Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 14

Ġeħova jipprovdi “fidwa għall-kotra”

Ġeħova jipprovdi “fidwa għall-kotra”

1, 2. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-qagħda tal-bnedmin, u x’inhi l-unika soluzzjoni?

“IL-ĦOLQIEN kollu għadu . . . jitniehed bl-uġigħ.” (Rumani 8:22) B’dan il-kliem l-appostlu Pawlu jiddeskrivi l-qagħda msejkna li ninsabu fiha. Mill-ħarsa tal-bniedem, jidher li m’hemm l-ebda soluzzjoni għat-tbatija, id-dnub, u l-mewt. Imma Jehovah m’għandux limitazzjonijiet bħal taʼ bniedem. (Numri 23:19) L-Alla tal-ġustizzja pprovdielna soluzzjoni għall-inkwiet tagħna. Din tissejjaħ il-fidwa.

2 Il-fidwa hija l-akbar rigal li Jehovah ta lill-bnedmin. Permezz tagħha nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt. (Efesin 1:7) Hija l-pedament tat-tama taʼ ħajja taʼ dejjem, sew jekk fis-sema u sew jekk fuq art magħmula ġenna. (Luqa 23:43; Ġwanni 3:16; 1 Pietru 1:4) Imma x’inhi l-fidwa eżattament? Din kif tgħallimna dwar il-ġustizzja suprema taʼ Jehovah?

Kif Inħoloq il-Bżonn għal Fidwa

3. (a) Il-fidwa għala saret neċessarja? (b) Alla għala ma setax sempliċement jibdel il-piena tal-mewt għan-nisel taʼ Adam?

3 Il-fidwa saret neċessarja minħabba d-dnub taʼ Adam. Billi m’obdiex lil Alla, Adam ħalla lil nislu wirt taʼ mard, niket, uġigħ, u mewt. (Ġenesi 2:17; Rumani 8:20, 21a [8:20, NW]) Alla ma setax iċedi għas-sentimenti u sempliċement jagħżel kastig inqas aħrax mill-piena tal-mewt. Li kieku għamel hekk kien se jkun qed jinjora l-liġi tiegħu stess: “Il-ħlas tad-dnub hu l-mewt.” (Rumani 6:23) U kieku Jehovah kellu jġib fix-xejn il-livelli tiegħu stess taʼ ġustizzja, imbagħad  ma kienx ikun hawn ħlief taħwid u ksur taʼ liġi fl-univers kollu!

4, 5. (a) Satana kif immalafama lil Alla, u Jehovah għala kien obbligat iwieġeb dawk l-isfidi? (b) Liema akkuża għamel Satana rigward il-qaddejja leali taʼ Jehovah?

4 Bħalma rajna f’Kapitlu 12, l-irvell fl-Għeden qajjem kwistjonijiet saħansitra akbar. Satana tefaʼ dell ikrah fuq l-isem tajjeb t’Alla. Fil-fatt, hu akkuża lil Jehovah li hu giddieb u dittatur kattiv li jċaħħad lill-ħlejjaq tiegħu mil-libertà. (Ġenesi 3:1-5) Billi donnu fixkel l-iskop t’Alla li l-art timtela bi bnedmin ġusti, Satana akkuża wkoll lil Alla li kulma jagħmel ifallilu. (Ġenesi 1:28; Isaija 55:10, 11) Kieku Jehovah baqaʼ ma weġibx dawn l-isfidi, ħafna mill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu kellhom mnejn jitilfu ħafna mill-fiduċja tagħhom fil-ħakma tiegħu.

5 Satana mmalafama wkoll lill-qaddejja leali taʼ Jehovah, u akkużahom li huma jaqdu lil Alla biss minħabba motivi egoistiċi u li jekk isibu ruħhom taħt pressjoni, ħadd minnhom ma jibqaʼ leali Lejh. (Ġob 1:9-11) Dawn il-kwistjonijiet kienu ħafna iktar importanti mis-sitwazzjoni diffiċli li kienu se jsibu ruħhom fiha l-bnedmin. Jehovah bix-xieraq ħassu obbligat iwieġeb l-akkużi taʼ malafama li għamel Satana. Imma Alla kif setaʼ jsolvi dawn il-kwistjonijiet kif ukoll isalva lill-bnedmin?

