Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 23

“Hu ħabbna l-ewwel”

“Hu ħabbna l-ewwel”

1-3. X’inhuma xi fatturi li għamlu l-mewta taʼ Ġesù differenti minn kwalunkwe mewta oħra fl-istorja?

F’JUM tar-rebbiegħa madwar 2,000 sena ilu, wieħed raġel innoċenti deher quddiem l-awtoritajiet, ġie mixli b’atti kriminali li qatt ma kien ikkommetta, u mbagħad ġie torturat għall-mewt. Dan ma kienx l-ewwel qtil krudil u inġust fl-istorja, u, b’sogħba, lanqas ma kien l-aħħar wieħed. Madankollu, din il-mewta kienet differenti minn kwalunkwe mewta oħra.

2 Hekk kif dan ir-raġel kien għaddej mill-aħħar sigħat agonizzanti tiegħu, id-dehra nfisha tas-sema wriet kemm kienet importanti din il-ġrajja. Għalkemm kien nofsinhar, fuq il-pajjiż waqgħet dalma f’daqqa waħda. Bħalma qal wieħed kittieb taʼ l-istorja, “ix-xemx iddallmet.” (Luqa 23:44, 45) Imbagħad, eżatt qabel ma r-raġel ħa l-aħħar nifs taʼ ħajtu, hu qal xi ħaġa li ma tistaʼ tintesa qatt: “Kollox hu mitmum!” Tabilħaqq, billi ta ħajtu, hu wettaq xi ħaġa taʼ l-għaġeb. Is-sagrifiċċju tiegħu kien l-akbar att taʼ mħabba li qatt għamel xi bniedem.—Ġwanni 15:13; 19:30.

3 M’għandniex xi ngħidu, dan ir-raġel kien Ġesù Kristu. Ħafna nies jafu bit-tbatija u l-mewt li għadda minnhom f’dak il-jum taʼ swied il-qalb, l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K. Madankollu, hemm fattur importanti li spiss ġie injorat. Għalkemm Ġesù bata ħafna, xi ħaddieħor bata saħansitra iktar. Fil-fatt, f’dak il-jum kien hemm xi ħaddieħor li għamel sagrifiċċju saħansitra akbar—l-akbar att taʼ mħabba li qatt għamel xi ħadd fl-univers kollu. Dan x’att kien? It-tweġiba tagħti introduzzjoni xierqa għall-iktar suġġett importanti: l-imħabba taʼ Jehovah.

 L-Akbar Att taʼ Mħabba

4. Wieħed suldat Ruman kif irrealizza li Ġesù ma kienx xi bniedem komuni, u xi kkonkluda dak is-suldat?

4 Iċ-ċenturjun Ruman li dderieġa l-qtil taʼ Ġesù baqaʼ mistagħġeb kemm bid-dalma li waqgħet qabel ma miet Ġesù u kemm bit-terremot qawwi li seħħ wara. “Dan kien tassew Bin Alla!” qal hu. (Mattew 27:54) B’mod ċar, Ġesù ma kienx xi bniedem komuni. Dak is-suldat kien għen biex jinqatel l-Iben uniġenitu taʼ l-Alla l-Iktar Għoli! Eżattament, kemm kien għażiż dan l-Iben għal Missieru?

5. Kif jistaʼ jiġi spjegat l-ammont vast taʼ żmien li Jehovah u Ibnu qattgħu flimkien fis-sema?

5 Il-Bibbja ssejjaħ lil Ġesù “l-ewwel imwieled mill-ħolqien kollu.” (Kolossin 1:15, NW) Aħseb ftit—l-Iben taʼ Jehovah kien jeżisti qabel l-univers fiżiku. Allura, kemm kienu ilhom flimkien il-Missier u l-Iben? Xi xjenzati jikkalkulaw li l-univers ilu jeżisti għal 13-il biljun sena. Tistaʼ timmaġina biss kemm hu twil dan iż-żmien? Sabiex in-nies ikunu jistgħu jifhmu kemm ilu jeżisti l-univers skond ma kkalkulaw ix-xjenzati, f’wieħed mill-planetarji li jeżistu fid-dinja hemm tabella kronoloġika twila 110 metri. Hekk kif il-viżitaturi jimxu tul din it-tabella, kull pass li jagħmlu jirrappreżenta madwar 75 miljun sena fil-ħajja taʼ l-univers. Fl-aħħar tat-tabella, l-istorja kollha tal-bniedem hija mmarkata b’sinjal wieħed biss, oħxon daqs xagħra taʼ bniedem! Madankollu, anki li kieku dan il-kalkolu huwa korrett, dik it-tabella kronoloġika kollha m’hijiex twila biżżejjed biex tirrappreżenta t-tul taʼ ħajja taʼ Bin Jehovah! X’qagħad jagħmel matul dak il-perijodu twil ħafna taʼ żmien?

