Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 15

Ġesù ‘jwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art’

Ġesù ‘jwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art’

1, 2. F’liema okkażjoni rrabja Ġesù, u għala?

ĠESÙ kien jidher irrabjat—u bir-raġun. Għandek mnejn issibha diffiċli li timmaġinah hekk, daqskemm kien bniedem ġwejjed. (Mattew 21:5) M’għandniex xi ngħidu, hu kkontrolla lilu nnifsu għalkollox għax ir-rabja tiegħu kienet waħda ġusta. * Imma x’kien li tant qanqal ir-rabja taʼ dan ir-raġel li jħobb il-paċi? Każ taʼ inġustizzja kbira ferm.

2 It-tempju f’Ġerusalemm kien għażiż għal Ġesù. Fid-dinja kollha, kien l-uniku post sagru dedikat għall-qima taʼ Missieru tas-sema. Lhud minn ħafna postijiet kienu jivvjaġġaw distanzi kbar biex iqimu hemmhekk. Anki Ġentili li kellhom il-biżaʼ t’Alla kienu jiġu u jidħlu fil-bitħa tat-tempju li tħalliet apposta biex tintuża minnhom. Imma fil-bidu tal-ministeru tiegħu, Ġesù daħal fl-inħawi tat-tempju u lemaħ dehra terribbli. X’waħda din, il-post kien iktar qisu suq milli dar għall-qima! Kien mimli b’negozjanti u sarrafa tal-flus. Iżda fejn kienet l-inġustizzja? Għal dawn l-irġiel, it-tempju t’Alla kien sempliċement post biex jiġu sfruttati n-nies—saħansitra misruqin. Kif?—Ġwanni 2:14.

3, 4. Liema sfruttament rgħib kien qed isir fid-dar taʼ Jehovah, u liema azzjoni ħa Ġesù biex jirranġa l-affarijiet?

3 Il-mexxejja reliġjużi kienu qatgħuha li tip speċifiku wieħed biss taʼ munita setaʼ jintuża biex titħallas it-taxxa tat-tempju. Il-viżitaturi kellhom isarrfu l-flus biex ikollhom dawn il-muniti. Allura s-sarrafa tal-flus poġġew l-imwejjed  tagħhom eżatt ġewwa t-tempju, u kienu jitolbu ħlas għal kull darba li jsarrfu l-flus. In-negozju tal-bejgħ taʼ l-annimali wkoll kien iħalli l-qligħ. Il-viżitaturi li riedu joffru s-sagrifiċċji setgħu jixtru mingħand liema negozjant riedu fil-belt, imma l-uffiċjali tat-tempju faċilment setgħu jirrifjutaw l-offerti tagħhom għax kienu jqisuhom mhux addattati. Madankollu, l-offerti li kienu jinxtraw proprju mill-inħawi tat-tempju kienu jiġu aċċettati żgur. Għalhekk, in-negozjanti kellhom lin-nies kompletament taħt idejhom u allura xi kultant kienu jitolbu prezzijiet m’ogħla s-sema. * Dan kien agħar minn kummerċjaliżmu sfaċċat. Kien serq!

“Warrbu dawn minn hawn!”

4 Ġesù ma setax jittollera inġustizzja bħal din. Din kienet id-dar taʼ Missieru stess! Hu għamel frosta bil-ħbula u keċċa l-merħliet tan-nagħaġ u l-barrin mit-tempju. Imbagħad mar ħdejn is-sarrafa tal-flus u qalbilhom l-imwejjed b’kollox. Immaġina dawk il-muniti kollha jiġru ma’ l-art taʼ l-irħam! B’sodizza hu ordna lill-irġiel li kienu qed ibigħu l-ħamiem: “Warrbu dawn minn hawn!” (Ġwanni 2:15, 16) Milli jidher ħadd m’ażżarda jiqaflu lil dan ir-raġel kuraġġuż.

L-Iben Jimita lil Missieru

5-7. (a) L-eżistenza taʼ Ġesù qabel ma sar bniedem kif influwenzat is-sens tiegħu taʼ ġustizzja, u x’nistgħu nitgħallmu billi nistudjaw l-eżempju tiegħu? (b) Kristu kif iġġieled kontra l-inġustizzji li kienu jinvolvu s-sovranità u l-isem taʼ Jehovah?

