1, 2. (a) Liema inġustizzji mill-agħar ġarrab Ġużeppi? (b) Jehovah kif ikkoreġa l-inġustizzji?

KIENET inġustizzja mill-agħar. Is-sbejjaħ żagħżugħ ma kien wettaq l-ebda delitt, u madankollu sab ruħu maqful ġo ħabs taħt l-art, akkużat b’mod falz li pprova jistupra lil xi ħadd. Imma din ma kinitx l-ewwel darba li saret inġustizzja miegħu. Bosta snin qabel, meta kellu 17-il sena, dan iż-żagħżugħ, Ġużeppi, kien ġie tradut minn ħutu stess li kienu għoddhom qatluh. Imbagħad kien ġie mibjugħ bħala lsir f’pajjiż barrani. Hemmhekk, il-mara taʼ sidu pprovat tittantah imma hu rrifjutaha. B’disprezz, il-mara vvintat l-akkuża falza, u kien minħabba f’hekk li spiċċa l-ħabs. B’dispjaċir, donnu ma kien hemm ħadd li jaqbeż għal Ġużeppi.

Ġużeppi sofra fil-“ħabs” b’mod inġust

2 Madankollu, l-Alla li “jħobb id-dritt u s-sewwa [“il-ġustizzja,” NW] kien qed jara kollox. (Salm 33:5) Jehovah aġixxa biex jikkoreġi l-inġustizzji, u mexxa l-affarijiet b’tali mod li Ġużeppi finalment inħeles. Iktar minn hekk, Ġużeppi—ir-raġel li kien intefaʼ “l-ħabs”—fl-aħħar mill-aħħar ngħata pożizzjoni taʼ responsabbiltà kbira u unur straordinarju. (Ġenesi 40:15; 41:41-43; Salm 105:17, 18) Sa fl-aħħar, intwera biċ-ċar li Ġużeppi kien innoċenti, u hu uża l-pożizzjoni għolja tiegħu biex imexxi ’l quddiem l-iskop t’Alla.—Ġenesi 45:5-8.

3. Għala mhix ħaġa taʼ l-iskantament li lkoll kemm aħna rridu li niġu trattati b’mod ġust?

3 Rakkont bħal dan imissilna qalbna, hux veru? Min minna ma rax xi inġustizzja jew ma kienx vittma tagħha? Tabilħaqq, ilkoll kemm aħna nixtiequ li niġu trattati b’mod ġust u bil-fier. Din mhix ħaġa taʼ l-iskantament, għax Jehovah tana kwalitajiet li jirriflettu l-personalità tiegħu stess, u l-ġustizzja hija waħda mill-attributi prinċipali tiegħu. (Ġenesi 1:27) Biex insiru nafu lil Jehovah tajjeb, irridu nifhmu  s-sens tiegħu taʼ ġustizzja. B’dan il-mod inkunu nistgħu naslu biex napprezzaw saħansitra iktar il-mod taʼ l-għaġeb kif jaġixxi u nitqanqlu biex nersqu eqreb lejh.

X’Inhi l-Ġustizzja?

4. Mill-ħarsa tal-bniedem, il-ġustizzja taʼ spiss kif tinftiehem?

4 Mill-ħarsa tal-bniedem, il-ġustizzja taʼ spiss tinftiehem sempliċement bħala l-applikar b’mod ġust u fier tar-regoli taʼ xi liġi. Ċertu ktieb jgħid li “l-ġustizzja għandha x’taqsam mal-liġi, l-obbligi, id-drittijiet u d-dmirijiet, u tagħti l-ġudizzju tagħha b’mod imparzjali u skond ma jkun mistħoqq.” (Right and Reason—Ethics in Theory and Practice [Id-Dritt u r-Raġuni—l-Etika fit-Teorija u fil-Prattika]) Madankollu, il-ġustizzja taʼ Jehovah tinvolvi iktar milli jiġu applikati regoli b’mod awtomatiku minħabba sens taʼ dmir jew obbligu.

