Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 13

“Il-Liġi tal-Mulej perfetta”

“Il-Liġi tal-Mulej perfetta”

1, 2. Ħafna nies għala ftit li xejn għandhom rispett lejn il-liġi, imma kif nistgħu nibdew inħossuna dwar il-liġijiet t’Alla?

“IL-LIĠI hija ħofra bla qiegħ, din . . . tiblaʼ kollox.” Dan il-kliem deher fi ktieb li ġie pubblikat lura fl-1712. Il-kittieb tiegħu maqdar sistema legali li fiha l-kawżi ġieli kienu jdumu jkarkru fil-qorti għal snin sħaħ, u sadattant ifallu lil dawk li jkunu qed ifittxu l-ġustizzja. F’ħafna pajjiżi, is-sistemi legali u ġudizzjarji tant huma komplikati, tant huma mimlijin b’inġustizzja, preġudizzju, u inkonsistenzi, li ħafna issa saru jobogħduha l-liġi.

2 B’kuntrast kbir ma’ dan, ikkunsidra l-kliem li nkiteb xi 2,700 sena ilu: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!” (Salm 119:97) Is-salmista għala ħass dawn is-sentimenti profondi? Għax il-liġi li faħħar ma kinitx ġejja minn xi gvern sekulari, imma minn Alla Jehovah. Hekk kif tistudja l-liġijiet taʼ Jehovah, tistaʼ tibda tħossok iktar u iktar bħalma ħassu s-salmista. Studju bħal dan se jgħinek tifhem kif jaħseb l-aqwa Leġislatur fl-univers.

Il-Leġislatur Suprem

3, 4. Jehovah b’liema modi wera li hu Leġislatur?

3 “Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef,” tgħidilna l-Bibbja. (Ġakbu 4:12) Tabilħaqq, Jehovah huwa l-uniku Leġislatur veru. Anki l-movimenti tal-pjaneti huma kontrollati mil-“liġijiet tas-sema.” (Ġob 38:33) Il-mirjadi t’anġli qaddisin taʼ Jehovah bl-istess mod huma gvernati minn liġi divina, għax huma organizzati f’pożizzjonijiet speċifiċi u jaqdu taħt il-kmand taʼ Jehovah bħala qaddejja tiegħu.—Lhud 1:7, 14.

4 Jehovah ta liġijiet lill-bnedmin ukoll. Kull wieħed minna għandu kuxjenza, riflessjoni tas-sens taʼ ġustizzja taʼ Jehovah.  Bħala tip taʼ liġi ġewwinija, il-kuxjenza tistaʼ tgħinna nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin. (Rumani 2:14) L-ewwel ġenituri tagħna ġew imberkin b’kuxjenza perfetta, u għalhekk kienu jeħtieġu biss ftit liġijiet. (Ġenesi 2:15-17) Madankollu, il-bniedem imperfett jeħtieġ iktar liġijiet ħalli jiggwidawh biex jagħmel ir-rieda t’Alla. Patrijarki bħal Noè, Abraham, u Ġakobb irċivew liġijiet minn Alla Jehovah u għaddewhom lill-familji tagħhom. (Ġenesi 6:22; 9:3-6; 18:19; 26:4, 5) Jehovah ġiegħel lilu nnifsu jsir Leġislatur bħalma qatt kien qabel, meta lill-ġens taʼ Iżrael tah kodiċi taʼ Liġi permezz taʼ Mosè. Din il-kodiċi legali tgħinna nifhmu ħafna s-sens taʼ ġustizzja taʼ Jehovah.

Ħarsa Ħafifa Lejn il-Liġi Mosajka

5. Kienet il-Liġi Mosajka sett taʼ liġijiet tqal u komplikati, u għala twieġeb hekk?

5 Ħafna donnhom jaħsbu li l-Liġi Mosajka kienet sett taʼ liġijiet tqal u komplikati. Din l-idea m’għandha x’taqsam xejn mal-verità. Fil-kodiċi kollha hemm iktar minn 600 liġi. Dawn jistgħu jinstemgħu ħafna, imma aħseb ftit: Sa tmiem is-seklu 20, il-liġijiet federali taʼ l-Istati Uniti mlew iktar minn 150,000 paġna taʼ kotba legali. Kull sentejn jiżdiedu magħhom xi 600 liġi oħra! Allura jekk nitkellmu biss dwar il-kwantità, il-Liġi Mosajka lanqas biss tidher ħdejn il-muntanja taʼ liġijiet tal-bniedem. Madankollu, il-Liġi t’Alla ggwidat lill-Iżraelin f’aspetti tal-ħajja li l-liġijiet moderni lanqas biss jibdew biex jikkunsidrawhom. Ejja nagħtu ħarsa ħafifa lejn il-Liġi.

