1-3. Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah huwa umli?

MISSIER irid jagħti tagħlima importanti ħafna lil ibnu ż-żgħir. Jixtieq ħafna jilħaqlu qalbu. X’għandu jagħmel? Għandu joqgħod bil-wieqfa quddiemu biex jidher kemm hu akbar mit-tifel u juża kliem aħrax? Jew għandu jinżel kokka ħdejn it-tifel u jitkellem b’mod ħelu u ħanin? Żgur li missier għaref u umli se juża l-ħlewwa.

2 X’tip taʼ Missier huwa Jehovah—imkabbar jew umli, aħrax jew ħelu? Jehovah jaf kollox, għandu għerf assolut. Madankollu, qatt innotajt li n-nies mhux bilfors ikunu umlin jekk ikollhom l-għarfien u l-intelliġenza? Bħalma tgħid il-Bibbja, “l-għerf jonfoħna.” (1 Korintin 3:19; 8:1) Imma Jehovah, li huwa “għaref f’qalbu,” huwa wkoll umli. (Ġob 9:4, ) Dan ma jfissirx li b’xi mod għandu pożizzjoni baxxa jew huwa nieqes mill-maestà, imma jfisser li m’huwiex imkabbar. Dan għala?

3 Jehovah huwa qaddis. Għalhekk, il-kburija, kwalità li tniġġes, ma tinsabx fih. (Mark 7:20-22) Iktar minn hekk, innota x’qal il-profeta Ġeremija lil Jehovah: “Ruħek [Jehovah innifsu] żgur se tiftakar u titbaxxa ħdejja.” * (Lamentazzjonijiet 3:20, NW ) Immaġina ftit! Jehovah, il-Mulej Sovran taʼ l-univers, kien lest li ‘jitbaxxa’, jew jinżel għal-livell taʼ Ġeremija, sabiex jagħti lil dak il-bniedem imperfett attenzjoni favorevoli. (Salm 113:7) Iva, Jehovah huwa umli. Imma  l-umiltà li juri Alla x’tinvolvi? X’għandha x’taqsam ma’ l-għerf? U għala hija importanti għalina?

Kif Jehovah Juri li Hu Umli

4, 5. (a) X’inhi l-umiltà, kif tintwera, u għala qatt m’għandha tiġi mfixkla ma’ dgħjufija jew biżaʼ? (b) Jehovah kif wera l-umiltà bil-mod kif aġixxa ma’ David, u kemm hi importanti għalina l-umiltà taʼ Jehovah?

4 L-umiltà hija meta wieħed ma jkunx arroganti jew kburi. L-umiltà, kwalità ġewwinija tal-qalb, tidher f’karatteristiċi bħalma huma l-ħlewwa, il-paċenzja, u r-raġunevolezza. (Galatin 5:22, 23) Iżda dawn il-kwalitajiet divini qatt m’għandhom jiġu mfixklin ma’ dgħjufija jew biżaʼ. U ma jfissirx li m’humiex fi qbil mar-rabja ġusta taʼ Jehovah jew l-użu tiegħu tal-qawwa qerridija. Minflok, bl-umiltà u l-ħlewwa tiegħu, Jehovah juri s-saħħa immensa tiegħu, il-qawwa li jrażżan lilu nnifsu perfettament. (Isaija 42:14) L-umiltà x’għandha x’taqsam ma’ l-għerf? Xogħol wieħed taʼ referenza dwar il-Bibbja jinnota: “Fl-aħħar mill-aħħar  l-umiltà tingħata tifsira li . . . għandha x’taqsam ma’ l-altruiżmu u hija bażi essenzjali taʼ l-għerf kollu.” Mela, l-għerf ġenwin ma jistax jeżisti mingħajr l-umiltà. L-umiltà taʼ Jehovah kif inhi taʼ benefiċċju għalina?