5 M’għandniex xi ngħidu, in-negozjanti reġgħu marru. Madwar tliet snin wara, Ġesù aġixxa minħabba din l-istess inġustizzja, u din id-darba kkwota l-kliem stess taʼ Jehovah li kkundanna lil dawk li għamlu d-dar Tiegħu “għar tal-ħallelin.” (Mattew 21:13; Ġeremija 7:11) Iva, meta Ġesù  ra kif in-nies kienu qed jiġu sfruttati b’tant regħba u kif it-tempju t’Alla kien qed jitkasbar, ħassu bħalma ħassu Missieru. U mhux taʼ b’xejn! Għal miljuni bla għadd taʼ snin, Ġesù ġie mgħallem minn Missieru tas-sema. Bħala riżultat, imtela bis-sens taʼ ġustizzja li għandu Jehovah. Mela jekk irridu li jkollna stampa ċara tal-kwalità tal-ġustizzja li għandu Jehovah, ma nistgħu nagħmlu xejn aħjar milli nirriflettu fuq l-eżempju taʼ Ġesù Kristu.—Ġwanni 14:9, 10.

6 L-iben uniġenitu taʼ Jehovah kien preżenti meta Satana b’mod inġust sejjaħ lil Alla Jehovah giddieb u qajjem dubju dwar kemm kienet ħaġa sewwa li jaħkem Hu. X’kalunnja dik! L-Iben semaʼ wkoll l-isfida li qajjem Satana iktar tard li ħadd ma kien se jaqdi lil Jehovah bla egoiżmu, għax iħobbu. Dawn l-akkużi foloz żgur li weġġgħu l-qalb ġusta taʼ l-Iben. Min jaf x’eċċitament ħass meta sar jaf li kellu jkollu s-sehem ewlieni f’li jirranġa l-affarijiet! (2 Korintin 1:20) Dan kif kellu jagħmlu?

7 Kif tgħallimna f’Kapitlu 14, Ġesù Kristu ta t-tweġiba finali, darba għal dejjem, għall-akkuża taʼ Satana li tefgħet dubju fuq l-integrità tal-ħlejjaq taʼ Jehovah. B’dan il-mod Ġesù pprovda l-bażi għall-vindikazzjoni finali tas-sovranità taʼ Jehovah u t-taqdis taʼ Ismu. Bħala l-Aġent Ewlieni taʼ Jehovah, Ġesù se jġib il-ġustizzja divina ma’ l-univers kollu. (Atti 5:31) Bl-istess mod, il-ħajja tiegħu fuq l-art irriflettiet il-ġustizzja divina. Jehovah qal dwaru: “Jiena nqiegħed l-Ispirtu tiegħi fuqu u hu jxandar il-ġustizzja lill-ġnus.” (Mattew 12:18) Ġesù kif wettqu dak il-kliem?

Ġesù “Jxandar il-Ġustizzja”

8-10. (a) It-tradizzjonijiet orali li ħolqu l-mexxejja reliġjużi Lhud kif inkuraġġew l-istmerrija lejn dawk mhux Lhud u lejn in-nisa? (b) Il-liġijiet orali b’liema mod bidlu l-liġi tas-Sabat taʼ Jehovah f’piż?

8 Ġesù kien iħobbha l-Liġi taʼ Jehovah u għex fi qbil  magħha. Imma l-mexxejja reliġjużi taʼ żmienu għawġuha u użawha ħażin dik il-Liġi. Ġesù qalilhom: “Ħażin għalikom, intom il-kittieba u l-Fariżej, uċuħ b’oħra! . . . Tagħlqu għajnejkom għal dak li hu l-aqwa fil-Liġi, jiġifieri, il-ġustizzja u l-ħniena u s-sinċerità!” (Mattew 23:23) Bla dubju, dawk l-għalliema tal-Liġi t’Alla ma kinux qed ixandru jew juru ċar x’inhi l-ġustizzja. Minflok, kienu qed jaħbu x’inhi l-ġustizzja divina. Dan kif? Ikkunsidra xi eżempji.