6, 7. (a) Lil-Liġi Mosajka x’jagħmilha differenti minn kwalunkwe sistema oħra taʼ liġijiet, u x’inhu l-akbar kmandament taʼ dik il-Liġi? (b) L-Iżraelin kif setgħu juru li jaċċettaw is-sovranità taʼ Jehovah?

6 Il-Liġi gglorifikat is-sovranità taʼ Jehovah. B’hekk, il-Liġi Mosajka ma tistaʼ titqabbel ma’ l-ebda sistema oħra taʼ liġijiet. L-akbar liġi li kien fiha kienet din: “Ismaʼ, O Iżrael: Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu. Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u  b’saħħtek kollha.” In-nies t’Alla kif kellhom jesprimu mħabbithom lejh? Kellhom jaqduh, u jissottomettu ruħhom lejn is-sovranità tiegħu.—Dewteronomju 6:4, 5; 11:13.

7 Kull Iżraeli kien juri li jaċċetta s-sovranità taʼ Jehovah billi jissottometti ruħu lejn dawk li jitqiegħdu f’pożizzjoni t’awtorità fuqu. Il-ġenituri, il-kapijiet, l-imħallfin, il-qassisin, u maż-żmien, is-sultan, kollha kienu jirrappreżentaw l-awtorità divina. Jehovah qies kull irvell kontra dawk fl-awtorità bħala rvell kontrih. Mill-banda l-oħra, dawk fl-awtorità ssograw li jinkorlaw lil Jehovah jekk kienu se jittrattaw lill-poplu tiegħu b’inġustizzja jew b’arroganza. (Eżodu 20:12; 22:27 [22:28, NW]; Dewteronomju 1:16, 17; 17:8-20; 19:16, 17) B’hekk, iż-żewġ naħat kellhom ir-responsabbiltà li jappoġġaw is-sovranità t’Alla.

8. Il-Liġi kif appoġġat il-livell taʼ qdusija taʼ Jehovah?

8 Il-Liġi appoġġat il-livell taʼ qdusija taʼ Jehovah. Iż-żewġ kelmiet “qaddis” u “qdusija” jidhru iktar minn 280 darba fil-Liġi Mosajka. Il-Liġi għenet lin-nies t’Alla jagħrfu bejn dak li kien nadif u dak li ma kienx, dak li kien pur u dak li ma kienx, waqt li semmiet xi 70 ħaġa differenti li setgħu jniġġsu lil wieħed Iżraeli b’mod ċerimonjali. Dawn il-liġijiet kienu jsemmu l-indafa fiżika, id-dieta, u saħansitra x’kellu jsir mill-ħmieġ naturali. Liġijiet bħal dawn ipprovdew benefiċċji taʼ l-għaġeb għas-saħħa. * Imma kellhom skop akbar—li n-nies jibqgħu approvati minn Jehovah, separati mill-prattiċi midinbin tal-ġnus baxxi taʼ madwarhom. Ikkunsidra eżempju wieħed.

9, 10. Il-patt tal-Liġi inkluda liema liġijiet rigward ir-relazzjonijiet sesswali u t-twelid taʼ tarbija, u liema benefiċċji pprovdew dawn il-liġijiet?

