Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 27

“O kemm hija kbira t-tjubija tiegħu!”

“O kemm hija kbira t-tjubija tiegħu!”

1, 2. Kemm teffettwa affarijiet it-tjubija t’Alla, u l-Bibbja x’enfasi tagħmel fuq din il-kwalità?

IMDAWRIN bid-dawl dehbi taʼ nżul ix-xemx, xi ħbieb antiki qed igawdu ikla flimkien għall-beraħ, jidħqu u jpaċpċu filwaqt li jammiraw il-veduta. Xi mkien ’il bogħod, bidwi jħares lejn l-għelieqi tiegħu u jitbissem b’sodisfazzjon għax jara s-sħab iswed jinġemaʼ u l-ewwel taqtir tax-xita nieżel fuq il-ħxejjex bl-għatx. Band’oħra, raġel u mara se jtiru bil-ferħ għax qed jaraw lit-tarbija tagħhom tagħmel l-ewwel passi.

2 Jafu jew ma jafux, nies bħal dawn qed jibbenefikaw ilkoll mill-istess ħaġa—it-tjubija t’Alla Jehovah. Nies reliġjużi spiss jirrepetu l-frażi “Alla huwa tajjeb.” Il-Bibbja titkellem b’iktar enfasi. Din tgħid: “O kemm hija kbira t-tjubija tiegħu!” (Żakkarija 9:17, NW ) Imma milli jidher, illum ftit huma dawk li jafu tassew xi jfisser dan il-kliem. X’tinvolvi verament it-tjubija t’Alla Jehovah, u din il-kwalità t’Alla kif teffettwa lil kull wieħed u waħda minna?

Aspett Meraviljuż taʼ l-Imħabba Divina

3, 4. X’inhi t-tjubija, u t-tjubija taʼ Jehovah għala tistaʼ tiġi deskritta l-aħjar bħala turija taʼ l-imħabba divina?

3 F’ħafna lingwi moderni, “tjubija” hija kelma kemxejn ġenerali. Madankollu, kif muri fil-Bibbja, it-tjubija hija ’l bogħod minn hekk. Primarjament, din tirreferi għal virtù u kwalità morali eċċellenti. F’ċertu sens, allura, nistgħu ngħidu li t-tjubija hija parti integrali minn Jehovah. L-attributi kollha tiegħu—inkluż il-qawwa, il-ġustizzja, u l-għerf tiegħu—huma tajbin mill-bidu sa l-aħħar. Xorta waħda, it-tjubija  tistaʼ tiġi deskritta l-aħjar bħala turija taʼ l-imħabba taʼ Jehovah. Għala?

4 It-tjubija hija kwalità attiva, murija b’azzjonijiet lejn ħaddieħor. L-appostlu Pawlu indika li fil-bnedmin din tiġbdek saħansitra iktar mill-ġustizzja. (Rumani 5:7) Hija ħaġa ċerta li bniedem ġust jobdi fedelment il-ħtiġijiet tal-liġi, imma raġel tajjeb jagħmel iktar minn hekk. Hu jieħu l-inizjattiva, u jara b’mod attiv kif se jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn. Bħalma se naraw, Jehovah ċertament li hu tajjeb f’dan is-sens. B’mod ċar, tjubija bħal din ġejja mill-imħabba bla qjies li għandu Jehovah.

5-7. Ġesù għala rrifjuta li jissejjaħ “Mgħallem tajjeb,” u b’hekk liema verità profonda kkonferma?

5 Jehovah hu wkoll uniku fit-tjubija tiegħu. Mhux wisq qabel ma miet Ġesù, wieħed raġel ġie fuqu biex jistaqsih mistoqsija, u indirizzah bil-kliem “Mgħallem tajjeb.” Ġesù wieġbu: “Għaliex qiegħed issejjaħli ‘tajjeb?’. . . Ħadd ma hu tajjeb ħlief Alla biss.” (Mark 10:17, 18) Issa, din it-tweġiba għandha mnejn tħawdek ftit. Ġesù għala kellu għalfejn jikkoreġih lir-raġel? Ma kienx Ġesù, fil-fatt, “Mgħallem tajjeb”?