6. (a) L-Iben taʼ Jehovah x’qagħad jagħmel matul l-eżistenza tiegħu qabel sar bniedem? (b) X’tip taʼ rabta teżisti bejn Jehovah u Ibnu?

6 L-Iben qeda bil-ferħ bħala l-“ħaddiem tas-sengħa” taʼ Missieru. (Proverbji 8:30, NW) Il-Bibbja tgħid: “Xejn ma sar mingħajru [l-Iben].” (Ġwanni 1:3) Mela Jehovah u Ibnu ħadmu flimkien biex l-affarijiet l-oħra kollha bdew jeżistu. Min jaf  kemm kellhom mumenti eċċitanti u hienja! Issa, ħafna jaqblu li l-imħabba li teżisti bejn ġenitur u ibnu hija b’saħħitha ferm. U l-imħabba “hi rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kolossin 3:14, NW) Mela, min minna jistaʼ qatt jibda biex jifhem x’qawwa għandha rabta li ilha teżisti għal dan it-tul immens taʼ żmien? B’mod ċar, Alla Jehovah u Ibnu huma magħqudin bl-iktar rabta soda taʼ mħabba li qatt ġiet ifformata.

7. Meta Ġesù tgħammed, Jehovah kif esprima s-sentimenti tiegħu għal Ibnu?

7 Minkejja dan, il-Missier bagħat lil Ibnu fuq l-art biex jitwieled bħala tarbija umana. Dan kien ifisser li għal xi għexur taʼ snin, Jehovah kellu jgħaddi mingħajr is-sħubija intima taʼ Ibnu l-maħbub fis-sema. B’interess profond, Hu mis-sema qagħad josserva lil Ġesù u rah jikber u jsir raġel perfett. Meta kellu madwar 30 sena, Ġesù tgħammed. M’għandniex għalfejn naqtgħu kif Jehovah ħassu dwaru. Il-Missier tkellem personalment mis-sema: “Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi.” (Mattew 3:17) Min jaf kemm kien ferħan Missieru meta ra li Ġesù wettaq fedelment dak kollu li kien ġie profetizzat, kulma kien mitlub minnu!—Ġwanni 5:36; 17:4.

8, 9. (a) Ġesù minn xiex kellu jgħaddi nhar l-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K., u Missieru tas-sema kif kien effettwat? (b) Jehovah għala ħalla lil Ibnu jbati u jmut?

8 Iżda, Jehovah kif ħassu fl-14 taʼ Nisan tas-sena 33 E.K.? Kif ħassu meta ra lil Ibnu jiġi tradut u mbagħad arrestat bil-lejl minn marmalja? Meta Ġesù ġie abbandunat minn ħbiebu u deher quddiem l-awtoritajiet b’mod illegali? Meta twaqqaʼ għaċ-ċajt, beżqulu, u tawh bil-ponn? Meta fflaġellawh, b’dahru mfellel bis-swat? Meta sammruh minn idejh u saqajh ma’ zokk taʼ l-injam u tħalla hemm imdendel waqt li n-nies qagħdu jżebilħuh? Kif ħassu l-Missier hekk kif Ibnu l-għażiż beda jgħajjatlu fl-eqqel taʼ l-agunija tiegħu? Kif ħassu Jehovah hekk kif Ġesù ħa l-aħħar nifs taʼ ħajtu, u għall-ewwel darba mill-bidu tal-ħolqien kollu, l-għażiż Ibnu waqaf jeżisti?—Mattew 26:14-16, 46, 47, 56, 59, 67; 27:38-44, 46; Ġwanni 19:1.