9 Il-liġijiet tal-patt tal-Liġi kienu jgħidu li r-relazzjonijiet sesswali u t-twelid taʼ tarbija—anki fost nies miżżewġin—kienu  jġibu perijodu taʼ tinġis. (Levitiku 12:2-4; 15:16-18) Liġijiet taʼ dan it-tip ma kinux ibaxxu dawn ir-rigali nodfa mingħand Alla. (Ġenesi 1:28; 2:18-25) Minflok, dawn il-liġijiet kienu jappoġġaw il-qdusija taʼ Jehovah, u jżommu l-aduraturi tiegħu ħelsin mit-tinġis. Taʼ min jinnota li l-ġnus taʼ madwar Iżrael kellhom it-tendenza li jħalltu l-qima m’atti ċerimonjali tas-sess u tal-fertilità. Ir-reliġjon Kangħanija kienet tinkludi l-prostituzzjoni taʼ l-irġiel u tan-nisa. B’hekk, irriżultaw u xterdu affarijiet mill-iktar baxxi u moqżieża. B’kuntrast, il-Liġi żammet il-qima taʼ Jehovah separata għalkollox minn affarijiet sesswali. * Kien hemm benefiċċji oħra wkoll.

10 Dawk il-liġijiet servew biex jgħallmu verità vitali. * Wara kollox, it-tebgħa tad-dnub t’Adam kif tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra? Mhux permezz tar-relazzjonijiet sesswali u t-twelid? (Rumani 5:12) Iva, il-Liġi t’Alla fakkret lin-nies tiegħu dwar ir-realtà tad-dnub li hija dejjem preżenti. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna nitwieldu bid-dnub. (Salm 51:7 [51:5, NW]) Neħtieġu l-maħfra u l-fidwa sabiex nersqu qrib lejn l-Alla qaddis tagħna.

11, 12. (a) Il-Liġi liema prinċipju vitali tal-ġustizzja appoġġat? (b) Liema affarijiet li pproteġew il-ġustizzja mit-taħsir inkludiet il-Liġi?

11 Il-Liġi appoġġat il-ġustizzja perfetta taʼ Jehovah. Il-Liġi Mosajka appoġġat il-prinċipju taʼ ekwivalenza, jew bilanċ, fi kwistjonijiet taʼ ġustizzja. B’hekk, il-Liġi qalet: “Ħajja b’ħajja, għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, riġel b’riġel.” (Dewteronomju 19:21) Mela, f’każijiet kriminali, il-kastig kellu jkun skond id-delitt. Dan l-aspett tal-ġustizzja divina kien minsuġ  fil-Liġi u sa llum għadu essenzjali biex wieħed jifhem is-sagrifiċċju bħala fidwa taʼ Kristu Ġesù, bħalma se juri Kapitlu 14.—1 Timotju 2:5, 6.

12 Il-Liġi inkludiet ukoll affarijiet li jipproteġu l-ġustizzja mit-taħsir. Per eżempju, sabiex akkuża titqies valida ried ikun hemm minn taʼ l-inqas żewġ xhieda. Is-sentenza għal ġurament falz kienet ħarxa. (Dewteronomju 19:15, 18, 19) Il-korruzzjoni u t-tixħim kienu wkoll projbiti għalkollox. (Eżodu 23:8; Dewteronomju 27:25) Anki fi kwistjonijiet tan-negozju, in-nies t’Alla kellhom iżommu mal-livell għoli taʼ ġustizzja li għandu Jehovah. (Levitiku 19:35, 36; Dewteronomju 23:20, 21 [23:19, 20, NW]) Din is-sistema legali nobbli u ġusta kienet barka kbira għal Iżrael!

Liġijiet li Jenfasizzaw il-Ħniena u l-Imparzjalità fil-Ġudizzju

13, 14. Il-Liġi kif inkuraġġiet li ħalliel u l-vittma tiegħu jiġu trattati b’mod ġust u imparzjali?

13 Kienet il-Liġi Mosajka sett taʼ regoli riġidi u bla ħniena? Xejn affattu! Is-Sultan David ġie mnebbaħ jikteb: “Il-liġi tal-Mulej perfetta.” (Salm 19:8 [19:7, NW]) Bħalma kien jaf tajjeb hu, il-Liġi inkuraġġiet il-ħniena u l-imparzjalità. Dan kif għamlitu?