9 Jehovah idderieġa lin-nies tiegħu biex jibqgħu separati mill-ġnus pagani taʼ madwarhom. (1 Slaten 11:1, 2) Madankollu, xi mexxejja reliġjużi fanatiċi inkuraġġew lin-nies biex jistmerru lil dawk kollha li ma kinux Lhud. Fil-Mixna saħansitra kien hemm din ir-regola: “Il-bhejjem ma jistgħux jitħallew fil-lukandi tal-ġentili ladarba dawn huma suspettati bil-bestjalità.” Preġudizzju vast bħal dan kontra dawk kollha li ma kinux Lhud kien inġust u pjuttost l-oppost taʼ l-ispirtu tal-Liġi Mosajka. (Levitiku 19:34) Regoli oħra magħmulin mill-bniedem kienu jbaxxu lin-nisa. Il-liġi orali, jew bil-fomm, kienet tgħid li mara kellha timxi wara żewġha, mhux maġenbu. Raġel kien imwissi biex ma jitkellimx ma’ mara fil-pubbliku, lanqas ma’ martu stess. Bħall-ilsiera, in-nisa ma setgħux jixhdu fil-qorti. Saħansitra kien hemm talba formali li fiha l-irġiel kienu jirringrazzjaw lil Alla talli ma kinux nisa.

10 Il-mexxejja reliġjużi radmu l-Liġi t’Alla taħt viżibilju taʼ regoli u regolamenti magħmulin mill-bniedem. Per eżempju, kulma kienet tagħmel il-liġi tas-Sabat kien li tipprojbixxi x-xogħol f’jum is-Sabat, u ħalliet dan il-jum għall-qima, rifreskar spiritwali, u mistrieħ. Imma l-Fariżej għamlu dik il-liġi taʼ piż. Ħadu r-riedni f’idejhom u ddeċidew huma x’kien meqjus bħala “xogħol.” Huma speċifikaw 39 attività differenti bħala li kienu jaqgħu taħt it-tifsira taʼ xogħol, bħalma kienu l-ħsad jew il-kaċċa. Dawn il-kategoriji qajmu għadd li ma jispiċċa qatt taʼ mistoqsijiet. Jekk wieħed kien joqtol bergħud f’jum is-Sabat, kien ikun qed jikkaċċja? Jekk kien jiġbor ponn qamħ biex jieklu hu u miexi fit-triq, kien ikun qed jaħsad?  Jekk kien ifejjaq lil xi ħadd marid, kien ikun qed jaħdem? Biex dawn il-mistoqsijiet jitwieġbu nħolqu regoli riġidi u dettaljati.

11, 12. Ġesù kif esprima l-oppożizzjoni tiegħu għat-tradizzjonijiet mhux Skritturali tal-Fariżej?

11 F’atmosfera bħal din, Ġesù kif kien se jgħin lin-nies jifhmu x’inhi l-ġustizzja? Fit-tagħlim tiegħu u bil-mod kif għex, hu bil-kuraġġ waqaf sod kontra dawk il-mexxejja reliġjużi. L-ewwel ikkunsidra xi ftit mit-tagħlim tiegħu. Hu kkundanna direttament in-numru bla tarf taʼ regoli tagħhom magħmulin mill-bniedem, billi qal: “Iġġibu fix-xejn il-kelma taʼ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra.”—Mark 7:13.

12 Ġesù għallem b’mod qawwi li l-Fariżej kellhom żball dwar il-liġi tas-Sabat—li, fil-fatt, kienu naqsu li jifhmu l-iskop kollu taʼ dik il-liġi. Il-Messija, spjega hu, huwa “Sid is-Sibt,” u għalhekk kellu kull dritt ifejjaq in-nies fis-Sabat. (Mattew 12:8) Biex jenfasizza l-punt, hu fejjaq lin-nies quddiem kulħadd b’mod mirakoluż f’jum is-Sabat. (Luqa 6:7-10) Dawn l-okkażjonijiet taʼ fejqan kienu ħarsa bil-quddiem tal-fejqan li hu se jagħmel mad-dinja kollha fir-Renju t’Elf Sena tiegħu. Dak il-Millennju fih innifsu se jkun l-akbar Sabat, meta l-bnedmin leali kollha finalment se jistrieħu minn sekli taʼ taħbit taħt il-piż tad-dnub u l-mewt.

13. Liema liġi bdiet teżisti bħala riżultat tal-ministeru taʼ Kristu fuq l-art, u kif kienet differenti mil-liġi taʼ qabilha?