6 Evidentement, ir-raġel kien qed juża l-kliem “Mgħallem tajjeb” bħala titlu taʼ tifħir. Bil-modestja Ġesù ta glorja bħal din lil Missieru tas-sema, li hu tajjeb fis-sens suprem. (Proverbji 11:2) Imma Ġesù kien qiegħed ukoll jikkonferma verità profonda. Jehovah biss huwa l-livell taʼ dak li hu tajjeb. Hu biss għandu d-dritt sovran li jiddetermina x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Adam u Eva, billi rribellaw u kielu mis-siġra taʼ tagħrif it-tajjeb u l-ħażin, riedu jiksbu dan id-dritt għalihom infushom. Kuntrarju għalihom, Ġesù b’umiltà jħalli lil Missieru jistabbilixxi l-livelli.

7 Iktar minn hekk, Ġesù kien jaf li Jehovah hu s-sors taʼ dak kollu li hu verament tajjeb. Hu d-Donatur taʼ “kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett.” (Ġakbu 1:17) Ejja neżaminaw kif it-tjubija taʼ Jehovah tidher fil-ġenerożità tiegħu.

 Evidenza tat-Tjubija Abbundanti taʼ Jehovah

8. Jehovah kif wera tjubija mal-bnedmin kollha?

8 Kulmin qatt għex ibbenefika mit-tjubija taʼ Jehovah. Salm 145:9 jgħid: “Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej.” (Korsiv tagħna.) X’inhuma xi eżempji tat-tjubija tiegħu li tolqot kollox? Il-Bibbja tgħid: “Ma naqasx li jagħti xhieda fuqu nnifsu bil-ġid li jagħmlilkom, meta jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu, u hekk ixebbagħkom bl-ikel u jimlielkom qalbkom bl-hena.” (Atti 14:17) Ġieli ħassejtek f’burdata aħjar wara li tkun kilt xi ikla tajba? Li kieku ma kinitx għat-tjubija taʼ Jehovah li ddisinja din l-art b’ħażna taʼ ilma ġieri li dejjem jirriċikla ruħu u staġuni biex jipproduċu abbundanza taʼ “frott fi żmienu,” l-ikel ma kienx jeżisti. Jehovah ma weriex tjubija bħal din ma’ dawk biss li jħobbuh imma ma’ kulħadd. Ġesù qal: “Hu jtalla’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena  u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex.”—Mattew 5:45.

Jehovah qed ‘jagħtikom ix-xita mis-sema u l-frott fi żmienu’

9. It-tuffieħa kif turi t-tjubija taʼ Jehovah?

9 Ħafna nies ftit jagħtu importanza jew jirrealizzaw kemm il-bnedmin igawdu ġenerożità kbira minħabba l-effetti kontinwi tax-xemx, ix-xita, u l-istaġuni tal-frott. Per eżempju, ejja nieħdu t-tuffieħa. Fl-inħawi taʼ l-art bi klima moderata, din hija frotta komuni. Madankollu, hija frotta sabiħa, għandha togħma bnina, u mimlija ilma rifreskanti u nutriment importanti għall-ħajja. Kont taf li madwar id-dinja hemm mas-7,500 varjetà differenti taʼ tuffieħ, b’diversi kuluri bħal aħmar, kulur id-deheb, isfar, u aħdar, u li hemm tuffieħ  żgħir daqs għenba u ieħor li jikber daqs larinġa kbira? Jekk iżżomm żerriegħa taʼ tuffieħa fil-pala taʼ idek, din tidher daqs naqra. Imma minnha tikber waħda mill-isbaħ siġar. (Għanja taʼ l-Għanjiet 2:3) Fir-rebbiegħa s-siġra tat-tuffieħ tinkesa b’għadd kbir u sabiħ taʼ żahar; fil-ħarifa tagħmel il-frott. Kull sena—sa 75 sena—siġra normali tat-tuffieħ tipproduċi biżżejjed frott kemm jesgħu 20 kannestru taʼ 19-il kilo kull wieħed!

