Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 18

L-għerf fil-“Kelma ta’ Alla”

L-għerf fil-“Kelma ta’ Alla”

1, 2. Liema “ittra” kitbilna Jehovah, u għala?

TIFTAKAR l-aħħar darba li rċivejt ittra mingħand xi ħadd maħbub li joqgħod ħafna ’l bogħod minnek? Ftit huma l-affarijiet li nieħdu pjaċir bihom daqskemm nieħdu pjaċir b’ittra miktuba mill-qalb minn xi ħadd għażiż għalina. Nieħdu gost ferm nisimgħu kif inhu sejjer, minn xiex għadda, u x’bi ħsiebu jagħmel. Komunikazzjoni bħal din tressaqna eqreb lejn dawk li nħobbu, avolja jkunu ’l bogħod ħafna fiżikament.

2 Allura x’jistaʼ jkun isbaħ milli nirċievu messaġġ miktub mill-Alla li nħobbu? Jehovah, f’ċertu sens, kitbilna “ittra”—il-Kelma tiegħu, il-Bibbja. Fiha jgħidilna min hu, x’għamel, x’qed jippjana li jagħmel, u ħafna iktar. Jehovah tana l-Kelma tiegħu għax iridna nkunu qribu. Alla tagħna li għandu għerf assolut għażel l-aħjar mod possibbli biex jikkomunika magħna. Il-mod kif inhi miktuba l-Bibbja u dak li fiha juru għerf li ma jitqabbel ma’ xejn.

Għala Kelma Miktuba?

3. Jehovah b’liema mod għadda l-Liġi lil Mosè?

3 Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu, ‘Jehovah għala m’użax metodu iktar drammatiku—ngħidu aħna, xi leħen mis-sema—biex jikkomunika mal-bnedmin?’ Fil-fatt, Jehovah xi drabi tkellem mis-sema permezz taʼ rappreżentanti anġeliċi. Per eżempju, dan għamlu meta ta l-Liġi lil Iżrael. (Galatin 3:19) Il-leħen mis-sema nissel il-biżaʼ—tant li l-Iżraelin imwerwrin talbu li Jehovah ma jitkellimx magħhom b’dan il-mod imma li jikkomunika permezz taʼ Mosè. (Eżodu 20:18-20) B’hekk il-Liġi, li kienet tikkonsisti minn xi 600 regola, ġiet mgħoddija lil Mosè bil-fomm, kelma b’kelma.

4. Spjega għala ma kienx ikun mezz taʼ min joqgħod fuqu li l-liġijiet t’Alla jgħaddu minn nisel għal ieħor bil-fomm.

 4 Iżda, xi ngħidu kieku l-Liġi qatt ma nkitbet? Kien Mosè se jkun kapaċi jiftakar il-kliem preċiż taʼ dik il-kodiċi dettaljata u jwassalha bla żball lill-bqija tal-ġens? Xi ngħidu għall-ġenerazzjonijiet taʼ wara? Kellhom jistrieħu biss fuq il-komunikazzjoni bil-fomm? Dan żgur ma kienx se jkun metodu taʼ min joqgħod fuqu biex il-liġijiet t’Alla jgħaddu minn nisel għal ieħor. Immaġina x’jiġri kieku kellek tgħid storja lil filliera nies wara xulxin u tibda billi tgħidha lill-ewwel persuna ħdejk, imbagħad din tgħidha lil taʼ warajha u nibqgħu sejrin hekk sa l-aħħar. X’aktarx li dak li tismaʼ l-aħħar persuna fil-filliera jkun differenti ħafna mill-istorja oriġinali. Il-kliem tal-Liġi t’Alla ma kienx f’periklu bħal dan.

5, 6. Jehovah x’qallu biex jagħmel lil Mosè bil-kliem Tiegħu, u għala hija barka għalina li jkollna l-Kelma taʼ Jehovah miktuba?