“Alla . .  ta lil Ibnu l-waħdieni”

 9 Dan kollu jħallina bla kliem. Ladarba Jehovah għandu sentimenti, l-uġigħ li ħass minħabba l-mewt taʼ Ibnu ħadd ma jistaʼ jsib kliem biex jesprimih. Dak li nistgħu nesprimu huwa l-motiv għala Jehovah ħalla dan jiġri. Il-Missier għala ħalla lilu nnifsu jġarrab dawn is-sentimenti? Jehovah jirrivelalna xi ħaġa taʼ l-għaġeb fi Ġwanni 3:16—vers mill-Bibbja tant importanti li ġie msejjaħ l-Evanġelju fiċ-ċokon. Dan jgħid: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Mela l-motiv taʼ Jehovah kien dan: l-imħabba. Ir-rigal taʼ Jehovah—li bagħat lil Ibnu biex ibati u jmut għalina—kien l-akbar att taʼ mħabba li qatt sar.

Xi Tfisser l-Imħabba Divina

10. Il-bnedmin liema bżonn għandhom, u xi ġralha t-tifsira tal-kelma “mħabba”?

10 Xi tfisser din il-kelma “mħabba”? L-imħabba ġiet deskritta bħala l-akbar bżonn li għandhom il-bnedmin. Min-nieqa sal-qabar, in-nies jiġru wara l-imħabba, jiffjorixxu b’dak li taf tagħti, u saħansitra jiddgħajfu u jmutu jekk ma jkollhomx lilha. Minkejja dan, l-imħabba mhux la kemm tispjega xi tfisser eżattament. M’għandniex xi ngħidu, in-nies jitkellmu ħafna dwar l-imħabba. Inkitbu ruxxmata kotba, kanzunetti, u poeżiji dwarha. Ir-riżultati mhux dejjem jiċċaraw x’inhi t-tifsira taʼ l-imħabba. Għall-kuntrarju, il-kelma tant tintuża li t-tifsira vera tagħha donnha ma tinftiehem xejn.

11, 12. (a) Fejn nistgħu nitgħallmu ħafna dwar l-imħabba, u dan għala? (b) Liema tipi taʼ mħabba kienu speċifikati fil-lingwa Griega tal-qedem, u liema kelma għal “imħabba” tintuża l-iktar fl-Iskrittura Griega Kristjana? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.) (ċ) X’inhi a·gaʹpe?

11 Madankollu, il-Bibbja tgħallem b’mod ċar dwar l-imħabba. L-Expository Dictionary of New Testament Words taʼ Vine jinnota: “L-imħabba tistaʼ ssir magħrufa biss mill-azzjonijiet li tqanqal.” Dak li tgħid il-Bibbja dwar l-azzjonijiet taʼ Jehovah jgħallimna ħafna dwar imħabbtu—l-affezzjoni b’qalb tajba li għandu għall-ħlejjaq tiegħu. Per eżempju, x’hemm li jistaʼ jurina dwar din il-kwalità iktar milli jistaʼ jurina l-att suprem  ta’ mħabba li wera Jehovah deskritt iktar qabel? Fil-kapitli li jmiss, se naraw ħafna iktar eżempji taʼ l-imħabba taʼ Jehovah fl-azzjoni. Minbarra dan, nistgħu niksbu ftit dehen mill-kliem oriġinali li jintuża fil-Bibbja għall-kelma “mħabba.” Fil-lingwa Griega tal-qedem, kien hemm erba’ kelmiet għal “imħabba.” * Minn dawn, l-iktar waħda li tintuża fl-Iskrittura Griega Kristjana hija a·gaʹpe. Dizzjunarju tal-Bibbja jsejħilha “l-iktar kelma qawwija immaġinabbli għal imħabba.” Għala?

12 A·gaʹpe tirreferi għal imħabba gwidata minn prinċipju. Mela tfisser iktar minn sempliċement reazzjoni emozzjonali għal dak li persuna oħra tgħid jew tagħmel. Tinkludi ħafna iktar affarijiet u bażikament tintwera b’ħafna iktar ħsieb u intenzjoni. Fuq kollox, a·gaʹpe ma tinvolvi l-ebda sinjal taʼ egoiżmu. Per eżempju, erġaʼ ara Ġwanni 3:16. X’inhi “d-dinja” li Alla tant ħabbha li ta l-Iben uniġenitu tiegħu? Hija d-dinja taʼ bnedmin li jistgħu jiġu mifdijin. Din tinkludi lil ħafna nies li qed jgħixu ħajja midinba. Iħobb Jehovah lil kull wieħed minnhom bħala ħabib persunali, l-istess kif kien iħobb lil-leali Abraham? (Ġakbu 2:23) Le, imma Jehovah bi mħabba jestendi tjubija lejn kulħadd, anki jekk dan ikun ifisser sagrifiċċju kbir għalih. Hu jrid li kulħadd jindem u jirranġa triqtu. (2 Pietru 3:9) Ħafna hekk jagħmlu. Lil dawn hu jilqagħhom b’idejh miftuħa bħala l-ħbieb tiegħu.