13 Ġesù wera biċ-ċar ukoll x’inhi l-ġustizzja billi wara li temm il-ministeru tiegħu fuq l-art bdiet teżisti liġi ġdida, “il-liġi taʼ Kristu.” (Galatin 6:2) Din il-liġi ġdida kienet tiddependi ħafna mill-prinċipji mhux minn lista taʼ kmandi miktubin, bħalma kienet tagħmel il-liġi taʼ qabilha, il-Liġi Mosajka. Madankollu, kien hemm xi kmandi diretti fil-liġi l-ġdida. Wieħed minnhom Ġesù sejjaħlu “kmandament ġdid.” Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu kollha biex iħobbu lil xulxin bħalma ħabbhom hu. (Ġwanni 13:34, 35) Iva, dawk  kollha li jgħixu skond “il-liġi taʼ Kristu” kellhom jintgħarfu mill-imħabba mhix egoista.

Eżempju Ħaj taʼ Ġustizzja

14, 15. Ġesù kif wera li kien jagħraf il-limiti taʼ l-awtorità tiegħu stess, u dan għala jqawwilna qalbna?

14 Ġesù m’għallimx biss dwar l-imħabba. Hu għex “il-liġi taʼ Kristu.” Din kienet tidher b’mod konkret f’ħajtu. Ikkunsidra tliet modi li bihom l-eżempju taʼ Ġesù wera biċ-ċar x’inhi l-ġustizzja.

15 L-ewwel, Ġesù qagħad attent ferm biex ma jwettaq l-ebda inġustizzja. Forsi nnotajt li ħafna mill-inġustizzji jsiru meta bnedmin imperfetti jsiru arroganti u jaqbżu l-limiti xierqa taʼ l-awtorità li jkollhom. Ġesù m’għamilx hekk. Darba minnhom, wieħed raġel resaq fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi.” X’wieġbu Ġesù? “Ħabib, . . . min qegħedni mħallef fuqkom?” (Luqa 12:13, 14) Mhix ħaġa straordinarja din? L-intelliġenza taʼ Ġesù, id-dixxerniment tiegħu, u anki l-livell tiegħu t’awtorità mogħtija minn Alla kienu bil-wisq ogħla minn dawk taʼ kwalunkwe bniedem fuq l-art; madankollu, hu rrifjuta li jinvolvi ruħu f’din il-kwistjoni, ladarba ma kienx ngħata l-awtorità partikulari biex jagħmel dan. Ġesù dejjem kien modest b’dan il-mod, anki matul il-millennji taʼ snin meta kien jeżisti qabel sar bniedem. (Ġuda 9) Il-fatt li Ġesù b’umiltà jafda f’Jehovah biex jiddetermina x’inhu ġust jurina kemm hu persuna taʼ l-għaġeb.

16, 17. (a) Ġesù kif wera l-ġustizzja meta ppriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla? (b) Ġesù kif wera li s-sens tiegħu taʼ ġustizzja kien ħanin?

16 It-tieni, Ġesù wera l-ġustizzja bil-mod kif ippriedka l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla. Hu ma weriex preġudizzju. Minflok, bil-ħerqa stinka biex jilħaq kull tip taʼ nies, sew jekk għonja u sew jekk fqar. B’kuntrast ma’ dan, il-Fariżej irrifjutaw lin-nies fqar u komuni bit-terminu taʼ disprezz ʽamha·ʼaʹrets, jew “nies tal-pajjiż.” Ġesù bil-kuraġġ ikkoreġa din l-inġustizzja. Meta għallem lin-nies l-aħbar tajba—jew, jekk  niġu f’dan, meta kiel man-nies, temagħhom, fejjaqhom, jew saħansitra rxoxtahom—hu żamm mal-ġustizzja taʼ l-Alla li jrid jilħaq “il-bnedmin kollha.” *1 Timotju 2:4.