Minn din in-naqra ta’ żerriegħa tikber siġra li tista’ titma’ u tpaxxi lin-nies għal ħafna snin

10, 11. Is-sensi kif juru t-tjubija t’Alla?

10 Fit-tjubija infinita tiegħu, Jehovah tana ġisem li hu ‘magħmul b’mod taʼ l-għaġeb,’ b’sensi disinjati biex jgħinuna napprezzaw xogħlijietu u nitgħaxxqu bihom. (Salm 139:14) Erġaʼ aħseb ftit fuq ix-xeni deskritti fil-bidu taʼ dan il-kapitlu. X’naraw f’mumenti bħal dawn li jġibilna l-ferħ? Par wardiet ħomor fuq wiċċ tarbija kuntenta. Ix-xita nieżla bil-qliel fuq l-għelieqi. Il-kuluri ħomor, dehbin, u vjola taʼ nżul ix-xemx. L-għajn umana hi disinjata biex tara iktar minn 300,000 kulur differenti! U bis-sens tagħna tas-smigħ nistgħu nisimgħu l-varjazzjonijiet fit-ton taʼ xi leħen għal qalbna, it-tisfira tar-riħ qalb is-siġar, id-daħqa mill-qalb taʼ tarbija. Għala nistgħu naraw u nisimgħu affarijiet bħal dawn u nitgħaxxqu bihom? Il-Bibbja tgħid: “Il-widna li tismaʼ u l-għajn li tara, it-tnejn il-Mulej għamilhom.” (Proverbji 20:12) Imma dawn huma biss tnejn mis-sensi li għandna.

11 Is-sens tax-xamm huwa evidenza oħra tat-tjubija taʼ Jehovah. L-imnieħer uman jistaʼ jagħraf ma’ l-10,000 riħa differenti. Aħseb dwar ftit minnhom: l-ikel favorit tiegħek fuq in-nar, il-fjuri, il-weraq li jaqaʼ mis-siġar, ftit duħħan ħiereġ minn barbikju. U bis-sens tal-mess tistaʼ tħoss iż-żiffa ħelwa ma’ wiċċek, it-tgħanniqa inkuraġġanti taʼ xi ħadd li tħobb, frotta lixxa f’idek. Meta tieħu gidma jibda jaħdem is-sens tat-togħma. F’ħalqek ittiegħem taħlita taʼ togħmiet hekk kif partijiet differenti taʼ lsienek jagħrfu t-togħmiet delikati li jiġu minħabba l-mod komplikat li bih hija magħmula  l-frotta. Iva, għandna kull raġuni għalxiex nesklamaw dwar Jehovah: “Kemm hi kbira tjubitek, Mulej, li għandek merfugħa għal min jibżaʼ minnek.” (Salm 31:20, Saydon [31:19, NW]) Iżda, Jehovah kif ‘refaʼ’ t-tjubija għal dawk li għandhom il-biżaʼ t’Alla?

Tjubija b’Benefiċċji Dejjiema

12. Liema affarijiet li jipprovdilna Jehovah huma l-iktar importanti, u għala?

12 Ġesù qal: “Hemm miktub, ‘Il-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix, iżda b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla.’” (Mattew 4:4) Tabilħaqq, dak li Jehovah jipprovdilna spiritwalment jistaʼ jagħmlilna saħansitra iktar tajjeb minn dak li jipprovdilna fiżikament, għax l-affarijiet spiritwali jwassluna għall-ħajja taʼ dejjem. F’Kapitlu 8 taʼ dan il-ktieb, rajna li Jehovah uża l-qawwa tiegħu li jġedded matul dawn l-aħħar jiem sabiex iġib ġenna spiritwali. Fattur importanti f’din il-ġenna hija l-abbundanza taʼ ikel spiritwali.