14 F’xi pajjiżi llum, il-liġi donnha iktar tħenn għall-kriminali u taġixxi favurihom milli taħdem fl-interess tal-vittmi. Per eżempju, il-ħallelin jistgħu jqattgħu xi żmien il-ħabs. Sadattant, il-vittmi għandhom mnejn ikunu għadhom mingħajr l-affarijiet misruqin, u minkejja dan ikollhom iħallsu t-taxxi li jipprovdu kenn u ikel lil dawn il-kriminali. F’Iżrael tal-qedem, ma kienx hemm ħabsijiet kif nafuhom illum. Kien hemm limiti stretti rigward kif kellhom jingħataw il-kastigi u sa liema punt. (Dewteronomju 25:1-3) Ħalliel kellu jpatti dak li jkun seraq lill-vittma. Barra minn hekk, il-ħalliel kellu jħallas iktar. Kemm? Mhux dejjem l-istess. Milli jidher, l-imħallfin kellhom l-għażla li jqisu diversi fatturi, bħall-indiema  tal-midneb. Dan kieku jispjega għala l-ħlas meħtieġ minn ħalliel skond Levitiku 5:20-26 (6:1-7, NW) huwa ħafna inqas minn dak speċifikat f’Eżodu 22:6 (22:7, NW).

15. Il-Liġi kif żgurat li tintwera l-ħniena kif ukoll il-ġustizzja f’każ li wieħed kien joqtol lil xi ħadd mingħajr ma jrid?

15 Il-Liġi għarfet b’mod ħanin li mhux id-dnubiet kollha jsiru apposta. Per eżempju, meta raġel kien joqtol lil xi ħadd mingħajr ma jrid, ma kellux għalfejn iħallas ħajja b’ħajja jekk jagħmel kif suppost u jaħrab lejn waħda mill-bliet tal-kenn li kienu mferrxin ma’ Iżrael. Wara li mħallfin kwalifikati jkunu eżaminaw il-każ tiegħu, hu kellu jibqaʼ jgħix fil-belt tal-kenn sal-mewt tal-qassis il-kbir. Imbagħad kien ikun ħieles li jgħix fejn irid. B’hekk kien jibbenefika mill-ħniena t’Alla. Fl-istess ħin, din il-liġi enfasizzat il-valur kbir tal-ħajja umana.—Numri 15:30, 31; 35:12-25.

16. Il-Liġi kif ipproteġiet ċerti drittijiet persunali?

16 Il-Liġi kienet tipproteġi d-drittijiet persunali. Ikkunsidra kif kienet tipproteġi lil dawk li kellhom id-dejn. Il-Liġi ma kinitx tippermetti li xi ħadd jaqbad u jidħol fid-dar taʼ min għandu jagħtih il-flus u jiħodlu xi proprjetà tiegħu bħala rahan. Minflok, il-kreditur kellu jibqaʼ barra u jħalli lil dak li għandu d-dejn miegħu jġibulu hu r-rahan. B’hekk, id-dar taʼ dak li jkun ma kinitx tintmess. Jekk il-kreditur kien jieħu bħala rahan il-libsa tal-wieħed midjun miegħu, kellu jagħtihielu lura sa fil-għaxija, għax il-midjun x’aktarx li kellu bżonnha biex issaħħnu bil-lejl.—Dewteronomju 24:10-14.

17, 18. Fejn jidħlu l-gwerer, l-Iżraelin kif kienu differenti minn ġnus oħra, u għala?

17 Anki l-gwerer kienu kontrollati bil-Liġi. Il-poplu t’Alla kellu jieħu sehem fi gwerer, mhux sempliċement biex jissodisfa l-kilba għall-poter jew għall-konkwista, imma biex jaġixxi bħala aġent t’Alla fil-“Gwerer tal-Mulej.” (Numri 21:14) F’ħafna każijiet, l-Iżraelin kellhom l-ewwelnett joffru kundizzjonijiet lill-belt l-oħra biex din iċċedi. Jekk din kienet tirrifjuta l-offerta, imbagħad Iżrael setaʼ jassedjaha—imma  skond ir-regoli t’Alla. Kuntrarju għal ħafna suldati matul l-istorja, l-irġiel fl-armata Iżraelija ma kinux jitħallew jistupraw lin-nisa jew joqtlu bl-addoċċ u għalxejn. Kellhom jirrispettaw ukoll l-ambjent, billi ma jaqtgħux is-siġar tal-frott taʼ l-għadu. * Armati oħra ma kellhomx restrizzjonijiet bħal dawn.—Dewteronomju 20:10-15, 19, 20; 21:10-13.