5 Jehovah bl-għerf għażel li kliemu jitniżżel bil-miktub. Hu qal lil Mosè: “Ikteb dawn il-kelmiet; għax fuq dawn il-kelmiet jien għamilt patt miegħek u ma’ Iżrael.” (Eżodu 34:27) Hekk bdiet l-era tal-kitba tal-Bibbja, fl-1513 Q.E.K. Matul l-1,610 snin taʼ wara, Jehovah ‘kellem ħafna drabi u b’ħafna manjieri’ lil xi 40 raġel li mbagħad niżżlu l-Bibbja bil-miktub. (Lhud 1:1) Sadanittant, skribi devoti bl-attenzjoni kollha ħadu ħsieb li jipproduċu kopji eżatti sabiex jippreservaw l-Iskrittura.—Esdra 7:6; Salm 45:2 (45:1, NW ).

Jehovah verament berikna billi kkomunika magħna bil-kitba. Qatt irċivejt ittra li tant kienet għażiża għalik—forsi għax tatek il-faraġ meħtieġ—li rfajtha u qrajtha darba wara l-oħra? Hekk hu bl-“ittra” li tana Jehovah. Peress li Jehovah niżżel kliemu bil-miktub, aħna nistgħu naqrawh regolarment u nimmeditaw fuq dak li jgħid. (Salm 1:2) Nistgħu nirċievu “l-faraġ li tagħtina l-Iskrittura” kulmeta jkollna bżonnu.—Rumani 15:4.

 Għala Ntużaw Bnedmin Bħala Kittieba?

7. Il-fatt li Jehovah uża bnedmin bħala kittieba kif juri l-għerf tiegħu?

7 Fl-għerf tiegħu, Jehovah uża l-bnedmin biex iniżżlu l-Kelma tiegħu bil-miktub. Ikkunsidra dan: Kieku Jehovah uża l-anġli biex iniżżlu l-Bibbja bil-miktub, kienet se tolqotna bl-istess mod? Veru, l-anġli setgħu jiddeskrivu lil Jehovah mill-fehma għolja tagħhom, jesprimu d-devozzjoni tagħhom stess lejh, u jirrapportaw dwar il-qaddejja leali t’Alla fuq l-art. Imma konna se nħossu li hemm xi ħaġa komuni bejn il-ħarsa tagħna u dik taʼ dawn il-ħlejjaq spirti perfetti, li l-għarfien, l-esperjenza, u s-saħħa tagħhom huma bil-wisq superjuri minn tagħna?—Lhud 2:6, 7.

“L-Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla”

8. Il-kittieba tal-Bibbja b’liema mod tħallew jużaw l-abbiltajiet mentali tagħhom stess? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

8 Billi uża bnedmin bħala kittieba, Jehovah ipprovda eżatt dak li għandna bżonn—kitba li hija “mnebbħa minn Alla” imma li fl-istess ħin iżżomm l-element uman. (2 Timotju 3:16) Kif irnexxielu jagħmel dan? F’ħafna każi, hu milli jidher ħalla lill-kittieba jużaw l-abbiltajiet mentali tagħhom stess biex jagħżlu ‘qwiel sbieħ u jiktbu bir-reqqa kliem is-sewwa.’ (Koħèlet 12:10, 11) Din hija r-raġuni għala hemm varjetà taʼ stili fil-Bibbja; il-kitbiet jirriflettu l-esperjenzi u l-personalità tal-kittieba individwali. * Madankollu, dawn l-irġiel “tkellmu f’isem Alla . . . għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.” (2 Pietru 1:21) Għaldaqstant, il-prodott finali tassew li hu l-“kelma taʼ Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.

9, 10. Peress li ntużaw bnedmin bħala kittieba, il-Bibbja kif tittrasmetti iżjed emozzjoni u tolqotna iktar?

 9 Peress li ntużaw bnedmin bħala kittieba, il-Bibbja tittrasmetti ħafna emozzjoni u tolqotna ħafna. Il-kittieba tagħha kienu nies b’sentimenti bħal tagħna. Billi kienu imperfetti, huma ffaċċjaw provi u pressjonijiet bħalna. F’xi każi, l-ispirtu taʼ Jehovah nebbaħhom biex jiktbu dwar dak li kienu qed iħossu u t-taħbit li kienu għaddejjin minnu. (2 Korintin 12:7-10) Għalhekk kitbu dwar dak li għaddew minnu huma stess, xi ħaġa li l-ebda anġlu ma setaʼ jagħmel.