Missier għaref jittratta lil uliedu b’umiltà u ħlewwa

5 Is-Sultan David kanta lil Jehovah: “Int tajtni t-tarka tas-salvazzjoni tiegħek, lemintek għenitni, [“l-umiltà,” NW] tiegħek kabbritni.” (Salm 18:36 [18:35, NW]) Fir-realtà, Jehovah tbaxxa sabiex jaġixxi għall-ġid taʼ dan is-sempliċi bniedem imperfett, billi pproteġieh u għenu jum wara l-ieħor. David irrealizza li kien se jsib is-salvazzjoni—u fl-aħħar mill-aħħar saħansitra jikseb ċertu kobor bħala sultan—biss minħabba li Jehovah kien lest li jumilja Lilu nnifsu b’dan il-mod. Fil-fatt, min minna verament kien se jkollu xi tama taʼ salvazzjoni li kieku Jehovah ma kienx umli u lest li jitbaxxa sabiex jittrattana bħala Missier li juri ħlewwa u mħabba?

6, 7. (a) Il-Bibbja għala qatt ma tirreferi għal Jehovah bħala li hu modest? (b) X’inhi r-relazzjoni bejn il-ħlewwa u l-għerf, u min jagħti l-aqwa eżempju f’dan ir-rigward?

6 Taʼ min jinnota li hemm differenza bejn l-umiltà u l-modestja. Il-modestja hija kwalità sabiħa li l-bnedmin leali għandhom jikkultivaw. Bħall-umiltà, din hija konnessa ma’ l-għerf. Per eżempju, Proverbji 11:2 jgħid: “[“Il-modesti,” NW] jkollhom l-għerf.” Madankollu, il-Bibbja qatt ma titkellem dwar Jehovah bħala li huwa modest. Għala le? Il-modestja, kif tintuża fl-Iskrittura, tissuġġerixxi li wieħed ikun konxju b’mod xieraq tal-limitazzjonijiet tiegħu. Dak li jistaʼ kollox m’għandux limitazzjonijiet ħlief dawk li jpoġġi fuqu nnifsu minħabba l-livelli ġusti tiegħu stess. (Mark 10:27; Titu 1:2) Iktar minn hekk, bħala l-Iktar Għoli, hu ma jrid jissottometti ruħu lejn ħadd. Għalhekk, il-kwalità tal-modestja sempliċement ma tapplikax għal Jehovah.

7 Madankollu, Jehovah huwa umli u ħelu. Hu jgħallem lill-qaddejja tiegħu li l-ħlewwa hija essenzjali biex ikollhom l-għerf veru. Il-Kelma tiegħu titkellem dwar “il-ħlewwa li  ġejja mill-għerf.” * (Ġakbu 3:13, NW ) Ikkunsidra l-eżempju taʼ Jehovah f’dan ir-rigward.

Jehovah Jiddelega u Jismaʼ b’Umiltà

8-10. (a) Għala hija ħaġa taʼ l-għaġeb li Jehovah juri li hu lest li jiddelega u li jismaʼ? (b) Dak li jistaʼ kollox kif aġixxa bl-umiltà ma’ l-anġli tiegħu?

8 Evidenza inkuraġġanti li Jehovah huwa umli tidher meta naraw li huwa lest li jiddelega r-responsabbiltà u li jismaʼ. Il-fatt biss li jagħmel ħaġa bħal din huwa taʼ l-għaġeb; Jehovah m’għandux bżonn għajnuna jew pariri. (Isaija 40:13, 14; Rumani 11:34, 35) Madankollu, il-Bibbja kemm-il darba turina li Jehovah juri umiltà b’dawn il-modi.

9 Per eżempju, ikkunsidra ġrajja impressjonanti fil-ħajja t’Abraham. Lil Abraham żaruh tliet persuni, u lil wieħed minnhom hu sejjaħlu “Sidi [“Jehovah,” NW].” Dawn in-nies fil-fatt kienu anġli, imma wieħed minnhom ġie f’isem Jehovah u kien qed jaġixxi f’Ismu. Meta dak l-anġlu tkellem u aġixxa, Jehovah kien, fil-fatt, qed jitkellem u jaġixxi. Permezz tiegħu, Jehovah qal lil Abraham li Hu kien semaʼ “l-għajta qawwija taʼ Sodoma u Gomorra.” Jehovah qal: “Issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skond l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, nkun naf.” (Ġenesi 18: 3, 20, 21) M’għandniex xi ngħidu, il-messaġġ taʼ Jehovah ma kienx ifisser li Dak li jistaʼ kollox kien se ‘jinżel’ personalment. Minflok, hu reġaʼ bagħat lill-anġli biex jirrappreżentawh. (Ġenesi 19:1) Għala? Ma setax Jehovah, li jara kollox, ‘ikun jaf’ waħdu l-qagħda vera taʼ dawk il-postijiet? Dażgur. Imma minflok, Jehovah b’umiltà ta lil dawk l-anġli l-inkarigu li jinvestigaw is-sitwazzjoni u jżuru lil Lot u l-familja tiegħu f’Sodoma.