Il-Fidwa—Valur Indaqs

6. Liema huma xi espressjonijiet fil-Bibbja li jiddeskrivu l-mezz li uża Alla biex isalva lill-bnedmin?

6 Is-soluzzjoni taʼ Jehovah kienet kemm ħanina b’mod suprem kif ukoll ġusta ferm—soluzzjoni li l-ebda bniedem ma setaʼ qatt jasal għaliha. Madankollu, kienet verament sempliċi. Tissejjaħ b’diversi modi, bħal per eżempju xiri, tħabbib mill-ġdid, tpattija, u ħlas. (Danjel 9:24; Galatin 3:13, NW; Kolossin 1:20; Lhud 2:17) Imma l-espressjoni li forsi tiddeskrivi l-affarijiet bl-aħjar mod hija dik li uża Ġesù nnifsu. Hu  qal: ‘Bin il-bniedem . . . ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa [Grieg, lyʹtron] għall-kotra.’—Mattew 20:28.

7, 8. (a) Il-kelma “fidwa” xi tfisser fl-Iskrittura? (b) Il-fidwa b’liema mod tinvolvi valur indaqs?

7 Fidwa x’inhi? Il-kelma Griega użata hawn ġejja minn verb li jfisser “li tħoll, li teħles.” Din il-kelma kienet tintuża biex tiddeskrivi l-flus li kienu jitħallsu ħalli jpattu għall-ħelsien tal-priġunieri tal-gwerra. Mela, bażikament fidwa tistaʼ titfisser bħala xi ħaġa mħallsa biex tinxtara xi ħaġa lura. Fl-Iskrittura Ebrajka, il-kelma għal “fidwa” (koʹpher) ġejja minn verb li jfisser “li tgħatti.” Per eżempju, Alla qal lil Noè li kellu ‘jidlek’ [Ebrajk, ‘jgħatti’] l-arka bil-qatran. (Ġenesi 6:14) Dan jgħinna nifhmu illi li tifdi jfisser ukoll ‘li taħfer’ [Ebrajk, ‘tgħatti’] id-dnubiet.—Salm 65:4 (65:3, NW).

8 B’mod sinifikanti, it-Theological Dictionary of the New Testament josserva li din il-kelma (koʹpher) “dejjem timplika valur indaqs,” jew ammont ekwivalenti. B’hekk, l-għata taʼ l-arka tal-patt kien daqs l-arka nfisha. Bl-istess mod, sabiex jinfeda, jew jitgħatta, id-dnub, irid jitħallas prezz ekwivalenti b’mod preċiż, jew li jgħatti għalkollox, għall-ħsara li għamel id-dnub. B’hekk, il-Liġi t’Alla lil Iżrael kienet tgħid: “Ħajja b’ħajja, għajn b’għajn, sinna b’sinna, id b’id, riġel b’riġel.”—Dewteronomju 19:21.

9. Nies taʼ fidi għala offrew sagrifiċċji taʼ l-annimali, u Jehovah kif kien iqishom sagrifiċċji bħal dawn?

9 Nies taʼ fidi minn Abel ’il quddiem offrew sagrifiċċji taʼ l-annimali lil Alla. Billi għamlu dan, huma wrew li kienu konxji tad-dnub u tal-bżonn li jinfdew, u wrew il-fidi tagħhom fil-ħelsien imwiegħed minn Alla permezz tan-“nisel” tiegħu. (Ġenesi 3:15; 4:1-4; Levitiku 17:11; Lhud 11:4) Jehovah kien jieħu pjaċir b’dawn is-sagrifiċċji u approva lil  dawn l-aduraturi. Madankollu, l-offerti taʼ l-annimali, anki fl-aqwa każi, kienu biss simbolu. L-annimali ma setgħux verament jgħattu d-dnub tal-bniedem, għax huma inferjuri għall-bnedmin. (Salm 8:5-9 [8:4-8, NW]) Għaldaqstant, il-Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li d-demm tal-gniedes u tal-mogħoż ineħħi d-dnubiet.” (Lhud 10:1-4) Sagrifiċċji bħal dawn kienu biss jagħtu stampa, jew jissimbolizzaw, is-sagrifiċċju veru tal-fidwa li kien għadu ġej.