13, 14. (a) Il-profeta Eżekjel x’ra waqt viżjoni, u din xi tfisser għalina llum? (b) Jehovah liema provvedimenti spiritwali li jagħtu l-ħajja jipprovdi għall-qaddejja leali tiegħu?

13 F’waħda mill-profeziji kbar taʼ tiġdid fil-Bibbja, il-profeta Eżekjel ra viżjoni taʼ tempju mġedded u glorifikat. Minn dan it-tempju kienet ħierġa nixxiegħa ilma, li kompliet tikber u ssir iktar fonda sakemm saret “xmara.” Kulfejn kienet tgħaddi, din ix-xmara kellha effett tajjeb. Max-xtut tagħha kien hemm ħafna siġar li jipprovdu ikel u fejqan. U x-xmara saħansitra ġabet il-ħajja u l-produttività fil-Baħar il-Mejjet, mielaħ u bla ħajja! (Eżekjel 47:1-12) Imma dan kollu x’kien ifisser?

14 Il-viżjoni kienet tfisser li Jehovah kien se jġedded l-arranġament tiegħu għall-qima pura, kif muri permezz tat-tempju li ra Eżekjel. Bħal dik ix-xmara fil-viżjoni, il-provvedimenti t’Alla għall-ħajja kellhom joħorġu b’abbundanza li ma bħalha għal għand il-poplu tiegħu. Minn mindu seħħ  it-tiġdid tal-qima pura fl-1919, Jehovah bierek lill-poplu tiegħu bi provvedimenti li jagħtu l-ħajja. Kif? Bibbji, letteratura Biblika, laqgħat, u konvenzjonijiet servew kollha biex iwasslu veritajiet vitali għand miljuni taʼ nies. B’mezzi bħal dawn Jehovah għallem lin-nies dwar l-iktar provvediment importanti li hu pprovda għall-ħajja—is-sagrifiċċju taʼ Kristu bħala fidwa. Dan jagħmel possibbli reputazzjoni tajba ma’ Jehovah u t-tama taʼ ħajja taʼ dejjem għal dawk kollha li verament iħobbu lil Alla u jibżgħu minnu. * Għaldaqstant, matul dawn l-aħħar jiem, filwaqt li d-dinja batiet ġuħ spiritwali, il-poplu taʼ Jehovah gawda festa spiritwali.—Isaija 65:13, 14a (65:13, NW ).

15. It-tjubija taʼ Jehovah f’liema sens se tgelgel għal għand il-bnedmin leali matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu?

15 Imma x-xmara li ra Eżekjel fil-viżjoni mhix se tieqaf tgelgel meta din is-sistema dinjija qadima tasal fi tmiemha. Għall-kuntrarju, din se tgelgel b’iktar abbundanza matul ir-Renju Millennjali taʼ Kristu. Imbagħad, permezz tas-Saltna Messjanika, Jehovah se japplika l-valur sħiħ tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, u bil-mod il-mod iwassal lill-bnedmin leali għall-perfezzjoni. Kemm se nifirħu mbagħad bit-tjubija taʼ Jehovah!

Aspetti Oħra tat-Tjubija taʼ Jehovah

16. Il-Bibbja kif turi li t-tjubija taʼ Jehovah tinvolvi kwalitajiet oħra, u x’inhuma xi ftit minnhom?

16 It-tjubija taʼ Jehovah tinvolvi iktar minn ġenerożità. Alla qal lil Mosè: “Jien ngħaddi tjubiti kollha minn quddiemek, u ngħajjat l-isem tiegħi ‘Jaħweh’ quddiemek.” Iktar tard ir-rakkont jgħid: “Il-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: ‘Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u [“grazzjuż,”  NW]; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u [“fis-sewwa,” Saydon].’” (Eżodu 33:19; 34:6) Mela t-tjubija taʼ Jehovah tinvolvi għadd taʼ kwalitajiet mill-aħjar. Ejja nikkunsidraw tnejn biss minnhom.