10 Iktar minn hekk, Jehovah jismaʼ. Darba minnhom staqsa lill-anġli tiegħu biex jissuġġerixxu diversi modi kif setaʼ  jtemm lis-Sultan ħażin Aħab. Jehovah ma kellux bżonn għajnuna f’dan. Imma hu aċċetta s-suġġeriment taʼ wieħed mill-anġli u qabbdu jwettaq dak li qal. (1 Slaten 22:19-22) Ma kienx dan att umli?

11, 12. Abraham kif sar midħla taʼ l-umiltà taʼ Jehovah?

11 Jehovah saħansitra lest li jismaʼ lil bnedmin imperfetti li jixtiequ jesprimu dak li jinkwetahom. Per eżempju, meta Jehovah qal għall-ewwel darba lil Abraham bl-intenzjoni Tiegħu li jeqred lil Sodoma u Gomorra, dan ir-raġel leali tħawwad ftit. “Ma jkun qatt minnek, l-imħallef taʼ l-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja,” qal Abraham. Hu staqsa jekk Jehovah kienx se jaħfirha lill-bliet jekk isib 50 bniedem ġust hemmhekk. Jehovah żgurah li hekk kien se jagħmel. Imma Abraham reġaʼ staqsieh, u naqqas in-numru għal 45, imbagħad 40, u baqaʼ sejjer hekk. Minkejja li Jehovah baqaʼ jassigurah li hekk kien se jagħmel, Abraham ippersista sakemm in-numru niżel għal għaxra biss. Forsi Abraham kien għadu ma fehemx għalkollox kemm Jehovah huwa ħanin. Kienet x’kienet ir-raġuni għala Abraham aġixxa hekk, Jehovah bis-sabar u bl-umiltà ħalla lill-ħabib u l-qaddej tiegħu Abraham jesprimi b’dan il-mod dak li kien qed jinkwetah.—Ġenesi 18:23-33.

12 Kemm hemm nies bravi u għorrief li joqogħdu jisimgħu bis-sabar lil xi ħadd li huwa ħafna inqas intelliġenti minnhom? * Alla tagħna b’umiltà hekk għamel. Matul l-istess konversazzjoni, Abraham tgħallem ukoll li Jehovah “tqil biex jagħdab.” (Eżodu 34:6) Forsi għax irrealizza li ma kellu l-ebda dritt jiddubita l-azzjonijiet taʼ l-Iktar Għoli, Abraham darbtejn talab bil-ħrara: “La tagħdabx, ja Sidi.” (Ġenesi 18:30, 32) M’għandniex xi ngħidu, Jehovah m’għadabx. Hu tassew li għandu “l-ħlewwa li ġejja mill-għerf.”

 Jehovah Huwa Raġunevoli

13. Xi tfisser il-kelma “raġunevoli” kif tintuża fil-Bibbja, u din il-kelma għala tiddeskrivi tajjeb lil Jehovah?

13 L-umiltà taʼ Jehovah tidher ukoll fi kwalità sabiħa oħra—ir-raġunevolezza. B’dispjaċir, din il-kwalità hija nieqsa ħafna fil-bnedmin imperfetti. Jehovah mhux biss huwa lest li jismaʼ lill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu imma huwa wkoll lest li jċedi meta ma jkun hemm xejn li jmur kontra l-prinċipji ġusti tiegħu. Kif tintuża fil-Bibbja, il-kelma “raġunevoli” letteralment tfisser “li ċċedi.” Din il-kwalità wkoll hija karatteristika li tispikka fl-għerf divin. Ġakbu 3:17 (NW ) jgħid: “L-għerf li ġej minn fuq hu . . . raġunevoli.” Jehovah, li għandu għerf assolut, f’liema sens huwa raġunevoli? L-ewwelnett kapaċi jaddatta. Ftakar li ismu stess jgħallimna li Jehovah iġiegħel lilu nnifsu jsir kulma jkun hemm bżonn sabiex iwettaq l-iskopijiet tiegħu. (Eżodu 3:14, NW ) Ma jindikax dan spirtu flessibbli u raġunevoli?