18 Titkexkex meta tismaʼ li f’xi pajjiżi saħansitra t-tfal qed jitħarrġu għal suldati? F’Iżrael tal-qedem, l-ebda raġel taħt l-20 sena ma kien jiddaħħal fl-armata. (Numri 1:2, 3) Anki raġel adult setaʼ ma jidħolx jekk kien ibati minn biżaʼ esaġerat. Raġel li jkun għadu kemm iżżewweġ setaʼ jagħmel sena sħiħa ħieles sabiex qabel ma jibda dan is-servizz perikoluż setaʼ jara eredi jitwilidlu. B’dan il-mod, spjegat il-Liġi, ir-raġel żagħżugħ miżżewweġ setaʼ “jferraħ” lill-mara ġdida tiegħu.—Dewteronomju 20:5, 6, 8; 24:5.

19. Liema provvedimenti inkludiet il-Liġi għall-protezzjoni tan-nisa, it-tfal, il-familji, in-nisa romol, u l-orfni?

19 Il-Liġi pproteġiet ukoll lin-nisa, lit-tfal, u lill-familji, u ħadet ħsiebhom. Din ikkmandat lill-ġenituri biex jagħtu lil uliedhom attenzjoni u istruzzjoni kontinwa f’affarijiet spiritwali. (Dewteronomju 6:6, 7) Din ipprojbiet kull tip taʼ inċest, bil-piena tal-mewt. (Levitiku, kapitlu 18) Bl-istess mod kienet tipprojbixxi l-adulterju, li ħafna drabi jkisser lill-familji u jeqred is-sigurtà u d-dinjità tagħhom. Il-Liġi ħadet ħsieb in-nisa romol u l-orfni u pprojbiet bis-saħħa kollha li jiġu trattati ħażin.—Eżodu 20:14; 22:22-24.

20, 21. (a) Il-Liġi Mosajka għala ppermettiet il-poligamija fost l-Iżraelin? (b) Fil-kwistjoni tad-divorzju, il-Liġi għala kienet differenti mil-livell li Ġesù iktar tard ġedded?

20 Madankollu, f’konnessjoni ma’ dan, xi wħud jistgħu  jistaqsu: ‘Il-Liġi għala ppermettiet il-poligamija?’ (Dewteronomju 21:15-17) Irridu nikkunsidraw liġijiet bħal dawn fil-kuntest taʼ dawk iż-żminijiet. Dawk li jiġġudikaw il-Liġi Mosajka skond il-ħarsa taż-żminijiet u l-kulturi taʼ llum żgur li mhux se jifhmuha tajjeb. (Proverbji 18:13) Il-livell taʼ Jehovah, li twaqqaf lura fl-Għeden, għamel iż-żwieġ għaqda dejjiema bejn raġel wieħed u mara waħda. (Ġenesi 2:18, 20-24) Madankollu, sakemm wasal iż-żmien li Jehovah ta l-Liġi lil Iżrael, prattiċi bħall-poligamija kienu ilhom sekli sħaħ irabbu l-għeruq. Jehovah kien jaf tajjeb li l-‘poplu tiegħu taʼ ras iebsa’ spiss kien se jonqos li jobdi anki l-iktar kmandi bażiċi, bħal dawk kontra l-idolatrija. (Eżodu 32:9) Mela bl-għerf li għandu, hu m’għażilx dak iż-żmien biex ibiddel il-prattiċi kollha taż-żwieġ li kellu l-poplu tiegħu. Iżda, żomm f’moħħok li Jehovah ma bdihiex hu l-poligamija. Madankollu, li għamel kien li uża l-Liġi Mosajka biex jikkontrolla l-poligamija fost in-nies tiegħu u biex jevita l-abbużi taʼ din l-imġiba.

21 B’mod simili, fil-Liġi Mosajka tistaʼ tgħid li kien hemm varjetà kbira taʼ raġunijiet serji għala raġel setaʼ jiddivorzja lil martu. (Dewteronomju 24:1-4) Ġesù qal li Alla kien ċedielhom lil-Lhud ‘minħabba l-ebusija taʼ qalbhom.’ Madankollu, dan il-permess kien temporanju. Għas-segwaċi tiegħu, Ġesù ġedded il-livell oriġinali taʼ Jehovah għaż-żwieġ.—Mattew 19:8.