13, 14. X’juri li a·gaʹpe spiss tinkludi affezzjoni mill-qalb?

13 Xi wħud, iżda, għandhom idea żbaljata dwar a·gaʹpe. Huma jaħsbu li din tfisser għamla taʼ mħabba bierda u intellettwali. Il-fatt hu li a·gaʹpe spiss tinkludi affezzjoni persunali  mill-qalb. Per eżempju, meta Ġwanni kiteb, “Il-Missier iħobb lill-Iben,” hemm intużat forma tal-kelma a·gaʹpe. Hija din l-imħabba nieqsa minn affezzjoni mill-qalb? Innota li Ġesù qal, “Il-Missier għandu affezzjoni lejn l-Iben,” u uża forma tal-kelma phi·leʹo. (Ġwanni 3:35; 5:20, NW) L-imħabba taʼ Jehovah spiss tinkludi affezzjoni tenera. Madankollu, imħabbtu qatt ma tiġi kontrollata minn sempliċi sentiment. Din hija gwidata dejjem mill-prinċipji mimlijin għerf u ġusti tiegħu.

14 Bħalma rajna, il-kwalitajiet kollha taʼ Jehovah huma eċċellenti, perfetti, u sbieħ. Imma l-imħabba hija l-iktar waħda li tiġbdek minnhom kollha. Xejn iktar ma jiġbidna b’daqshekk qawwa lejn Jehovah. B’ferħ, l-imħabba hija wkoll il-kwalità dominanti tiegħu. Dan kif nafuh?

“Alla Hu Mħabba”

15. Liema stqarrija tagħmel il-Bibbja dwar l-attribut taʼ l-imħabba li għandu Jehovah, u din l-istqarrija b’liema mod hija unika? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

15 Il-Bibbja tgħid xi ħaġa dwar l-imħabba li qatt ma tgħidha dwar l-attributi kardinali l-oħra taʼ Jehovah. L-Iskrittura ma tgħidx li Alla hu qawwa jew li Alla hu ġustizzja jew saħansitra li Alla hu għerf. Hu għandu dawn il-kwalitajiet, hu s-sors aħħari tagħhom, u ma jistaʼ jitqabbel ma’ ħadd u ma’ xejn fit-tlieta li huma. Iżda, dwar ir-raba attribut, tingħad xi ħaġa iktar profonda: “Alla hu mħabba.” * (1 Ġwanni 4:8) Dan xi jfisser?

16-18. (a) Il-Bibbja għala tgħid li “Alla hu mħabba”? (b) Mill-ħlejjaq kollha fuq l-art, il-bniedem għala huwa simbolu xieraq taʼ l-attribut taʼ l-imħabba li għandu Jehovah?

16 Il-frażi “Alla hu mħabba” ma turix sempliċement li hemm żewġ ammonti ndaqs, bħallikieku qed ngħidu, “Alla u  l-imħabba huma l-istess.” Ma nistgħux naqilbu l-frażi u ngħidu b’mod xieraq li “l-imħabba hi Alla.” Jehovah hu ħafna iktar minn kwalità astratta. Hu persuna li għandu varjetà kbira taʼ sentimenti u karatteristiċi flimkien ma’ l-imħabba. Madankollu, l-imħabba hija parti integrali minn Jehovah. Ktieb taʼ referenza jgħid hekk dwar dan il-vers: “L-essenza jew in-natura t’Alla hija l-imħabba.” Ġeneralment, nistgħu nirraġunaw hekk: Il-qawwa taʼ Jehovah tippermettilu jaġixxi. Il-ġustizzja u l-għerf tiegħu jiggwidaw il-mod kif jaġixxi. Imma l-imħabba taʼ Jehovah tqanqlu jaġixxi. U l-imħabba tiegħu hija dejjem preżenti fil-mod kif juża l-attributi l-oħra tiegħu.