“Fidwa Ekwivalenti”

10. (a) Il-feddej għal min kellu jkun ekwivalenti, u għala? (b) Għala kien hemm bżonn biss sagrifiċċju uman wieħed?

10 “Il-bnedmin kollha jmutu f’Adam,” qal l-appostlu Pawlu. (1 Korintin 15:22) B’hekk, il-fidwa kellha tinvolvi l-mewt taʼ xi ħadd eżatt bħal Adam—bniedem perfett. (Rumani 5:14) L-ebda ħliqa oħra ma setgħet tibbilanċja l-miżien tal-ġustizzja. Bniedem perfett biss, xi ħadd li ma kienx taħt il-piena tal-mewt Adamika, setaʼ joffri “fidwa ekwivalenti”—ekwivalenti b’mod perfett għal Adam. (1 Timotju 2:6, NW) Ma kienx se jkun hemm għalfejn li bosta miljuni taʼ bnedmin individwali jiġu sagrifikati biex ikunu ekwivalenti għal kull dixxendent taʼ Adam. L-appostlu Pawlu spjega: “Kien permezz taʼ bniedem wieħed [Adam] li fid-dinja daħal id-dnub, u permezz tad-dnub il-mewt.” (Rumani 5:12) U billi “permezz taʼ bniedem feġġet il-mewt,” Alla għamel arranġament biex il-bnedmin jinfdew “bi bniedem.” (1 Korintin 15:21) Kif?

“Ta lilu nnifsu għal kulħadd bħala fidwa ekwivalenti”

11. (a) Il-feddej kif kellu ‘jduq il-mewt għal kulħadd’? (b) Adam u Eva għala ma setgħux ibbenefikaw mill-fidwa? (Ara n-nota taʼ taħt.)

11 Jehovah għamel arranġament biex bniedem perfett wieħed jissagrifika ħajtu b’mod volontarju. Skond Rumani 6:23, “il-ħlas tad-dnub hu l-mewt.” Billi jissagrifika ħajtu, il-feddej kellu ‘jduq il-mewt għal kulħadd.’ Fi kliem ieħor, kellu jħallas il-ħlas tad-dnub taʼ Adam. (Lhud 2:9; 2 Korintin 5:21; 1 Pietru 2:24) Dan kien se jkollu konsegwenzi legali  importanti. Billi tħassar il-piena tal-mewt minn fuq in-nisel ubbidjenti taʼ Adam, il-fidwa kienet se tmur preċiż fuq ras il-għajn u tneħħi l-qawwa qerrieda tad-dnub. *Rumani 5:16.

12. Uri kif ħafna nies jistgħu jibbenefikaw minn ħlas taʼ dejn wieħed.

12 Biex nagħtu eżempju: Immaġina li tgħix f’belt fejn il-biċċa l-kbira mir-residenti jaħdmu f’fabbrika kbira. Int u l-ġirien tiegħek għandkom paga tajba u tgħixu ħajja komda. Dan sakemm il-fabbrika tagħlaq. Għala tagħlaq? Id-direttur tal-fabbrika sar korrott u falla n-negozju. F’daqqa waħda, int u l-ġirien tiegħek tinsabu bla xogħol u ma tistgħux tħallsu l-kontijiet. Żewġek jew martek, uliedek, u l-kredituri li jridu jiġbru flushom, kollha jbatu minħabba l-korruzzjoni taʼ dak ir-raġel wieħed. Teżisti soluzzjoni? Iva! Benefattur sinjur jiddeċiedi li jindaħal. Hu jaf kemm tiswa l-kumpanija. Hu jħoss ukoll għal dawk l-impjegati kollha u għall-familji tagħhom. Għalhekk, hu jagħmel arranġament biex iħallas lura d-dejn tal-kumpanija u jerġaʼ jiftaħ il-fabbrika. Il-fatt li jitħassar dak id-dejn wieħed iġib serħan lill-ħafna impjegati u l-familji tagħhom u lill-kredituri. B’mod simili, miljuni bla għadd jibbenefikaw mill-fatt li tħassar id-dejn taʼ Adam.