10 Ħu, per eżempju, lis-Sultan David taʼ Iżrael. Wara li kkommetta xi dnubiet serji, David ikkompona salm li fih fetaħ qalbu m’Alla u talbu għall-maħfra. Hu kiteb: “Aħsilni kollni mill-ħtija tiegħi; naddafni mid-dnub tiegħi. Għax jien nagħrafhom ħtijieti; id-dnub tiegħi dejjem quddiemi. Ara, jiena ssawwart fil-ħtija, u fid-dnub nisslitni ommi. La twarrabnix minn quddiemek, tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma; qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla.” (Salm 51:4, 5, 7, 13, 19 (51:2, 3, 5, 11, 17, NW ) Ma tħosshiex hawn id-diqa tal-kittieb? Min ħlief bniedem imperfett setaʼ jesprimi sentimenti bħal dawn mill-qalb?

Għala Ktieb dwar in-Nies?

11. Liema eżempji taʼ veru huma mniżżlin fil-Bibbja “għat-tagħlim tagħna”?

11 Hemm raġuni oħra għala l-Bibbja tolqotna. Fil-biċċa l-kbira, hija ktieb dwar in-nies—nies taʼ veru—dawk li qdew lil Alla u dawk li ma qdewhx. Naqraw dwar l-esperjenzi, it-tbatijiet, u l-ferħ tagħhom. Naraw ir-riżultat taʼ l-għażliet tagħhom fil-ħajja. Rakkonti bħal dawn tniżżlu “għat-tagħlim tagħna.” (Rumani 15:4) Permezz taʼ dawn l-eżempji taʼ veru, Jehovah jgħallimna b’modi li jmissulna qalbna. Ikkunsidra xi eżempji.

12. Ir-rakkonti tal-Bibbja dwar bnedmin żleali kif jgħinuna?

12 Il-Bibbja tgħidilna dwar bnedmin mhux leali, dawk  saħansitra mill-agħar, u xi ġralhom. F’dawn ir-rakkonti, nistgħu naraw kwalitajiet koroh fl-azzjonijiet tagħhom, u b’hekk inkunu nistgħu nifhmu dawn il-kwalitajiet aħjar. Per eżempju, liema kmand kontra ż-żlealtà setaʼ jkun iktar qawwi mill-eżempju ħaj taʼ din il-kwalità f’Ġuda, hekk kif wettaq il-pjan taʼ tradiment tiegħu kontra Ġesù? (Mattew 26:14-16, 46-50; 27:3-10) Rakkonti bħal dan huma iktar effettivi f’li jilħqulna qalbna, u jgħinuna nagħrfu u nirrifjutaw kwalitajiet moqżieża.

13. Il-Bibbja kif tgħinna nifhmu kwalitajiet mixtieqa?

13 Il-Bibbja tiddeskrivi wkoll ħafna qaddejja leali t’Alla. Nistgħu naqraw dwar id-devozzjoni u l-lealtà tagħhom. Naraw eżempji ħajjin tal-kwalitajiet li għandna bżonn nikkultivaw sabiex nersqu qrib lejn Alla. Ejja nieħdu l-fidi, per eżempju. Il-Bibbja tispjega x’inhi l-fidi u tgħidilna kemm din hija essenzjali jekk irridu nogħġbu lil Alla. (Lhud 11:1, 6) Imma l-Bibbja fiha wkoll eżempji ħajjin taʼ fidi murija b’azzjonijiet. Aħseb dwar il-fidi li wera Abraham meta pprova joffri lil Iżakk. (Ġenesi, kapitlu 22; Lhud 11:17-19) Permezz taʼ rakkonti bħal dawn, il-kelma “fidi” jibda jkollha tifsir akbar u jkun iktar faċli għalina li nifhmu x’inhi. Kemm hu għaref Jehovah li mhux biss iħeġġiġna biex nikkultivaw kwalitajiet mixtieqa imma wkoll jipprovdilna eżempji ħajjin taʼ kif intwerew dawn il-kwalitajiet!