17 It-tielet, is-sens taʼ ġustizzja li kellu Ġesù kien ħanin ferm. Hu għamel sforz kbir biex jgħin lill-midinbin. (Mattew 9:11-13) Minn qalbu għen lin-nies li ma kellhomx is-setgħa jipproteġu lilhom infushom. Per eżempju, Ġesù m’għamilx bħall-mexxejja reliġjużi u ħeġġeġ in-nuqqas taʼ fiduċja fil-Ġentili kollha. Hu bil-ħniena għen u għallem lil xi wħud mill-Ġentili, avolja l-missjoni prinċipali tiegħu kienet tinvolvi lil-Lhud. Hu qabel li jwettaq fejqan mirakoluż għal uffiċjal taʼ l-armata Rumana, u qal: “F’ħadd minn Iżrael ma sibt fidi bħal din.”—Mattew 8:5-13.

18, 19. (a) Ġesù b’liema modi inkuraġġixxa li n-nisa jiġu trattati b’dinjità? (b) L-eżempju taʼ Ġesù kif jgħinna naraw il-konnessjoni bejn il-kuraġġ u l-ġustizzja?

18 B’mod simili, Ġesù ma kienx iqis lin-nisa bħalma kienu jqisuhom ħafna. Minflok, hu bil-kuraġġ għamel dak li kien ġust. In-nisa Samaritani kienu jitqiesu mniġġsin daqs il-Ġentili. Madankollu, Ġesù ma qagħadx lura milli jippriedka lill-mara Samaritana ħdejn il-bir taʼ Sikar. Fil-fatt, kien lil din il-mara li Ġesù identifika l-ewwel darba lilu nnifsu biċ-ċar bħala l-Messija mwiegħed. (Ġwanni 4:6, 25, 26) Il-Fariżej qalu li n-nisa m’għandhomx jiġu mgħallmin il-Liġi t’Alla, imma Ġesù qattaʼ ħafna ħin u uża ħafna enerġija biex jgħallem lin-nisa. (Luqa 10:38-42) U filwaqt li skond it-tradizzjoni n-nisa ma setgħux jiġu fdati biex jagħtu xiehda taʼ min joqgħod fuqha, Ġesù ta dinjità lil diversi nisa billi tahom  il-privileġġ li jkunu l-ewwel uħud li rawh wara l-irxoxt tiegħu. Hu saħansitra qalilhom biex imorru jgħidu lid-dixxipli rġiel tiegħu dwar din il-ġrajja ferm importanti!—Mattew 28:1-10.

19 Iva, Ġesù wera ċar lill-ġnus x’inhi l-ġustizzja. F’ħafna każi, hu għamel dan b’riskju kbir għalih persunali. L-eżempju taʼ Ġesù jgħinna naraw li biex nappoġġaw il-ġustizzja vera għandna bżonn il-kuraġġ. B’mod xieraq, hu ġie msejjaħ “l-Iljun tat-tribù taʼ Ġuda.” (Apokalissi 5:5) Tinsiex li l-iljun huwa simbolu tal-ġustizzja kuraġġuża. Iżda, dalwaqt Ġesù se jġib saħansitra ġustizzja akbar. Fl-akbar sens, hu se jwaqqaf “il-ġustizzja fuq l-art.”—Isaija 42:4.

Is-Sultan Messjaniku ‘Jwaqqaf il-Ġustizzja fuq l-Art’

20, 21. Fi żmienna stess, is-Sultan Messjaniku kif ħadem favur il-ġustizzja madwar l-art u fil-kongregazzjoni Kristjana?

20 Minn mindu sar is-Sultan Messjaniku fl-1914, Ġesù ħadem favur il-ġustizzja fuq l-art. Kif? Hu ħa r-responsabbiltà tat-twettiq tal-profezija tiegħu li tinsab f’Mattew 24:14. Is-segwaċi taʼ Ġesù fuq l-art għallmu lil nies minn kull pajjiż il-verità dwar is-Saltna taʼ Jehovah. Bħal Ġesù, huma ppridkaw b’mod imparzjali u ġust, billi fittxew li jagħtu lil kulħadd—kbir jew żgħir, għani jew fqir, raġel jew mara—opportunità li jsiru jafu lil Jehovah, l-Alla tal-ġustizzja.

21 Ġesù qed jaħdem favur il-ġustizzja wkoll fil-kongregazzjoni Kristjana, li tagħha huwa l-Kap. Bħalma hu profetizzat, hu jipprovdi “rġiel bħala għotjiet,” anzjani Kristjani leali li jidderieġu lill-kongregazzjoni. (Efesin 4:8-12, NW) Waqt li jirgħu l-merħla prezzjuża t’Alla, irġiel bħal dawn isegwu l-eżempju taʼ Ġesù Kristu u jaħdmu favur il-ġustizzja. Huma dejjem iżommu f’moħħhom li Ġesù jrid in-nagħaġ tiegħu jiġu trattati b’mod ġust—ikunu xi jkunu l-pożizzjoni, il-prominenza, jew iċ-ċirkustanzi materjali tagħhom.