17. Xi tfisser li tkun grazzjuż, u Jehovah kif wera din il-kwalità ma’ sempliċi bnedmin imperfetti?

17 “Grazzjuż.” Din il-kwalità tgħidilna ħafna dwar kif Jehovah jimxi mal-ħlejjaq tiegħu. Minflok m’hu żorr, bla emozzjonijiet, jew tirann, bħalma jiġri spiss fil-każ taʼ nies li għandhom il-poter, Jehovah hu ġentili u qalbu tajba. Per eżempju, Jehovah qal lil Abram: “Arfa’ għajnejk [“jekk jogħġbok,” NW] u ħares mill-post fejn int qiegħed, lejn it-tramuntana u n-nofsinhar, lejn il-lvant u l-punent.” (Ġenesi 13:14) Ħafna traduzzjonijiet iħalluha barra l-kelma “jekk jogħġbok.” Imma studjużi tal-Bibbja jinnotaw li l-kliem fl-Ebrajk oriġinali jinkludi partiċella tal-kelma li tbiddel l-istqarrija minn kmand għal talba bil-pulit. Hemm eżempji oħra simili. (Ġenesi 31:12, NW; Eżekjel 8:5, NW ) Immaġina ftit, is-Sovran taʼ l-univers jgħid “jekk jogħġbok” lil sempliċi bnedmin! F’dinja fejn il-ħruxija, l-imġiba aggressiva, u l-guffaġni huma tant komuni, m’huwiex rifreskanti li nirriflettu fuq kemm Alla tagħna Jehovah hu grazzjuż?

18. Jehovah f’liema sens hu “kbir . . . fis-sewwa,” u dan il-kliem għala jqawwi l-qalb?

18 “Kbir . . . fis-sewwa.” Id-diżonestà saret xi ħaġa taʼ kuljum fid-dinja taʼ llum. Imma l-Bibbja tfakkarna: “Alla m’hux bniedem biex jigdeb.” (Numri 23:19) Fil-fatt, Titu 1:2 (NW ) jgħid li “Alla . . . ma jistax jigdeb.” Hu tajjeb wisq biex jagħmel dan. B’hekk, wieħed jistaʼ jafda għalkollox fil-wegħdi taʼ Jehovah; il-kliem tiegħu dejjem iseħħ b’ċertezza. Jehovah saħansitra jissejjaħ “Alla tas-sewwa.” (Salm 31:6, [31:5, NW]) Hu mhux biss iżomm lura milli jgħid il-gideb imma jferra’ abbundanza taʼ sewwa, jew verità. Hu m’huwiex wieħed li ma juri xejn, attent li ma tiżloqlux xi kelma, jew jieħu pjaċir  iżomm kollox mistur; minflok, hu b’mod ġeneruż idawwal lill-qaddejja leali tiegħu mill-ħażna bla limitu t’għerf li għandu. * Hu saħansitra jgħallimhom kif jgħixu skond il-veritajiet li jagħti sabiex dawn ikunu jistgħu jibqgħu ‘mexjin fil-verità.’ (3 Ġwanni 3) B’mod ġenerali, it-tjubija taʼ Jehovah kif għandha teffettwana individwalment?

Ħalli ‘Wiċċek Jiddi Minħabba t-Tjieba tal-Mulej’

19, 20. (a) Satana kif ipprova jdgħajjef il-fiduċja li Eva kellha fit-tjubija taʼ Jehovah, u b’liema riżultat? (b) It-tjubija taʼ Jehovah x’effett suppost li jkollha fuqna, u għala?