17 Spiss jingħad li Jehovah hu l-personifikazzjoni nfisha taʼ l-imħabba. Għaldaqstant, jekk irridu nitgħallmu dwar l-imħabba gwidata minn prinċipju, irridu nitgħallmu dwar Jehovah. M’għandniex xi ngħidu, aħna nistgħu naraw din il-kwalità sabiħa fil-bnedmin ukoll. Imma għala qiegħda hemm? Meta sar il-ħolqien, Jehovah qal dan il-kliem, evidentement lil Ibnu: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna.” (Ġenesi 1:26) Mill-ħlejjaq kollha li hawn fuq din l-art, l-irġiel u n-nisa biss jistgħu jagħżlu li jħobbu u b’hekk jimitaw lil Missierhom tas-sema. Ftakar li Jehovah uża diversi ħlejjaq biex jissimbolizza l-attributi kardinali tiegħu. Madankollu, Jehovah għażel l-ogħla ħliqa li għandu fuq l-art, il-bniedem, bħala s-simbolu tal-kwalità dominanti Tiegħu, l-imħabba.—Eżekjel 1:10.

18 Meta aħna nħobbu mingħajr egoiżmu u skond il-prinċipji, inkunu qed nirriflettu l-kwalità dominanti taʼ Jehovah. Huwa sewwa sew bħalma kiteb l-appostlu Ġwanni: “Aħna nħobbu, għax hu ħabbna l-ewwel.” (1 Ġwanni 4:19) Imma Jehovah b’liema modi ħabbna l-ewwel?

Jehovah Ħa l-Inizjattiva

19. Għala jistaʼ jingħad li l-imħabba kellha rwol importanti fix-xogħol kreattiv taʼ Jehovah?

19 L-imħabba m’hijiex xi ħaġa ġdida. Wara kollox, x’qanqal lil Jehovah biex jibda joħloq? M’huwiex għax ħassu waħdu u  xtaq il-kumpanija. Jehovah hu komplet u indipendenti, u ma jonqsu xejn li ħaddieħor jistaʼ jipprovdilu. Imma l-imħabba tiegħu, kwalità attiva, qanqlitu b’mod naturali biex ikun jixtieq jaqsam il-ferħ tal-ħajja ma’ ħlejjaq intelliġenti li setgħu japprezzaw rigal bħal dan. “Il-bidu tal-Ħolqien taʼ Alla” kien l-Iben uniġenitu tiegħu. (Apokalissi 3:14) Imbagħad Jehovah uża lil dan il-Ħaddiem tas-Sengħa biex joħloq l-affarijiet l-oħra kollha, u beda mill-anġli. (Ġob 38:4, 7; Kolossin 1:16, 17a [1:16, NW]) Imberkin b’libertà, intelliġenza, u sentimenti, dawn l-ispirti setgħana kellhom l-opportunità li jifformaw huma wkoll rabtiet taʼ mħabba—ma’ xulxin u, fuq kollox, m’Alla Jehovah. (2 Korintin 3:17) B’hekk, huma ħabbew għax ġew maħbubin l-ewwel.

20, 21. Adam u Eva esperjenzaw liema evidenza li Jehovah kien iħobbhom, iżda huma kif irreaġixxew?

20 Hekk ukoll ġara bl-umanità. Mill-bidunett, Adam u Eva tistaʼ tgħid li kienu mdawrin bl-imħabba. Kulfejn kienu jdawru wiċċhom fil-Ġenna taʼ l-art taʼ l-Għeden li kienet darhom, setgħu jaraw evidenza taʼ l-imħabba li l-Missier kellu lejhom. Innota x’tgħid il-Bibbja: “Il-Mulej Alla ħawwel ġnien fl-Għeden, in-naħa tal-lvant, u qiegħed hemm il-bniedem li kien sawwar.” (Ġenesi 2:8) Ġieli kont f’xi ġnien jew park tassew sabiħ? X’għoġbok l-iktar? Xi rokna dellija, bid-dawl tax-xemx jinfed minn bejn il-weraq tas-siġar? Il-varjetà impressjonanti taʼ kuluri f’xi roqgħa fjuri? Il-ħoss sabiħ li tismaʼ fil-bogħod taʼ ilma jgelgel, għasafar jgħannu, u insetti jżanżnu? Xi ngħidu għar-riħa tfuħ tas-siġar, iż-żahar tagħhom u l-frott? Kont fejn kont, l-ebda ġnien illum ma jistaʼ jitqabbel ma’ dak taʼ l-Għeden. Għala?