14, 15. Il-Bibbja x’tgħidilna dwar waħda mara li marret fit-tempju, u x’nitgħallmu dwar Jehovah minn dan ir-rakkont?

14 Ir-rakkonti taʼ veru misjubin fil-Bibbja taʼ spiss jgħallmuna xi ħaġa dwar x’tip taʼ persuna hu Jehovah. Ikkunsidra dak li naqraw dwar waħda mara li Ġesù ra fit-tempju. Waqt li kien bil-qiegħda ħdejn il-kaxxi tat-teżor, Ġesù kien qed iħares hekk kif in-nies kienu qed jitfgħu l-kontribuzzjonijiet tagħhom. Ġew ħafna nies għonja, li taw “miż-żejjed tagħhom.” Imma Ġesù baqaʼ jħares lejn waħda armla fqira. L-għotja tagħha kienet taʼ “biċċtejn żgħar,” muniti li  għandhom valur żgħir ferm. * Dawn kienu l-aħħar ftit flus li kien fadlilha. Ġesù, li kien jirrifletti b’mod perfett il-ħarsa taʼ Jehovah lejn l-affarijiet, innota: “Din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor.” Skond dan il-kliem, hi tefgħet iktar minn kulħadd f’daqqa.—Mark 12:41-44; Luqa 21:1-4; Ġwanni 8:28.

15 M’hijiex xi ħaġa notevoli li minn daqs dawk nies li dakinhar marru fit-tempju, din l-armla ntgħażlet u ssemmiet fil-Bibbja? Permezz taʼ dan l-eżempju, Jehovah jgħallimna li huwa Alla li jaf japprezza. Hu jogħġbu jaċċetta l-għotjiet li nagħtu b’ruħna kollha, ikunu kemm ikunu meta tqabbilhom ma’ dak li jistgħu jagħtu oħrajn. Jehovah ma setax isib mod aħjar kif jgħallimna din il-verità li tant tqawwi l-qalb!

X’Ma Fihiex il-Bibbja

16, 17. L-għerf taʼ Jehovah kif jidher saħansitra minn dak li għażel li ma jinkludix fil-Kelma tiegħu?

16 Meta tikteb ittra lil xi ħadd li tħobb, hemm limitu t’affarijiet li tistaʼ tinkludi. Għalhekk, toqgħod attent meta tagħżel dak li tikteb. Bl-istess mod, Jehovah għażel li jsemmi ċerti individwi u ġrajjiet fil-Kelma tiegħu. Imma f’dawn ir-rakkonti deskrittivi, il-Bibbja ma tispjegax dejjem id-dettalji kollha. (Ġwanni 21:25) Per eżempju, meta l-Bibbja titkellem dwar il-ġudizzju t’Alla, l-informazzjoni li tagħti għandha mnejn ma twiġibx kull mistoqsija li tqumilna. L-għerf taʼ Jehovah jidher saħansitra f’dak li għażel li ma jinkludix fil-Kelma tiegħu. Dan kif?

17 Il-mod kif inhi miktuba l-Bibbja qiegħed biex jiġi eżaminat x’hemm f’qalbna. Lhud 4:12 jgħid: “Il-kelma [jew, messaġġ] taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla  b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu . . . u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” Il-messaġġ tal-Bibbja jinfed fil-fond, u jikxef x’inhuma verament il-ħsibijiet u l-motivi tagħna. Dawk li jaqrawha b’qalb kritika taʼ spiss jitfixklu b’rakkonti li ma jkunx fihom informazzjoni biżżejjed li tissodisfahom. Uħud bħal dawn saħansitra jistgħu jiddubitaw jekk Jehovah jurix verament imħabba, għerf, u ġustizzja.