Min Jipprovdi l-Fidwa?

13, 14. (a) Jehovah kif ipprovda l-fidwa għall-bnedmin? (b) Il-fidwa lil min titħallas, u ħlas bħal dan għala huwa meħtieġ?

13 Jehovah biss setaʼ jipprovdi “l-Ħaruf . . . li jneħħi d-dnub tad-dinja.” (Ġwanni 1:29) Imma Alla ma qabadx u bagħat anġlu kwalunkwe biex isalva lill-bnedmin. Minflok,  hu bagħat lill-Wieħed li setaʼ jagħti t-tweġiba finali, darba għal dejjem, għall-akkuża taʼ Satana kontra l-qaddejja taʼ Jehovah. Iva, Jehovah għamel is-sagrifiċċju suprem billi bagħat lil Ibnu l-waħdieni, “l-għaxqa tiegħu.” (Proverbji 8:30) L-Iben t’Alla kien lest li ‘jxejjen lilu nnifsu’ min-natura tiegħu tas-sema. (Filippin 2:7) B’mod mirakoluż, Jehovah ittrasferixxa l-ħajja u l-personalità taʼ l-ewwel Iben imwieled tiegħu fis-sema għal ġol-ġuf taʼ verġni Lhudija jisimha Marija. (Luqa 1:27, 35) Bħala bniedem kellu jissejjaħ Ġesù. Imma f’sens legali, setaʼ jissejjaħ it-tieni Adam, għax kien ekwivalenti b’mod perfett għal Adam. (1 Korintin 15:45, 47) B’hekk, Ġesù setaʼ joffri lilu nnifsu b’sagrifiċċju taʼ fidwa għall-bnedmin midinbin.

14 Lil min kellha titħallas il-fidwa? Salm 49:8 (49:7, NW) jgħid b’mod speċifiku li l-fidwa titħallas “lil Alla.” Imma mhux Jehovah kien il-wieħed li għamel l-arranġament tal-fidwa? Iva, imma b’dan ma jfissirx li l-fidwa hija sempliċement bdil bla sens u superfiċjali—bħallikieku qed toħroġ il-flus minn but u ddaħħalhom f’ieħor. Irridu nifhmu li l-fidwa m’hijiex bdil t’affarijiet materjali, imma hija att legali. Billi pprovda l-ħlas tal-fidwa, avolja swietlu ħafna lilu stess, Jehovah ikkonferma kemm iżomm sod mal-ġustizzja perfetta tiegħu.—Ġenesi 22:7, 8, 11-13; Lhud 11:17; Ġakbu 1:17.

15. Ġesù għala kellu jbati u jmut?

15 Fir-rebbiegħa tas-sena 33 E.K., Ġesù Kristu kien lest li joqgħod għal prova kbira li wasslet għall-ħlas tal-fidwa. Hu ħalla lilu nnifsu jiġi arrestat fuq akkużi foloz, ġudikat ħati, u msammar ma’ zokk taʼ l-esekuzzjoni. Kien hemm għalfejn ibati daqshekk Ġesù? Iva, għax kellha tinqataʼ l-kwistjoni taʼ l-integrità tal-qaddejja t’Alla. Xi ħaġa importanti hi li Alla ma ħalliex lil Ġesù tarbija jinqatel minn Erodi. (Mattew 2:13-18) Imma meta Ġesù kien adult, kien kapaċi jiflaħ il-qilla kollha taʼ l-attakki taʼ Satana waqt li fehem eżattament il-kwistjonijiet  involuti. * Billi baqaʼ “qaddis [“leali,”NW], innoċenti, safi, maqtugħ mill-midinbin” minkejja t-trattament orribbli li rċieva, Ġesù wera b’mod definittiv għall-aħħar li Jehovah għandu qaddejja li jibqgħu leali meta jgħaddu minn prova. (Lhud 7:26) Mela, mhux taʼ b’xejn li f’dak il-mument qabel miet, Ġesù għajjat b’mod trijonfanti: “Kollox hu mitmum!”—Ġwanni 19:30.