14, 15. Il-viżjoni t’Eżekjel tal-karru ċelestjali taʼ Jehovah x’tgħallimna dwar l-organizzazzjoni tas-sema taʼ Jehovah, u din kif inhi differenti mill-organizzazzjonijiet dinjin?

14 Fil-Bibbja hemm silta taʼ min jinnotaha li tgħinna nibdew nifhmu l-kapaċità li Jehovah għandu biex jaddatta. Il-profeta Eżekjel ngħata viżjoni taʼ l-organizzazzjoni tas-sema taʼ Jehovah magħmula minn ħlejjaq spirti. Hu ra karru taʼ daqs li jqanqal stagħġib profond, il-“vettura” taʼ Jehovah innifsu li tinsab dejjem fil-kontroll Tiegħu. L-iktar ħaġa interessanti kienet il-mod kif kien jiċċaqlaq dan il-karru. Ir-roti ġganteski kellhom erba’ naħat u kienu mimlijin għajnejn sabiex b’hekk setgħu jaraw kullimkien u setgħu jibdlu d-direzzjoni fil-pront, mingħajr ma jieqfu jew iduru. U dan il-karru ġgantesk ma kellux għalfejn jimxi b’ħafna storbju bħal xi vettura goffa magħmula mill-bniedem. Setaʼ jiċċaqlaq bħal leħħa taʼ berqa, saħansitra billi jagħmel dawrien taʼ disgħin grad! (Eżekjel 1:1, 14-28) Iva, l-organizzazzjoni taʼ Jehovah, bħas-Sovran omnipotenti li jikkontrollaha, għandha kapaċità kbira li taddatta, u meta jkun hemm bżonn, din  tirreaġixxi malajr għas-sitwazzjonijiet u l-bżonnijiet hekk kif dawn jinbidlu.

15 Il-bnedmin jistgħu biss jipprovaw jimitaw din il-kapaċità perfetta taʼ Jehovah li jaddatta. Iżda, iktar iva milli le, il-bnedmin u l-organizzazzjonijiet tagħhom huma iżjed riġidi milli flessibbli, iktar m’humiex raġunevoli milli jċedu. Biex nagħtu eżempju: Tanker kbir ħafna jew ferrovija tal-merkanzija tistaʼ tħallik mistagħġeb minħabba l-kobor u l-qawwa tagħha. Imma jistaʼ wieħed minnhom jirreaġixxi għal tibdil f’daqqa fiċ-ċirkustanzi? Jekk ferrovija tkun għaddejja u taqaʼ xi ħaġa t’ostaklu fuq il-linji taʼ quddiemha, din żgur li ma tistax iddur. Lanqas m’hu daqshekk faċli li tieqaf f’daqqa. Ferrovija b’merkanzija tqila tistaʼ tieħu kważi żewġ kilometri biex tieqaf wara li jkunu ntużaw il-brejkijiet! Bl-istess mod, tanker kbir ħafna jistaʼ jdum miexi ’l quddiem tmien kilometri oħra wara li jintfew il-magni. Anki jekk il-magni jitħaddmu biex it-tanker jimxi b’lura, dan għandu mnejn ikompli għaddej ’il quddiem għal xi tliet kilometri! Dan jixbah lill-organizzazzjonijiet umani li għandhom it-tendenza li jkunu riġidi u mhux raġunevoli. Minħabba l-kburija, in-nies taʼ spiss jirrifjutaw li jaddattaw għall-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi li jinbidlu. Kien hemm kumpaniji li fallew u gvernijiet li waqgħu minħabba li kienu riġidi. (Proverbji 16:18) Kemm għandna għalxiex nifirħu li la Jehovah u lanqas l-organizzazzjoni tiegħu m’huma hekk!