22. Jehovah kif iħossu dwar il-ħafna inġustizzji li hawn fid-dinja taʼ llum, u lil Ibnu x’ħatru jagħmel dwar dan?

22 Iżda dalwaqt Ġesù se jwaqqaf il-ġustizzja fuq l-art bħalma  qatt m’għamel qabel. Din id-dinja korrotta hija mimlija inġustizzja. Kull tifel jew tifla li tmut bil-ġuħ hija vittma taʼ inġustizzja bla skuża, speċjalment meta niftakru fil-flus u l-ħin li jinħlew fuq il-produzzjoni taʼ l-armi tal-gwerra u l-issodisfar bla rażan taʼ kapriċċi egoistiċi taʼ dawk li jfittxu l-pjaċiri. Il-miljuni taʼ mwiet bla bżonn kull sena huma waħda mill-ħafna għamliet taʼ inġustizzja, li kollha jqanqlu r-rabja ġusta taʼ Jehovah. Hu ħatar lil Ibnu biex jagħmel gwerra ġusta kontra din is-sistema dinjija kollha mill-agħar biex itemm l-inġustizzja kollha għal dejjem.—Apokalissi 16:14, 16; 19:11-15.

23. Wara Armageddon, Kristu kif se jaħdem favur il-ġustizzja għall-eternità kollha?

23 Madankollu, il-ġustizzja taʼ Jehovah ma titlobx biss li jinqerdu l-ħżiena. Hu ħatar ukoll lil Ibnu biex jaħkem bħala l-“Prinċep tas-sliem.” Wara l-gwerra t’Armageddon, ir-renju taʼ Ġesù se jġib is-sliem ma’ l-art kollha, u hu se jaħkem “bil-ħaqq.” (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]) Imbagħad Ġesù se jitgħaxxaq isewwi l-inġustizzji li ġabu tant miżerja u tbatija fid-dinja. Matul l-eternità kollha, hu se jżomm fedelment mal-ġustizzja perfetta taʼ Jehovah. Għalhekk, huwa vitali li nfittxu li nimitaw il-ġustizzja taʼ Jehovah issa. Ejja naraw kif nistgħu nagħmlu dan.

^ par. 1 Billi wera rabja ġusta, Ġesù kien bħal Jehovah, li “jixgħel bil-korla” għall-ħażen kollu. (Naħum 1:2) Per eżempju, wara li Jehovah qal lill-poplu stinat tiegħu li kien għamillu daru “għar tal-ħallelin,” hu qal: “Il-qilla tiegħi u l-għadab tiegħi jissawwbu fuq dan is-santwarju.”—Ġeremija 7:11, 20.

^ par. 3 Skond il-Mixna, xi snin wara kienet qamet protesta fuq il-prezz għoli tal-ħamiem li kien jinbiegħ fit-tempju. Il-prezz mill-ewwel naqas b’xi 99 fil-mija! Min kien imur l-iktar minn fuq f’dan in-negozju li jħalli l-qligħ? Xi studjużi taʼ l-istorja jissuġġerixxu li s-swieq tat-tempju kienu proprjetà tad-dar tal-Qassis il-Kbir Anna, u pprovdew il-maġġuranza taʼ l-għana kbir taʼ dik il-familja.—Ġwanni 18:13.

^ par. 16 Il-Fariżej kienu jemmnu li n-nies baxxi, li ma kinux mgħallmin sew fil-Liġi, kienu “misħuta.” (Ġwanni 7:49) Huma qalu li ħadd ma kellu la jgħallem lil dawn in-nies u lanqas jinnegozja magħhom jew jiekol jew jitlob magħhom. Il-fatt li xi ħadd iħalli lil bintu tiżżewweġ lil wieħed minnhom kien ikun agħar milli jitfagħha qalb il-bhejjem salvaġġi. Huma qatgħuha li wħud baxxi bħal dawn ma kellhomx it-tama taʼ l-irxoxt.