Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 KAPITLU 16

‘Agħmel dak li hu ġust’ fl-imġiba tiegħek m’Alla

‘Agħmel dak li hu ġust’ fl-imġiba tiegħek m’Alla

1-3. (a) Għala aħna midjunin ma’ Jehovah? (b) X’jistenna minna l-Wieħed li salvana u li tant iħobbna?

IMMAĠINA li tinsab maqbud fuq vapur li qed jegħreq. Preċiż meta taħseb li m’hemmx tama, xi ħadd jiġi u jsalvak. Kemm isserraħ rasek meta dak li salvak jieħdok ’il bogħod mill-periklu u jgħidlek: “Issa m’hu se jiġrilek xejn”! Ma tħossokx obbligat lejn dak li jkun? Ħajtek tkun tafha lilu fil-veru sens tal-kelma.

2 F’ċerti aspetti, dan juri x’għamel Jehovah għalina. Żgur li aħna midjunin miegħu. Wara kollox, hu pprovda l-fidwa, u għamilhielna possibbli li niġu salvati minn taħt difrejn id-dnub u l-mewt. Inħossuna fis-sigurtà għax nafu li sakemm aħna neżerċitaw il-fidi f’dak is-sagrifiċċju prezzjuż, dnubietna se jinħafrulna, u l-futur etern tagħna huwa ċert. (1 Ġwanni 1:7; 4:9) Bħalma rajna f’Kapitlu 14, il-fidwa hija l-aqwa espressjoni taʼ l-imħabba u l-ġustizzja taʼ Jehovah. Kif għandna nirreaġixxu għal dan?

3 Huwa xieraq li nikkunsidraw x’jistenna minna dak il-Wieħed stess li salvana u li tant iħobbna. Jehovah jgħid permezz tal-profeta Mikea: “Bniedem, huwa wriek x’inhu tajjeb u x’jistenna minnek il-Mulej: li tagħmel dak li hu ġust, li tħobb u tkun ħanin, u li tkun umli fl-imġiba tiegħek ma’ Alla tiegħek.” (Mikea 6:8) Innota li waħda mill-affarijiet li Jehovah jistenna minna hi li ‘nagħmlu dak li hu ġust.’ Kif nistgħu nagħmlu dan?

Niġru wara ‘l-Ġustizzja Vera’

4. Kif nafu li Jehovah jistenna li nimxu fi qbil mal-livelli ġusti tiegħu?

4 Jehovah jistenna li aħna ngħixu skond il-livelli tiegħu taʼ  x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Ladarba l-livelli tiegħu huma ġusti u sewwa, aħna nkunu qed niġru wara l-ġustizzja u s-sewwa meta nimxu fi qbil magħhom. “Tgħallmu agħmlu t-tajjeb, fittxu d-dritt [jew, is-sewwa],” jgħid Isaija 1:17. Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘infittxu l-ġustizzja.’ (Sofonija 2:3) Tħeġġiġna wkoll biex ‘nilbsu l-personalità l-ġdida li nħolqot skond ir-rieda t’Alla fil-ġustizzja u l-lealtà vera.’ (Efesin 4:24, NW ) Il-ġustizzja vera twarrab il-vjolenza, in-nuqqas taʼ ndafa, u l-immoralità, għax dawn ikasbru dak li hu qaddis.—Salm 11:5; Efesin 5:3-5.

5, 6. (a) Għala m’huwiex taʼ piż għalina li nimxu fi qbil mal-livelli taʼ Jehovah? (b) Il-Bibbja kif turi li l-proċess taʼ li niġru wara lġustizzja huwa wieħed kontinwu?

5 Huwa taʼ piż għalina li nimxu fi qbil mal-livelli ġusti taʼ Jehovah? Le. Qalb li hija miġbuda lejn Jehovah ma tiddejjaqx b’dak li jeħtieġ minna. Peress li nħobbu lill-Alla tagħna u dak kollu li jirrappreżenta, aħna rridu ngħixu b’mod li jogħġob lilu. (1 Ġwanni 5:3) Ftakar li Jehovah “iħobb il-ġustizzja.” (Salm 11:7) Biex nimitaw verament il-ġustizzja, jew is-sewwa, divina rridu nsiru nħobbu dak li jħobb Jehovah u nobogħdu dak li jobgħod hu.—Salm 97:10.