Itemm ix-Xogħol Tiegħu taʼ Fidwa

16, 17. (a) Ġesù kif kompla x-xogħol tiegħu taʼ fidwa? (b) Ġesù għala kien meħtieġ li jidher “għalina quddiem Alla”?

16 Ġesù kien għad irid itemm ix-xogħol tiegħu taʼ fidwa. Fit-tielet jum wara l-mewt taʼ Ġesù, Jehovah qajmu mill-imwiet. (Atti 3:15; 10:40) Permezz taʼ dan l-att importanti, Jehovah mhux biss ippremja lil Ibnu għas-servizz leali tiegħu imma tah l-opportunità li jtemm ix-xogħol tiegħu taʼ fidwa bħala l-Qassis il-Kbir t’Alla. (Rumani 1:4; 1 Korintin 15:3-8) L-appostlu Pawlu jispjega: “Kristu ġie bħala l-qassis il-kbir . . . [u] daħal darba għal dejjem fis-Santwarju, mhux bis-saħħa tad-demm tal-mogħoż u taʼ l-għoġiela, imma bis-saħħa taʼ demmu stess, u hekk kiseb fidwa għal dejjem. Għax Kristu ma daħalx f’santwarju magħmul b’idejn il-bnedmin li hu biss xbieha tas-santwarju veru, imma daħal fis-sema stess, biex issa jidher għalina quddiem Alla.”—Lhud 9:11, 12, 24.

17 Kristu ma setax jieħu d-demm letterali tiegħu fis-sema.  (1 Korintin 15:50) Minflok, hu ħa dak li d-demm kien jissimbolizza: il-valur legali tal-ħajja umana perfetta li kien issagrifika. Imbagħad, quddiem Alla, hu ppreżenta formalment il-valur taʼ dik il-ħajja bħala fidwa għall-bnedmin midinbin. Jehovah aċċettah dak is-sagrifiċċju? Iva, u dan deher ċar f’Pentekoste tat-33 E.K., meta l-ispirtu qaddis tferra’ fuq madwar 120 dixxiplu f’Ġerusalemm. (Atti 2:1-4) Għalkemm din il-ġrajja kienet eċċitanti, il-fidwa dakinhar kienet għadha kemm bdiet tipprovdi l-benefiċċji meraviljużi.

Benefiċċji tal-Fidwa

18, 19. (a) Liema żewġ gruppi taʼ individwi jibbenefikaw mit-tħabbib mill-ġdid li huwa possibbli permezz tad-demm taʼ Kristu? (b) Għal dawk tal-folla kbira, liema huma xi benefiċċji preżenti u futuri tal-fidwa?

18 Fl-ittra tiegħu lill-Kolossin, Pawlu jispjega li Alla għoġbu li permezz taʼ Kristu jerġaʼ jħabbeb kollox miegħu billi jġib is-sliem bid-demm li Ġesù xerred fuq l-għuda tat-tortura. Pawlu jispjega wkoll li dan it-tħabbib mill-ġdid jinvolvi żewġ gruppi distinti taʼ individwi, jiġifieri, “kull ma hu fis-sema” u “kull ma hu fl-art.” (Kolossin 1:19, 20; Efesin 1:10) Dak l-ewwel grupp huwa magħmul mill-144,000 Kristjan li jingħataw it-tama li jaqdu bħala qassisin fis-sema u jaħkmu bħala slaten għal fuq l-art ma’ Kristu Ġesù. (Apokalissi 5:9, 10; 7:4; 14:1-3) Permezz tagħhom, il-benefiċċji tal-fidwa se jiġu applikati ftit ftit fuq il-bnedmin ubbidjenti matul perijodu t’elf sena.—1 Korintin 15:24-26; Apokalissi 20:6; 21:3, 4.