5, 6. (a) Xi jfisser il-kliem bil-lingwa oriġinali li jiġi tradott “ġustizzja”? (b) X’jiġifieri li Alla huwa ġust?

5 Nistgħu nifhmu aħjar il-kobor u l-profondità tal-ġustizzja taʼ Jehovah jekk nikkunsidraw il-kliem bil-lingwa oriġinali li jintuża fil-Bibbja. Fl-Iskrittura Ebrajka, hemm involuti tliet kelmiet prinċipali. Il-kelma li ġeneralment tiġi tradotta “ġustizzja” tistaʼ tiġi tradotta wkoll “dak li hu sewwa.” (Ġenesi 18:25, NW) Iż-żewġ kelmiet l-oħra jiġu spiss tradotti “s-sewwa.” Fl-Iskrittura Griega Kristjana, il-kelma tradotta “s-sewwa” hija deskritta bħala “l-kwalità taʼ li tkun ġust jew tagħmel dak li hu sewwa.” Mela, bażikament, m’hemm l-ebda differenza bejn is-sewwa u l-ġustizzja.—Għamos 5:24.

6 Għaldaqstant, meta l-Bibbja tgħid li Alla huwa ġust, qed tgħidilna li hu jagħmel dak li hu sewwa u jimxi bil-fier u li dan jagħmlu b’mod konsistenti, mingħajr parzjalità. (Rumani 2:11) Fil-fatt, ma nistgħux nimmaġinawh jaġixxi mod ieħor. Il-leali Eliħu qal: “Alla qatt ma jaħdem id-dnewwa, Xaddaj qatt ma jmur kontra l-ġustizzja.” (Ġob 34:12) Iva, huwa impossibbli li Jehovah “imur kontra l-ġustizzja.” Għala? Minħabba żewġ raġunijiet importanti.

7, 8. (a) Jehovah għala m’huwiex kapaċi jaġixxi b’mod inġust? (b) Xi jqanqal lil Jehovah biex jaġixxi bis-sewwa, jew b’mod ġust?

 7 L-ewwelnett, hu qaddis. Kif innotajna f’Kapitlu 3, Jehovah hu safi u rett b’mod infinit. Għalhekk, m’huwiex kapaċi jaġixxi b’mod inġust jew li mhux sewwa. Ikkunsidra naqra x’jiġifieri dan. Il-qdusija taʼ Missierna tas-sema tagħtina raġuni soda biex ikollna fiduċja li hu qatt m’hu se jittrattahom ħażin lil uliedu. Ġesù kellu din il-fiduċja. Fl-aħħar lejl tal-ħajja tiegħu fuq l-art, hu talab: “Missier qaddis, ħarishom [id-dixxipli] f’ismek.” (Ġwanni 17:11) “Missier qaddis”—fl-Iskrittura, Jehovah biss jissejjaħ hekk. Dan huwa xieraq, għax l-ebda missier uman ma jistaʼ jitqabbel Miegħu fil-qdusija. Ġesù kellu fidi sħiħa li d-dixxipli tiegħu ma kien se jiġrilhom xejn taħt il-ħarsien tal-Missier, li huwa assolutament pur u nadif u separat għalkollox minn kull ħażen.—Mattew 23:9.

8 It-tieninett, l-imħabba bla egoiżmu hija l-essenza nfisha tal-personalità t’Alla. Imħabba bħal din tqanqlu biex jaġixxi m’oħrajn bis-sewwa, jew b’mod ġust. Imma l-inġustizzja fil-forom kollha tagħha—fosthom ir-razziżmu, id-diskriminazzjoni, u l-parzjalità—ta’ spiss tiġi mir-regħba u l-egoiżmu, il-kwalitajiet opposti taʼ l-imħabba. Rigward l-Alla taʼ mħabba, il-Bibbja tiżgurana: “Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha.” (Salm 145:17) Jehovah jgħid dwaru nnifsu: “Jien, il-Mulej, inħobb is-sewwa.” (Isaija 61:8, Saydon) Ma jfarraġniex il-fatt li nkunu nafu li Alla tagħna jitgħaxxaq jagħmel dak li hu sewwa, jew ġust?—Ġeremija 9:23 (9:24, NW).