21 Dak il-ġnien ħawlu Jehovah innifsu! Żgur li kien taʼ sbuħija li ma tistax tiddeskriviha. Fih kien hemm kull siġra li tpaxxik bis-sbuħija jew bil-frott delizzjuż tagħha. Il-ġnien kien imsoqqi sew, kbir ħafna, u mimli ħajja b’varjetà affaxxinanti t’annimali. Adam u Eva kellhom dak kollu li kellhom bżonn biex jgħixu ħajja kuntenta u mimlija, inkluż xogħol premjanti u kumpanija perfetta. Jehovah ħabbhom l-ewwel, u kellhom kull raġuni  biex iħobbuh huma wkoll. Madankollu, m’għamlux hekk. Minflok m’obdew bi mħabba lil Missierhom tas-sema, huma rribellaw b’mod egoist kontrih.—Ġenesi, kapitlu 2.

22. Il-mod kif Jehovah irreaġixxa għall-irvell fl-Għeden kif juri li l-imħabba tiegħu hi leali?

22 Min jaf kemm weġġagħlu qalbu dan lil Jehovah! Allura qalbu, li tant għandha mħabba, ħraxet minħabba dan l-irvell? Le! “Għal dejjem it-tjieba [“l-imħabba leali,” nota taʼ taħt, NW] tiegħu.” (Salm 136:1) B’hekk, minnufih hu ħaseb biex jagħmel provvedimenti taʼ mħabba sabiex jifdi lil kwalunkwe wild t’Adam u Eva li kien se juri attitudni xierqa. Bħalma rajna, dawn il-provvedimenti kienu jinkludu s-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ibnu l-għażiż, li sewa tant lill-Missier.—1 Ġwanni 4:10.

23. X’inhi waħda mir-raġunijiet għala Jehovah hu “l-Alla hieni,” u liema mistoqsija vitali se tiġi diskussa fil-kapitlu li jmiss?

23 Iva, sa mill-bidunett Jehovah ħa l-inizjattiva biex juri mħabba lejn l-umanità. B’diversi modi bla għadd, “hu ħabbna l-ewwel.” L-imħabba tkattar l-armonija u l-ferħ, u allura mhux taʼ b’xejn li Jehovah hu deskritt bħala “l-Alla hieni.” (1 Timotju 1:11, NW) Madankollu, tqum mistoqsija importanti. Tassew li Jehovah iħobbna bħala individwi? Il-kapitlu li jmiss se jiddiskuti dan is-suġġett.

^ par. 11 Il-verb phi·leʹo, li jfisser “li jkollok affezzjoni għal, li tkun miġbud lejn, jew li tħobb (kif wieħed jistaʼ jħossu dwar ħabib tal-qalb jew ħu),” jintuża spiss fl-Iskrittura Griega Kristjana. Forma tal-kelma stor·geʹ, jew imħabba lejn il-familjari l-iktar fil-qrib, tintuża fit-2 Timotju 3:3 biex turi li mħabba bħal din se tkun nieqsa ħafna matul l-aħħar jiem. Eʹros, jew imħabba romantika bejn raġel u mara, ma tintużax fl-Iskrittura Griega Kristjana, għalkemm din l-imħabba hija diskussa fil-Bibbja.—Proverbji 5:15-20.

^ par. 15 Stqarrijiet Skritturali oħra huma msawrin b’mod simili. Per eżempju, “Alla hu dawl” u “Alla . . . hu nar qerriedi.” (1 Ġwanni 1:5; Lhud 12:29) Imma dawn iridu jittieħdu bħala metafori, għax qed ixebbhu lil Jehovah m’affarijiet fiżiċi. Jehovah hu bħal dawl, għax hu qaddis u rett. M’hemmx “dlam,” jew ħmieġ, fih. U jistaʼ jixxebbah man-nar fil-mod kif juża l-qawwa qerridija tiegħu.