19 “Kull ma hu fl-art” hu dawk l-individwi li qed jistennew li jgawdu ħajja perfetta f’Ġenna fuq l-art. Apokalissi 7:9-17 jiddeskrivihom bħala folla kbira li se tibqaʼ ħajja fit-tribulazzjoni l-kbira li ġejja. Imma m’għandhomx għalfejn jistennew sa dakinhar biex igawdu l-benefiċċji tal-fidwa. Huma diġà ‘ħaslu l-ilbiesi tagħhom u għamluhom bojod fid-demm tal-Ħaruf.’ Peress li jeżerċitaw il-fidi fil-fidwa,  issa stess qed jirċievu benefiċċji spiritwali minn dak il-provvediment kollu mħabba. Saħansitra ġew ġustifikati bħala ħbieb t’Alla! (Ġakbu 2:23) Bħala riżultat tas-sagrifiċċju taʼ Ġesù, huma jistgħu ‘jersqu bil-libertà tal-kelma lejn it-tron tal-qalb tajba mhix mistħoqqa.’ (Ebrej 4:14-16, NW) Meta jonqsu, huma jirċievu maħfra vera. (Efesin 1:7) Minkejja li huma imperfetti, jistgħu jgawdu kuxjenza mnaddfa. (Lhud 9:9; 10:22; 1 Pietru 3:21) B’hekk, it-tħabbib mill-ġdid m’Alla m’huwiex xi ħaġa li jittamaw għaliha imma realtà preżenti! (2 Korintin 5:19, 20) Matul il-Millennju, bil-mod il-mod huma se “jkunu meħlusa mill-jasar tat-taħsir” u finalment se “jiksbu l-ħelsien tal-glorja taʼ wlied Alla.”—Rumani 8:21.

20. Il-fatt li timmedita fuq il-fidwa kif jeffettwak personalment?

20 “Ħajr lil Alla permezz taʼ Ġesù Kristu” għall-fidwa! (Rumani 7:25) Il-prinċipju tagħha huwa sempliċi, imma fl-istess ħin tant hi profonda li timmeraviljana. (Rumani 11:33) U billi nimmeditaw b’apprezzament fuqha, il-fidwa tmissilna qlubna, u tressaqna eqreb lejn l-Alla tal-ġustizzja. Bħas-salmista, għandna kull raġuni biex infaħħru lil Jehovah li “jħobb id-dritt u s-sewwa [“il-ġustizzja,” NW].”—Salm 33:5.

^ par. 11 Adam u Eva ma setgħux ibbenefikaw mill-fidwa. Il-Liġi Mosajka ddikjarat dan il-prinċipju rigward qattiel intenzjonat: “La teħdux fidwa għal ħajjet qattiel, li ħaqqu l-mewt.” (Numri 35:31, Saydon) B’mod ċar, Adam u Eva kien ħaqqhom imutu għax id-diżubbidjenza tagħhom lejn Alla kienet intenzjonata u kienu jafu x’qed jagħmlu. Minħabba f’hekk huma ċedew il-prospett tagħhom taʼ ħajja taʼ dejjem.

^ par. 15 Sabiex jagħmel tajjeb għad-dnub taʼ Adam, Ġesù kellu jmut, mhux bħala tifel perfett, imma bħala raġel perfett. Ftakar, id-dnub taʼ Adam kien intenzjonat, u meta għamlu kien jaf eżatt is-serjetà taʼ l-att u l-konsegwenzi tiegħu. Allura sabiex isir ‘l-aħħar Adam’ u jgħatti dak id-dnub, Ġesù kellu jagħmel għażla matura u informata biex iżomm l-integrità tiegħu lejn Jehovah. (1 Korintin 15:45, 47) B’hekk, l-aġir leali taʼ Ġesù matul ħajtu kollha—inkluż il-mewt tiegħu b’sagrifiċċju—serva bħala “opra tal-ġustizzja.”—Rumani 5:18, 19.