6 M’huwiex faċli għal bnedmin imperfetti biex jiġru wara l-ġustizzja. Irridu ninżgħu l-personalità l-qadima bid-drawwiet midinbin kollha tagħha u nilbsu l-waħda ġdida. Il-Bibbja tgħid li l-personalità l-ġdida ‘tiġġedded’ permezz taʼ l-għarfien eżatt. (Kolossin 3:9, 10) Il-kelma ‘tiġġedded’ tindika li l-proċess taʼ li nilbsu l-personalità l-ġdida huwa wieħed kontinwu, wieħed li jirrikjedi sforz kbir. Nipprovaw kemm nipprovaw nagħmlu dak li hu sew, ikun hemm waqtiet meta l-personalità midinba tagħna ġġagħalna nitfixklu fil-ħsieb, fil-kliem, jew fl-għemil.—Rumani 7:14-20; Ġakbu 3:2.

7. Kif għandna nirreaġixxu jekk aħna u nistinkaw biex niġru wara l-ġustizzja nagħmlu xi ħaġa li titfagħna lura?

7 Kif għandna nirreaġixxu jekk aħna u nistinkaw biex niġru wara l-ġustizzja nagħmlu xi ħaġa li titfagħna lura?  M’għandniex xi ngħidu, ma rridux inċekknu s-serjetà tad-dnub. Fl-istess ħin, qatt m’għandna naqtgħu qalbna, u nħossu li n-nuqqasijiet tagħna ma jagħmluniex denji li naqdu lil Jehovah. Alla tagħna b’qalb tajba għamel arranġamenti biex dawk li jindmu sinċerament jerġgħu jiksbu l-approvazzjoni tiegħu. Ikkunsidra l-kliem inkuraġġanti taʼ l-appostlu Ġwanni: “Dan qiegħed niktibhulkom biex ma tidinbux.” Imma mbagħad żied b’mod realistiku: “Imma jekk xi ħadd jidneb [minħabba l-imperfezzjoni li wiret], aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu.” (1 Ġwanni 2:1) Iva, Jehovah ipprovda s-sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa sabiex inkunu nistgħu naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli minkejja li aħna midinbin. Ma jqanqalniex dan biex inkunu rridu nagħmlu kulma nistgħu biex nogħġbu lil Jehovah?

L-Aħbar Tajba u l-Ġustizzja Divina

8, 9. It-tħabbir taʼ l-aħbar tajba kif juri l-ġustizzja taʼ Jehovah?

8 Nistgħu nuru l-ġustizzja—fil-fatt, nimitaw il-ġustizzja divina—billi jkollna sehem sħiħ fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla lil oħrajn. X’konnessjoni hemm bejn il-ġustizzja taʼ Jehovah u l-aħbar tajba?

9 Jehovah mhux se jtemm din is-sistema mill-agħar mingħajr ma l-ewwel jara li tinstemaʼ t-twissija. Fil-profezija tiegħu dwar dak li kellu jiġri matul iż-żmien tat-tmiem, Ġesù qal: “L-ewwel jeħtieġ li l-Evanġelju jkun imxandar lill-ġnus kollha.” (Mark 13:10; Mattew 24:3) L-użu tal-kelma “l-ewwel” jimplika li wara x-xogħol taʼ l-ippridkar mad-dinja kollha se jseħħu ġrajjiet oħra. Dawn jinkludu t-tribulazzjoni l-kbira mbassra, li se tfisser qerda għall-ħżiena u se tħejji t-triq għal dinja ġdida taʼ ġustizzja. (Mattew 24:14, 21, 22) Ċertament, ħadd ma jistaʼ bi dritt jakkuża lil Jehovah li kien inġust mal-ħżiena. Billi ħa ħsieb li tinstemaʼ t-twissija, lil dawn l-uħud qed jagħtihom biżżejjed opportunità biex jibdlu triqathom u b’hekk jiskansaw il-qerda.—Ġona 3:1-10.