Kif Jehovah Juri r-Raġunevolezza

16. Jehovah kif wera r-raġunevolezza bil-mod kif aġixxa ma’ Lot qabel il-qerda taʼ Sodoma u Gomorra?

16 Ikkunsidra mill-ġdid il-qerda taʼ Sodoma u Gomorra. Lot, flimkien mal-familja tiegħu, irċieva istruzzjonijiet ċari mill-anġlu taʼ Jehovah: “Aħrab lejn l-għoljiet li ma tinqeridx.” Madankollu, dan m’għoġbux lil Lot. “Le, ja Sidi,” issupplika hu. Peress li kien konvint li kien se jmut jekk jaħrab lejn il-muntanji, Lot talab li hu u l-familja tiegħu jitħallew jaħarbu lejn belt fil-qrib li kien jisimha Sogħar. Issa, Jehovah kien  ippjana li jeqred dik il-belt. Iktar minn hekk, Lot ma kellux għalfejn jibżaʼ. Żgur li Jehovah kien se jżomm lil Lot ħaj fil-muntanji! Minkejja dan, Jehovah ċeda għas-suppliki taʼ Lot u lil Sogħar ma qeridhiex. “Ara jien se naqtagħlek xewqtek f’din il-ħaġa wkoll,” qal l-anġlu lil Lot. (Ġenesi 19:17-22) Ma kienx Jehovah raġunevoli meta għamel dan?

17, 18. Bil-mod kif aġixxa man-nies taʼ Ninwè, Jehovah kif wera li hu raġunevoli?

17 Jehovah jagħti kas ukoll l-indiema mill-qalb, u dejjem jimxi bil-ħniena u jagħmel dak li hu sewwa. Ikkunsidra x’ġara meta l-profeta Ġona ntbagħat fil-belt vjolenti u mill-agħar taʼ Ninwè. Hu u miexi fit-toroq taʼ Ninwè, Ġona ħabbar messaġġ imnebbaħ li kien pjuttost sempliċi: Il-belt setgħana kienet se tinqered fi żmien 40 jum. Madankollu, iċ-ċirkustanzi nbidlu mil-lejl għan-nhar. In-nies taʼ Ninwè nidmu!—Ġona, kapitlu 3.

18 Nistgħu nitgħallmu ħafna meta nqabblu kif irreaġixxa Jehovah ma’ kif irreaġixxa Ġona meta nbidlu l-affarijiet. F’din is-sitwazzjoni, Jehovah addatta, u ġagħal lilu nnifsu jsir Wieħed li jaħfer id-dnubiet minflok “gwerrier.” * (Eżodu 15:3) Mill-banda l-oħra, Ġona ma kienx flessibbli u ma tantx wera ħniena. Minflok ma rrifletta r-raġunevolezza taʼ Jehovah, hu iktar irreaġixxa bħall-ferrovija tal-merkanzija jew it-tanker kbir li semmejna qabel. Kien ħabbar qerda, u qerda kellha tkun! Iżda, bis-sabar, Jehovah ta lil dan il-profeta bla sabar tagħlima li baqaʼ jiftakarha dwar ir-raġunevolezza u l-ħniena.—Ġona, kapitlu 4.

Jehovah huwa raġunevoli u jifhem il-limitazzjonijiet tagħna

19. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah huwa raġunevoli f’dak li jippretendi minna? (b) Proverbji 19:17 kif juri li Jehovah huwa Sid ‘tajjeb u raġunevoli’ kif ukoll umli ferm?

19 Fl-aħħarnett, Jehovah huwa raġunevoli f’dak li jippretendi minna. Is-Sultan David qal: “Hu jaf kif aħna magħġuna, jiftakar li aħna trab.” (Salm 103:14) Jehovah jifhem il-limitazzjonijiet u l-imperfezzjonijiet tagħna aħjar minna. Qatt  ma jippretendi minna iktar milli nistgħu nagħmlu. Il-Bibbja tagħmel kuntrast bejn dawk is-sidien umani li huma “tajbin u raġunevoli” u dawk li “diffiċli biex togħġobhom.” (1 Pietru 2:18, NW ) Jehovah x’tip taʼ Sid hu? Innota x’jgħid Proverbji 19:17: “Min iħenn għall-fqir ikun qed jislef lill-Mulej.” B’mod ċar, sid tajjeb u raġunevoli biss se jinnota kull att taʼ ħniena li jintwera lejn il-fqir. Iktar minn hekk, din l-iskrittura tissuġġerixxi li l-Ħallieq taʼ l-univers, fil-fatt, iqis lilu nnifsu midjun ma’ dawk is-sempliċi bnedmin li jwettqu atti taʼ ħniena bħal dawn! Din hi umiltà taʼ l-aqwa tip.