Il-Ħniena u l-Ġustizzja Perfetta taʼ Jehovah

9-11. (a) X’konnessjoni hemm bejn il-ġustizzja taʼ Jehovah u l-ħniena tiegħu? (b) Il-ġustizzja taʼ Jehovah, flimkien mal-ħniena tiegħu, kif inhi evidenti fil-mod kif jittratta mal-bnedmin midinbin?

9 Il-ġustizzja taʼ Jehovah, bħal kull aspett ieħor tal-personalità  unika tiegħu, hija perfetta, ma jonqosha xejn. Hu u jigglorifika lil Jehovah, Mosè kiteb: “Hu l-Blata tagħna; perfett għemilu; u lkoll ġusti t-triqat tiegħu. Alla taʼ kelmtu u ma jqarraqx; kollu ħaqq u kollu sewwa.” (Dewteronomju 32:3, 4) Kull espressjoni tal-ġustizzja taʼ Jehovah hija bla difett—qatt m’hi tolleranti żżejjed, u qatt m’hi ħarxa żżejjed.

10 Hemm konnessjoni kbira bejn il-ġustizzja taʼ Jehovah u l-ħniena tiegħu. Salm 116:5 jgħid: “Ħanin il-Mulej, u ġust; twajjeb hu Alla tagħna.” Iva, Jehovah huwa ġust kif ukoll ħanin. Iż-żewġ karatteristiċi m’humiex kontradittorji. Meta juri l-ħniena ma jkunx qed itaffi l-ġustizzja tiegħu, bħallikieku l-ġustizzja tiegħu normalment hija iebsa żżejjed. Minflok, taʼ spiss hu juri ż-żewġ kwalitajiet fl-istess ħin, saħansitra fl-istess att. Ikkunsidra eżempju wieħed.

11 Il-bnedmin kollha huma midinbin għax wirtu d-dnub u b’hekk jistħoqqilhom il-ħlas tad-dnub—il-mewt. (Rumani 5:12) Imma Jehovah ma jiħux gost bil-mewt tal-midinbin. Hu ‘Alla li jaħfer, ħafif biex iħenn.’ (Neħemija 9:17) Xorta waħda, peress li hu qaddis, hu ma jistax jagħlaq għajnejh għal dak li mhux sewwa. Mela, kif jistaʼ juri l-ħniena lill-bnedmin li jitwieldu midinbin? It-tweġiba tinsab f’waħda mill-iktar veritajiet prezzjużi tal-Kelma t’Alla: il-provvediment taʼ Jehovah taʼ fidwa għas-salvazzjoni taʼ l-umanità. F’Kapitlu 14 se nitgħallmu iktar dwar dan l-arranġament kollu mħabba. Dan huwa ġust ferm u fl-istess ħin ħanin b’mod suprem. Permezz tiegħu, Jehovah jistaʼ jesprimi ħniena tenera lejn midinbin niedma waqt li jżomm mal-livelli tiegħu taʼ ġustizzja perfetta.—Rumani 3:21-26.

Il-Ġustizzja taʼ Jehovah Tqawwi l-Qalb

12, 13. (a) Il-ġustizzja taʼ Jehovah għala tressaqna lejh? (b) Għal liema konklużjoni wasal David rigward il-ġustizzja taʼ Jehovah, u dan kif jistaʼ jfarraġna?

12 Il-ġustizzja taʼ Jehovah m’hijiex kwalità bla sentiment  li tbegħedna minnu, imma kwalità li ġġagħalna nħobbuh u tressaqna lejh. Il-Bibbja tiddeskrivi b’mod ċar il-mogħdrija li hemm fil-ġustizzja, jew is-sewwa, taʼ Jehovah. Ejja nikkunsidraw xi modi li jqawwu l-qalb kif Jehovah jeżerċita l-ġustizzja tiegħu.