18, 19. (a) Għala m’għandniex għalfejn ninkwetaw jekk naqraw xi rakkont partikulari fil-Bibbja u jqumulna xi mistoqsijiet li ma nkunux nistgħu nsibu t-tweġibiet għalihom mill-ewwel? (b) X’hemm bżonn sabiex nifhmu l-Kelma t’Alla, u dan kif inhu evidenza taʼ l-għerf kbir taʼ Jehovah?

18 Mill-banda l-oħra, meta l-Bibbja nistudjawha bir-reqqa u b’qalb sinċiera, naslu biex naraw lil Jehovah kif jidher fil-kuntest tal-Bibbja kollha kemm hi. Għalhekk, aħna ma ninkwetawx meta naqraw xi rakkont u jqumulna xi mistoqsijiet li ma nkunux nistgħu nsibu t-tweġibiet għalihom mill-ewwel. Biex nagħtu eżempju: Meta nkunu qed ngħaqqdu jigsaw puzzle kbira, forsi għall-ewwel ma nkunux nistgħu nsibu biċċa partikulari jew ma nkunux nistgħu naraw fejn trid tiġi xi biċċa. Madankollu, forsi nkunu għaqqadna biżżejjed biċċiet biex ikollna idea taʼ x’inhi l-istampa sħiħa. B’mod simili, meta nistudjaw il-Bibbja, ftit ftit nibdew nitgħallmu dwar x’tip t’Alla hu Jehovah, u nibdew naraw stampa ċara. Avolja għall-ewwel ma nkunux nistgħu nifhmu ċertu rakkont jew naraw kif dan jaqbel mal-personalità t’Alla, l-istudju tagħna tal-Bibbja jkun diġà għallimna iktar milli għandna bżonn dwar Jehovah biex bih inkunu nistgħu naraw li bla dubju huwa Alla li jħobb u li jimxi b’mod ġust.

19 Mela, biex nifhmu l-Kelma t’Alla, irridu naqrawha u nistudjawha b’qalb sinċiera u moħħ miftuħ. M’hijiex din evidenza taʼ l-għerf kbir taʼ Jehovah? Bnedmin intelliġenti jafu jiktbu kotba li “l-għorrief u l-intellettwali” biss ikunu jistgħu jifhmuhom. Imma biex wieħed ikun l-awtur taʼ ktieb li jistaʼ jinftiehem biss minn dawk li għandhom il-motivazzjoni  t-tajba f’qalbhom hemm bżonn l-għerf t’Alla!—Mattew 11:25, NW.

Ktieb t’“Għerf Kbir”

20. Għala Jehovah biss jistaʼ jgħidilna kif l-aħjar li ngħixu, u l-Bibbja x’fiha li jistaʼ jgħinna?

20 Fil-Kelma tiegħu, Jehovah jgħidilna l-aħjar mod kif ngħixu. Bħala l-Ħallieq tagħna, hu jaf il-bżonnijiet tagħna aħjar minna. U l-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem—inkluż ix-xewqa li jsib l-imħabba, li jkun ferħan, u li jirnexxi fir-relazzjonijiet tiegħu—baqgħu l-istess. Il-Bibbja fiha abbundanza taʼ “għerf kbir” li jistaʼ jgħinna ngħixu ħajjiet sinifikanti. (Proverbji 2:7, ) Kull taqsima taʼ dan il-ktieb taʼ studju fiha kapitlu li juri kif nistgħu napplikaw il-pariri għaqlin tal-Bibbja, imma hawnhekk ejja nikkunsidraw biss eżempju wieħed.

21-23. Liema parir għaqli jistaʼ jgħinna ma nżommux f’qalbna r-rabja u l-imrar?

21 Qatt innotajt li min iżomm fil-komma jew jibqaʼ rrabjat f’qalbu spiss jispiċċa jweġġa’ lilu nnifsu? Ir-rabja jew l-imrar huwa piż tqil xi ġġorr f’ħajtek. Meta nżommuh ġo fina, dan jixorbilna ħsibijietna, jisirqilna l-paċi, u joħonqilna l-ferħ tagħna. L-istudji xjentifiċi jindikaw illi jekk nibqgħu rrabjati nistgħu nżidu r-riskju taʼ mard tal-qalb u ħafna mard kroniku ieħor. Ħafna żmien qabel ma bdew isiru studji xjentifiċi bħal dawn, il-Bibbja bl-għerf qalet: “Ħallik mill-korla u la tirrabjax.” (Salm 37:8) Imma dan kif nistgħu nagħmluh?