20. Għala nistgħu nkunu ċerti li Jehovah jismaʼ u jwieġeb it-talb tagħna?

20 Bil-mod kif jittratta lill-qaddejja tiegħu llum, Jehovah ukoll juri l-istess ħlewwa u raġunevolezza. Meta nitolbu bil-fidi, hu jismaʼ. U avolja ma jibgħatx messaġġiera anġeliċi biex ikellmuna, m’għandniex naqtgħuha li hu ma jwiġibx it-talb tagħna. Ftakar li meta l-appostlu Pawlu talab lil sħabu fit-twemmin biex jibqgħu jitolbu ħalli jinħeles mill-ħabs, hu żied: “Biex nerġaʼ nkun magħkom mill-aktar fis.” (Lhud 13:18, 19) Mela t-talb tagħna fil-fatt jistaʼ jqanqal lil Jehovah biex jagħmel xi ħaġa li ma kienx jagħmilha li kieku ma tlabniehx!—Ġakbu 5:16.

21. X’qatt m’għandna nikkonkludu meta nqisu l-umiltà taʼ Jehovah, imma minflok, x’għandna nirrealizzaw dwaru?

 21 M’għandniex xi ngħidu, l-ebda waħda minn dawn il-kwalitajiet li juru l-umiltà taʼ Jehovah—il-ħlewwa tiegħu, ix-xewqa li jismaʼ, is-sabar tiegħu, ir-raġunevolezza tiegħu—ma tfisser li Jehovah jagħmel kompromess fejn jidħlu l-prinċipji ġusti tiegħu. Il-kleru tal-Kristjaneżmu għandu mnejn jaħseb li jkun raġunevoli meta jgħarrax widnejn in-nies billi jbenġel il-livelli morali taʼ Jehovah. (2 Timotju 4:3) Imma t-tendenza tal-bnedmin li jagħmlu kompromess fejn ikun jaqblilhom m’għandha x’taqsam xejn mar-raġunevolezza t’Alla. Jehovah huwa qaddis; qatt m’hu se jniġġes il-livelli ġusti tiegħu. (Levitiku 11:44) Mela, ejja nħobbu r-raġunevolezza taʼ Jehovah għal dak li hi—prova taʼ l-umiltà tiegħu. Ma tiħux pjaċir meta taħseb li Alla Jehovah, l-iktar Esseri għaref fl-univers, huwa wkoll umli b’mod taʼ l-għaġeb? Kemm hi ħaġa sabiħa li nersqu qrib lejn dan l-Alla maestuż imma fl-istess ħin li juri ħlewwa, sabar, u raġunevolezza!

^ par. 3 L-iskribi tal-qedem, jew is-Soferim, biddlu dan il-vers biex jgħid li Ġeremija, mhux Jehovah, huwa l-wieħed li jitbaxxa. Milli jidher ħasbu li ma kienx xieraq li jingħad li Alla għamel dan l-att umli. Bħala riżultat, ħafna traduzzjonijiet ma joħorġuhx il-punt f’dan il-vers sabiħ. Madankollu, The New English Bible b’mod eżatt tgħid li Ġeremija qal lil Alla: “Ftakar, O ftakar, u mil ħdejja.”

^ par. 7 Verżjonijiet oħra jgħidu “l-umiltà li ġejja mill-għerf” u “dik il-ġentilezza li hija l-karatteristika li tispikka taʼ l-għerf.”

^ par. 12 Ta’ interess, il-Bibbja tagħmel kuntrast bejn is-sabar u l-kburija. (Koħèlet 7:8) Is-sabar taʼ Jehovah ikompli jagħti iktar evidenza taʼ l-umiltà tiegħu.—2 Pietru 3:9.

^ par. 18 F’Salm 86:5, Jehovah jintqal li hu ‘twajjeb u jaħfer.’ Meta dan is-salm inqaleb għall-Grieg, il-kelma “jaħfer” ġiet tradotta e·pi·ei·kesʹ, jew “raġunevoli.”