13 Il-ġustizzja perfetta taʼ Jehovah tqanqlu biex juri l-fedeltà u l-lealtà lejn il-qaddejja tiegħu. Is-salmista David, mill-esperjenza tiegħu sar jifhem u japprezza dan l-aspett tal-ġustizzja taʼ Jehovah. Minn dak li ġarrab hu stess u billi studja dwar il-mod kif Alla jagħmel l-affarijiet, għal liema konklużjoni wasal David? Hu ddikjara: “Il-Mulej iħobb is-sewwa, u ma jitlaqx it-twajbin [“leali,” NW] tiegħu; hu jħarishom għal dejjem.” (Salm 37:28) Kemm hija taʼ faraġ din il-wegħda! Alla tagħna qatt u qatt m’hu se jabbanduna lil dawk li huma leali lejh. Għalhekk, nistgħu nafdawh li se jkun qribna u se jieħu ħsiebna bi mħabba. Il-ġustizzja tiegħu hija garanzija taʼ dan!—Proverbji 2:7, 8.

14. Mil-Liġi li Jehovah ta lil Iżrael, kif jidher ċar li hu jimpurtah minn uħud żvantaġġati?

14 Il-ġustizzja divina hija sensittiva għall-bżonnijiet taʼ dawk li qed ibatu. Mil-Liġi li Jehovah ta lil Iżrael, jidher ċar li hu jimpurtah minn uħud żvantaġġati. Per eżempju, il-Liġi għamlet provvedimenti speċjali biex il-bżonnijiet taʼ l-iltiema u r-romol jintlaħqu żgur. (Dewteronomju 24:17-21) Billi għaraf kemm setgħet tkun diffiċli l-ħajja għal familji bħal dawn, Jehovah innifsu sar l-Imħallef u l-Protettur bħal missier għalihom, il-wieħed li “jagħmel il-ġustizzja ma’ l-iltim u ma’ l-armla.” * (Dewteronomju 10:18; Salm 68:6 [68:5, NW])  Jehovah wissa lill-Iżraelin li jekk kienu se jaħqru lin-nisa u t-tfal li m’għandhomx min jaqbeż għalihom, hu żgur kien se jismaʼ l-għajta taʼ dawn l-uħud. Hu żgurahom: “Il-qilla tiegħi tixgħel.” (Eżodu 22:22-24) Filwaqt li r-rabja m’hijiex waħda mill-kwalitajiet li jispikkaw taʼ Jehovah, meta xi ħadd jagħmel atti taʼ inġustizzja apposta, speċjalment meta l-vittmi jkunu l-magħkusin u dawk li m’għandhom lil ħadd min jgħinhom, dan jipprovoka lil Jehovah biex jirrabja b’rabja ġusta.—Salm 103:6.

15, 16. Liema hi evidenza taʼ l-għaġeb li Jehovah m’huwiex parzjali?

15 Jehovah jiżgurana wkoll li hu “ma jħarisx lejn l-uċuħ u ma jiħux [“tixħim,” ].” (Dewteronomju 10:17) Jehovah m’huwiex bħal ħafna bnedmin li għandhom il-poter jew l-awtorità, għax ma jiġix influwenzat mill-għana materjali jew mid-dehra taʼ barra. Hu ħieles għalkollox mill-preġudizzju jew mill-favoritiżmu. Ikkunsidra evidenza taʼ lgħaġeb li Jehovah m’huwiex parzjali. L-opportunità li wieħed isir aduratur veru tiegħu, b’tama taʼ ħajja bla tmiem, m’hijiex limitata biss għal ftit nies privileġġati. Minflok, Jehovah “jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Dan il-prospett meraviljuż huwa miftuħ għal kulħadd, ikun xi jkun il-livell tiegħu fis-soċjetà, il-kulur tal-ġilda, jew il-pajjiż li jgħix fih. M’hijiex din ġustizzja vera taʼ l-aqwa kwalità?

16 Hemm aspett ieħor tal-ġustizzja perfetta taʼ Jehovah li jixirqilha l-attenzjoni u r-rispett tagħna: il-mod kif jaġixxi ma’ dawk li jiksru l-livelli ġusti tiegħu.

