, u ma jħossx għal ħaddieħor? Xejn minn dan.

19 Jehovah juri l-empatija. X’inhi l-empatija? Wieħed Kristjan leali mdaħħal fiż-żmien qal: “L-empatija hija l-uġigħ tiegħek f’qalbi.” Veru li Jehovah jiġi effettwat mill-uġigħ tagħna? Dwar is-sofferenzi tal-poplu tiegħu Iżrael naqraw: “Fid-dwejjaq tagħhom kollha kien imnikket.” (Isaija 63:9, ) Jehovah ma rax biss l-inkwiet tagħhom; hu ħass għan-nies. Nistgħu naraw kemm tassew iħoss mill-kliem stess li Jehovah qal lill-qaddejja tiegħu: “Min imisskom, imiss il-mimmi taʼ għajn il-Mulej.” * (Żakkarija 2:8, ) Kemm tkun xi ħaġa taʼ wġigħ din! Iva, Jehovah iħoss għalina. Meta nkunu muġugħin, hu jkun muġugħ ukoll.

20. Liema fehma żbilanċjata rridu nevitaw sabiex nobdu l-parir misjub f’Rumani 12:3?

20 L-ebda Kristjan bilanċjat m’hu se juża din l-evidenza li Alla jħobbna u jistmana bħala skuża biex jitkabbar jew isir egoist. L-appostlu Pawlu kiteb: “Ngħidilkom ilkoll bis-saħħa tal-grazzja li tani Alla: tippretendux li intom xi ħaġa aktar milli intom kif għandu jkun! Iżda kull wieħed minnkom iżomm ruħu taʼ li hu [“b’tali mod li jkollu moħħ f’loku,” NW] skond il-qjies tal-fidi li tah Alla.” (Rumani 12:3) Traduzzjoni oħra tgħid hekk hawn: “Ngħid lil kull wieħed minnkom biex ma jqisx lilu nnifsu iktar minn kemm jiswa tassew, imma jistma lilu nnifsu kemm suppost.” (A Translation  in the Language of the People, minn Charles B. Williams) Mela waqt li nitpaxxew bl-imħabba mill-qalb li juri magħna Missierna tas-sema, ħalli jkollna moħħna f’loku u niftakru li l-imħabba t’Alla la naqilgħuha bħala ħlas u lanqas ma jistħoqqilna nirċivuha.—Luqa 17:10.

21. Liema gideb sataniku rridu nirreżistu kontinwament, u b’liema verità divina nistgħu nkomplu naċċertaw lil qlubna?

21 Jalla lkoll kemm aħna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niċħdu l-gideb kollu taʼ Satana, inkluż il-gidba li aħna ma niswew xejn jew li ħadd ma jistaʼ jħobbna. Jekk b’dak li ġarrabt fil-ħajja tgħallimt tqis lilek innifsek bħala problema kbira wisq li lanqas l-imħabba immensa t’Alla ma tistaʼ tegħleb, jew li x-xogħlijiet tajbin tiegħek tant ma jiswew xejn li lanqas għajnejh li jaraw kollox ma jindunaw bihom, jew li dnubietek tant huma kbar li lanqas il-mewt taʼ Ibnu l-għażiż ma tistaʼ tgħattihom, int tgħallimt gidba. Iċħad gideb bħal dan b’qalbek kollha! Ejja nkomplu naċċertaw lil qlubna bil-verità li nsibu fil-kliem imnebbaħ taʼ Pawlu: “Jiena żgur li la l-mewt u la l-ħajja, la l-anġli u la l-qawwiet, la ż-żmien t’issa u la taʼ li ġej, la setgħat, la l-għoli u lanqas il-fond, u ebda ħliqa oħra ma jistgħu qatt jifirduna mill-imħabba taʼ Alla li dehret fi Kristu Ġesù Sidna.”—Rumani 8:38, 39.

^ par. 6 Ħafna drabi l-Bibbja torbot it-tama taʼ l-irxoxt mal-memorja taʼ Jehovah. Ir-raġel leali Ġob qal lil Jehovah: “M’hux li kont . . . tiffissali żmien li tiftakar fija.” (Ġob 14:13, korsiv tagħna.) Ġesù rrefera għall-irxoxt taʼ “dawk kollha fl-oqbra tat-tifkira.” Dan kien xieraq għax Jehovah jiftakar perfettament lill-mejtin li bi ħsiebu jirxoxta.—Ġwanni 5:28, 29, NW.

^ par. 19 Xi traduzzjonijiet hawnhekk jimplikaw li min imiss lill-poplu t’Alla jkun qed imiss għajnu stess, jiġifieri għajn Iżrael, u mhux għajn Alla. Dan l-iżball ġie introdott minn xi skribi li ħassew li dan il-vers kien juri nuqqas taʼ rispett, u għalhekk ikkoreġewh. Dan l-isforz żbaljat tagħhom ħeba l-qawwa taʼ l-empatija persunali taʼ Jehovah.