Il-Liġi Ħeġġet l-Imħabba

22. Il-Liġi Mosajka b’liema modi inkuraġġiet l-imħabba, u lejn min?

22 Tistaʼ timmaġina sistema legali fi żmienna li tinkuraġġixxi l-imħabba? Il-Liġi Mosajka ħeġġet l-imħabba iktar minn kull ħaġa oħra. Fil-fatt, fil-ktieb taʼ Dewteronomju biss, il-kelma għal “imħabba” tidher f’forom differenti iktar minn 20 darba. “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek” kien it-tieni l-akbar kmandament fil-Liġi kollha. (Levitiku 19:18; Mattew 22:37-40) In-nies t’Alla kellhom juru mħabba bħal din mhux biss lejn xulxin imma wkoll lejn il-barranin li kienu  jgħixu fosthom, waqt li jiftakru li l-Iżraelin stess darba kienu barranin f’art oħra. Kellhom juru mħabba lejn il-fqar u l-magħkusin, billi jgħinuhom materjalment u ma jiħdux vantaġġ mill-istat imwiegħer tagħhom. Saħansitra kellhom jittrattaw lill-bhejjem tat-tagħbija b’qalb tajba u konsiderazzjoni.—Eżodu 23:6; Levitiku 19:14, 33, 34; Dewteronomju 22:4, 10; 24:17, 18.

23. Xi tqanqal jagħmel il-kittieb taʼ Salm 119, u aħna x’nistgħu nkunu determinati li nagħmlu?

23 Liema ġens ieħor kien imbierek b’sistema legali bħal din? Mhux taʼ b’xejn li s-salmista kiteb: “Kemm inħobbha l-liġi tiegħek!” Madankollu, imħabbtu ma kinitx biss sentiment. Din qanqlitu jaġixxi, għax stinka biex jobdi dik il-liġi u jgħix fi qbil magħha. Iktar minn hekk, hu kompla jgħid: “Il-jum kollu ħsiebi fiha [l-liġi tiegħek].” (Salm 119:11, 97) Iva, hu kien regolarment iqattaʼ ammont taʼ ħin jistudja l-liġijiet taʼ Jehovah. M’hemm l-ebda dubju li hekk kif għamel dan, imħabbtu għalihom kibret. Fl-istess ħin, l-imħabba tiegħu għal-Leġislatur, Alla Jehovah, kibret ukoll. Hekk kif tkompli tistudja l-liġi divina, ħalli int ukoll tkompli tersaq dejjem eqreb lejn Jehovah, il-Leġislatur il-Kbir u l-Alla tal-ġustizzja.

^ par. 8 Per eżempju, liġijiet li kienu jesiġu l-irdim taʼ ħmieġ uman, il-kwarantina tal-morda, u l-ħasil taʼ kulmin kien imiss ġisem mejjet kienu avanzati b’ħafna sekli għal żmienhom.—Levitiku 13:4-8; Numri 19:11-13, 17-19; Dewteronomju 23:14, 15 (23:13, 14, NW).

^ par. 9 Filwaqt li t-tempji Kangħanin kellhom kmamar apposta għal attività sesswali, il-Liġi Mosajka kienet tgħid li dawk fi stat imniġġes lanqas biss setgħu jidħlu fit-tempju. B’hekk, peress li r-relazzjonijiet sesswali kienu jġibu magħhom perijodu taʼ tinġis, ħadd ma setaʼ b’mod legali jagħmel lis-sess parti mill-qima fid-dar taʼ Jehovah.

^ par. 10 It-tagħlim kien wieħed mill-iskopijiet ewlenin tal-Liġi. Fil-fatt, l-Encyclopaedia Judaica tinnota li l-kelma Ebrajka għal “liġi,” toh·rahʹ, tfisser “istruzzjoni.”

^ par. 17 Il-Liġi staqsiet ċar u tond: “Jaqaw is-siġar tar-raba huma bnedmin biex int iddur għalihom?” (Dewteronomju 20:19) Filo, studjuż Lhudi taʼ l-ewwel seklu, semma din il-liġi, u spjega li Alla jaħseb illi “huwa inġust li r-rabja sfogata kontra n-nies għandha tagħmel ħerba minn affarijiet li huma innoċenti minn kull ħażen.”