Ma Jħalli l-Ebda Ħażen Għaddej

17. Spjega għala l-inġustizzji f’din id-dinja bl-ebda mod ma jitfgħu xi dubju fuq il-ġustizzja taʼ Jehovah.

17 Xi wħud għandhom mnejn jistaqsu: ‘Ladarba Jehovah  ma jagħlaqx għajnejh għall-inġustizzja, kif nistgħu nispjegaw it-tbatija inġusta u l-prattiċi korrotti li huma wisq komuni fid-dinja taʼ llum?’ Inġustizzji bħal dawn bl-ebda mod ma jitfgħu xi dubju fuq il-ġustizzja taʼ Jehovah. Il-ħafna inġustizzji f’din id-dinja mill-agħar huma konsegwenza tad-dnub li l-bnedmin wirtu minn Adam. F’dinja fejn il-bnedmin imperfetti għażlu li jaġixxu bil-mod midneb tagħhom, l-inġustizzji joktru—imma mhux għal ħafna żmien iktar.—Dewteronomju 32:5, KŻ.

18, 19. X’juri li Jehovah m’huwiex se jittollera għal dejjem lil dawk li jiksru apposta l-liġijiet ġusti tiegħu?

18 Filwaqt li Jehovah juri ħniena kbira ma’ dawk li jersqu qrib lejh b’sinċerità, hu mhux se jittollera għal dejjem sitwazzjoni li ġġib tkasbir fuq l-isem qaddis tiegħu. (Salm 74:10, 22, 23) L-Alla tal-ġustizzja m’huwiex wieħed li tistaʼ tidħaq bih; lil dawk li jidinbu apposta hu mhux se jipproteġihom mill-ġudizzju ikrah li jistħoqqilhom taʼ l-azzjonijiet tagħhom. Jehovah huwa “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà . . . imma ma jħalli xejn għaddej.” (Eżodu 34:6, 7) Fi qbil ma’ dan il-kliem, Jehovah xi drabi sab li kien hemm bżonn jagħmel ħaqq minn dawk li jiksru apposta l-liġijiet ġusti tiegħu.

19 Ħu, per eżempju, il-mod kif Alla aġixxa ma’ Iżrael tal-qedem. Anki meta kienu ssetiljaw fl-Art Imwiegħda, darba wara l-oħra l-Iżraelin kienu jaqgħu u juru nuqqas taʼ fedeltà. Għalkemm l-azzjonijiet korrotti tagħhom “nikktuh” lil Jehovah, hu ma abbandunahomx immedjatament. (Salm 78:38-41) Minflok, hu b’mod ħanin tahom opportunitajiet biex ibiddlu ħajjithom. Hu talabhom bil-ħniena: “Ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix. Erġgħu, erġgħu lura minn triqatkom il-ħżiena. Għax għandkom tmutu dar Iżrael?” (Eżekjel 33:11) Billi l-ħajja hi prezzjuża għal Jehovah, hu  darba wara l-oħra bagħat lill-profeti tiegħu forsi l-Iżraelin iduru lura mit-triqat ħżiena tagħhom. Imma, fil-maġġuranza tagħhom, in-nies stinati rrifjutaw li jisimgħu u jindmu. Fl-aħħar, minħabba ismu qaddis u dak kollu li jirrappreżenta, Jehovah tahom f’idejn l-għedewwa tagħhom.—Neħemija 9:26-30.

20. (a) X’nitgħallmu dwar Jehovah mill-mod kif aġixxa ma’ Iżrael? (b) L-iljun għala huwa simbolu xieraq tal-ġustizzja taʼ Jehovah?