19 Meta Satana ttanta lil Eva fil-ġnien taʼ l-Għeden, hu beda billi dgħajfilha fin fin il-fiduċja tagħha fit-tjubija taʼ Jehovah. Jehovah kien qal lil Adam: “Mis-siġar kollha tal-ġnien tistaʼ tiekol.” Mill-eluf taʼ siġar li kienu jżejnu dak il-ġnien, Jehovah ċaħħad lill-bniedem minn waħda biss. Madankollu, innota kif Satana poġġa l-ewwel mistoqsija li staqsa lil Eva: “Tassew li Alla qalilkom: ‘La tiklux mis-siġar kollha tal-ġnien’?” (Ġenesi 2:9, 16; 3:1) Satana għawweġ kliem Jehovah biex Eva taħseb li Jehovah kien qed iżomm lura xi ħaġa tajba. B’dispjaċir, din it-tattika ħadmet. Eva, bħal ħafna rġiel u nisa li ġew warajha, bdiet tiddubita mit-tjubija t’Alla, li kien taha kulma kellha.

20 Aħna nafu x’għali u x’miżerja kbira ġabu dawn id-dubji. Mela ejja nagħtu kas il-kliem taʼ Ġeremija 31:12: ‘Wiċċhom għad jiddi minħabba t-tjieba tal-Mulej.’ Għandna tabilħaqq niddu bil-ferħ minħabba t-tjubija taʼ Jehovah. Qatt m’hemm għalfejn niddubitaw il-motivi t’Alla tagħna, li hu tant mimli tjubija. Nistgħu nafdaw fih kompletament, għax hu ma jixtieq xejn ħlief it-tajjeb għal dawk li jħobbuh.

21, 22. (a) X’inhuma xi modi kif int tixtieq twieġeb għat-tjubija taʼ Jehovah? (b) Liema kwalità se niddiskutu fil-kapitlu li jmiss, u din kif inhi differenti mit-tjubija?

 21 Iżjed minn hekk, aħna nifirħu meta jkollna l-opportunità li nitkellmu m’oħrajn dwar it-tjubija t’Alla. Salm 145:7 jgħid dwar in-nies taʼ Jehovah: “It-tjubija tiegħek bla qjies ifakkru.” Kull ġurnata li tgħaddi, aħna nibbenefikaw b’xi mod mit-tjubija taʼ Jehovah. Għala ma tagħmilhiex drawwa li kuljum tirringrazzja lil Jehovah għat-tjubija tiegħu, u tkun speċifiku kemm jistaʼ jkun? Jekk naħsbu dwar din il-kwalità, nirringrazzjaw kuljum lil Jehovah għaliha, u ngħidu lil oħrajn dwarha, se nkunu nistgħu nimitaw iktar lill-Alla tajjeb tagħna. U hekk kif infittxu modi biex nagħmlu t-tajjeb, bħalma jagħmel Jehovah, se nersqu eqreb lejh. L-appostlu xwejjaħ Ġwanni kiteb: “Għażiż, timxix fuq il-ħażin, imma fuq it-tajjeb. Min jagħmel it-tajjeb ġej minn Alla.”—3 Ġwanni 11.

22 It-tjubija taʼ Jehovah hija marbuta wkoll ma’ kwalitajiet oħra. Per eżempju, Alla hu “kbir fit-tjieba [“qalb tajba bl-imħabba,” NW], jew imħabba leali.” (Eżodu 34:6) Din il-kwalità hija iktar speċifika mit-tjubija, għax Jehovah jesprimiha b’mod partikulari lejn il-qaddejja leali tiegħu. Fil-kapitlu li jmiss, se nitgħallmu kif jagħmel dan.

^ par. 14 Ma jistax ikun hemm eżempju aqwa tat-tjubija taʼ Jehovah mill-fidwa. Mill-miljuni taʼ ħlejjaq spirti minfejn jagħżel, Jehovah għażel lill-Iben uniġenitu u maħbub tiegħu biex imut għalina.

^ par. 18 B’mod xieraq, il-Bibbja tassoċja l-verità mad-dawl. “Ibgħat id-dawl tiegħek u s-sewwa tiegħek,” kanta s-salmista. (Salm 43:3) Jehovah jitfaʼ abbundanza taʼ dawl spiritwali fuq dawk li huma lesti jitgħallmu, jew jiġu mdawlin, minnu.—2 Korintin 4:6; 1 Ġwanni 1:5.