22 Il-Kelma t’Alla toffri l-parir għaqli: “Bniedem bil-għaqal [“dehen,” NW] idum ma jagħdab, hu ġieħ għalih jagħlaq għajnejh għall-offiża.” (Proverbji 19:11) Meta jkollok id-dehen ma tarax l-affarijiet sempliċement kif jidhru minn barra jew tara dak li huwa ovvju biss. Id-dehen jagħtina l-fehma, għax jistaʼ jgħinna nagħrfu għala persuna tkellmet jew aġixxiet b’ċertu mod. Jekk nipprovaw nifhmu l-motivi, is-sentimenti, u ċ-ċirkustanzi ġenwini tagħha, inkunu nistgħu nwarrbu ħsibijiet u sentimenti negattivi dwarha.

 23 Il-Bibbja fiha dan il-parir ukoll: “Stabru b’xulxin, u . . . aħfru lil xulxin.” (Kolossin 3:13) L-espressjoni “stabru b’xulxin” tindika li nkunu paċenzjużi m’oħrajn, u nittolleraw xi karatteristiċi fihom li forsi jdejquna. Din it-tolleranza tistaʼ tgħinna biex ma nżommux f’qalbna xi offiżi żgħar. Il-fatt ‘li taħfer’ jagħti l-idea taʼ li ma tibqax tħoss imrar ġo fik. L-Alla għaref tagħna jaf li jeħtieġ naħfru lil oħrajn meta jkollna bażi xierqa biex nagħmlu hekk. Dan mhux biss huwa taʼ ġid għalihom imma wkoll jagħmel tajjeb għall-paċi taʼ moħħna u qalbna stess. (Luqa 17:3, 4) X’għerf hemm fil-Kelma t’Alla!

24. Xi jkun ir-riżultat meta ħajjitna nġibuha taqbel ma’ l-għerf divin?

24 Imqanqal mill-imħabba bla tarf li għandu, Jehovah ried jikkomunika magħna. Hu għażel l-aħjar mod possibbli biex jagħmel dan—“ittra” miktuba minn kittieba umani bil-gwida taʼ l-ispirtu qaddis. Bħala riżultat, fil-paġni tagħha nsibu l-għerf taʼ Jehovah stess. Dan l-għerf huwa ‘ta’ min joqgħod fuqu’ ħafna. (Salm 93:5) Hekk kif ħajjitna nġibuha taqbel miegħu u hekk kif naqsmuh m’oħrajn, aħna naturalment se nersqu qrib lejn Alla tagħna li għandu għerf assolut. Fil-kapitlu li jmiss, se niddiskutu eżempju kbir ieħor taʼ l-għerf taʼ Jehovah li kapaċi jara fil-bogħod: l-abbiltà li għandu li jbassar il-futur u li jwettaq l-iskop tiegħu.

^ par. 8 Per eżempju, David, li kien ragħaj, juża eżempji meħudin mill-ħajja tiegħu bħala ragħaj. (Salm 23) Mattew, li darba kien kollettur tat-taxxi, kemm-il darba jirreferi għaċ-ċifri u l-valur tal-flus. (Mattew 17:27; 26:15; 27:3) Luqa, li kien tabib, juża kliem li jirrifletti l-ħarsa medika tiegħu.—Luqa 4:38; 14:2; 16:20.

^ par. 14 Kull waħda minn dawn il-muniti kienet lepton, l-iżgħar munita Lhudija li kienet tintuża dak iż-żmien. Żewġ muniti bħal dawn kienu jiswew daqs 1/64 taʼ paga taʼ ġurnata. Lanqas biss kienu biżżejjed biex jinxtara għasfur tal-bejt wieħed, l-orħos għasfur li l-fqar kienu jużaw għall-ikel.