20 Nistgħu nitgħallmu ħafna dwar Jehovah mill-mod kif aġixxa ma’ Iżrael. Nitgħallmu li għajnejh, li jaraw kollox, jinnotaw l-inġustizzji u li hu jiġi effettwat profondament minn dak li jara. (Proverbji 15:3) Huwa taʼ faraġ ukoll li nkunu nafu li hu jfittex li juri l-ħniena jekk ikun hemm bażi għal dan. Iktar minn hekk, nitgħallmu li l-ġustizzja tiegħu qatt ma ssir bl-għaġla. Minħabba l-paċenzja u s-sabar fit-tul taʼ Jehovah, ħafna nies jikkonkludu b’mod żbaljat li hu qatt m’hu se jagħmel ħaqq mill-ħżiena. Imma dan huwa ’l bogħod mill-verità, għax il-mod kif Alla aġixxa ma’ Iżrael jgħallimna wkoll li l-paċenzja divina għandha l-limiti. Jehovah huwa sod fil-ġustizzja. Hu m’huwiex bħall-bnedmin li taʼ spiss jibżgħu juru l-ġustizzja, għax hu qatt ma jonqsu l-kuraġġ biex jiddefendi dak li hu sewwa. B’mod xieraq,  l-iljun bħala simbolu tal-ġustizzja kuraġġuża huwa assoċjat mal-preżenza u t-tron t’Alla. * (Eżekjel 1:10; Apokalissi 4:7) Għalhekk nistgħu nkunu ċerti li hu se jwettaq il-wegħda tiegħu li jeħles lil din l-art mill-inġustizzja. Iva, il-mod kif jiġġudika jistaʼ jinġabar f’dan il-kliem: sodizza fejn hemm bżonn, ħniena kulmeta possibbli.—2 Pietru 3:9.

Nersqu Qrib Lejn l-Alla tal-Ġustizzja

21. Meta nimmeditaw fuq kif Jehovah juri l-ġustizzja, kif għandna naħsbu dwaru, u għala?

21 Meta nimmeditaw fuq kif Jehovah juri l-ġustizzja, m’għandniex naħsbu dwaru bħala mħallef iebes u bla sentimenti, li jimpurtah biss f’li jgħaddi ġudizzju kontra dawk li jagħmlu l-ħażen. Minflok, għandna naħsbu dwaru bħala Missier li jħobb imma sod u li dejjem jaġixxi ma’ wliedu bl-aqwa mod possibbli. Bħala Missier ġust, jew sewwa, Jehovah jibbilanċja s-sodizza għal dak li hu sewwa mal-mogħdrija tenera lejn uliedu fuq l-art, li għandhom bżonn l-għajnuna u l-maħfra tiegħu.—Salm 103:10, 13.

22. Gwidat mill-ġustizzja tiegħu, Jehovah liema prospett għamel possibbli għalina, u għala jittrattana b’dan il-mod?

22 Kemm nistgħu nkunu grati li l-ġustizzja divina tinvolvi ħafna iktar milli tinqataʼ sentenza kontra l-ħżiena! Jehovah, gwidat mill-ġustizzja tiegħu, għamilhielna possibbli li jkollna prospett verament eċċitanti—ħajja perfetta bla tmiem f’dinja fejn “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) Alla tagħna jittrattana b’dan il-mod għaliex il-ġustizzja tiegħu tfittex li ssalva flok li tikkundanna. Fehma aħjar taʼ dak li tinvolvi l-ġustizzja taʼ Jehovah verament tressaqna lejh! Fil-kapitli li jmiss, se nħarsu iktar mill-qrib lejn kif Jehovah jesprimi din il-kwalità mill-aqwa.

^ par. 14 Għalkemm il-kelma Ebrajka “ltim” hija fil-maskil, dan bl-ebda mod ma jissuġġerixxi nuqqas taʼ interess fil-bniet. Fil-Liġi, Jehovah inkluda rakkont dwar deċiżjoni ġudizzjarja li żgurat li l-ulied bniet tal-mejjet Selofħad ikollhom wirt. Din id-deċiżjoni serviet taʼ regola f’każ taʼ sitwazzjoni simili fil-futur, u għaldaqstant kienet favur id-drittijiet taʼ wlied bniet iltiema.—Numri 27:1-8.

^ par. 20 Ta’ interess, Jehovah ixebbah lilu nnifsu ma’ ljun meta jagħmel ħaqq minn Iżrael żleali.—Ġeremija 25:38; Hosegħa 5:14.