Aħna nuru ġustizzja bħal t’Alla meta b’mod imparzjali naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn

10, 11. Is-sehem tagħna fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba kif jirrifletti ġustizzja bħal t’Alla?

 10 Il-fatt li nippridkaw l-aħbar tajba kif jirrifletti ġustizzja bħal t’Alla? L-ewwelnett, huwa xieraq li nagħmlu dak li nistgħu biex ngħinu lil oħrajn jiksbu salvazzjoni. Erġaʼ qis it-tixbiha taʼ li tiġi salvat minn vapur li qed jegħreq. Meta ssib ruħek qawwi u sħiħ f’dgħajsa tas-salvataġġ, żgur li tkun trid tgħin lil oħrajn li jkunu għadhom fl-ilma. Bl-istess mod, aħna għandna obbligu lejn dawk li għadhom jitħabtu fl-“ilmijiet” taʼ din id-dinja mill-agħar. Veru, ħafna jirrifjutawh il-messaġġ tagħna. Imma sakemm Jehovah ikompli jkun paċenzjuż, aħna għandna r-responsabbiltà li nagħtuhom l-opportunità li ‘jersqu għall-indiema,’ u b’hekk ikollhom il-possibbiltà li jsalvaw.—2 Pietru 3:9.

11 Billi nippridkaw l-aħbar tajba ma’ kulmin niltaqgħu, aħna nuru l-ġustizzja b’mod importanti ieħor: Inkunu qed nuru l-imparzjalità. Ftakar li “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd, imma jilqaʼ lil kull min għandu l-biżaʼ tiegħu u jagħmel is-sewwa, ikun minn liema poplu jkun.” (Atti 10:34, 35) Biex nimitaw il-ġustizzja Tiegħu, ma rridux inkunu preġudikati man-nies. Minflok, għandna naqsmu l-aħbar tajba m’oħrajn, tkun xi tkun ir-razza, l-istat soċjali, jew il-qagħda finanzjarja tagħhom. B’hekk, lil dawk kollha li lesti jagħtu widen aħna nagħtuhom l-opportunità li jisimgħu u jirreaġixxu tajjeb għall-aħbar tajba.—Rumani 10:11-13.

Kif Nittrattaw lil Oħrajn

12, 13. (a) Għala m’għandniex inkunu ħfief biex niġġudikaw lil oħrajn? (b) Il-parir taʼ Ġesù biex ‘ma nibqgħux niġġudikaw’ u ‘ma nibqgħux nikkundannaw’ xi jfisser? (Ara wkoll in-nota taʼ taħt.)

12 Nistgħu nuru l-ġustizzja wkoll billi nittrattaw lil oħrajn bħalma jittrattana Jehovah. Hija xi ħaġa faċli ferm li niġġudikaw lil oħrajn, billi nikkritikaw id-difetti li għandhom u niddubitaw mill-motivi tagħhom. Imma min minna jrid lil Jehovah jifli n-nuqqasijiet u l-motivi tagħna bla ħniena taʼ xejn? Jehovah ma jaġixxix hekk magħna. Is-salmista  osserva: “Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej, Sidi, min jistaʼ jżomm sħiħ?” (Salm 130:3) M’aħniex grati li l-Alla ġust u ħanin tagħna jagħżel li ma jikkonċentrax fuq l-iżbalji tagħna? (Salm 103:8-10) Mela kif għandna nittrattaw lil ħaddieħor?

13 Jekk napprezzaw il-ħniena li hemm fil-ġustizzja t’Alla, m’aħniex se nkunu ħfief biex niġġudikaw lil oħrajn f’affarijiet li fir-realtà ma jkunux biċċa tagħna jew li m’humiex daqshekk importanti. Fil-Priedka tiegħu taʼ fuq il-Muntanja, Ġesù wissa: “Tibqgħux tiġġudikaw biex ma tiġux ġudikati.” (Mattew 7:1, NW ) Skond ir-rakkont taʼ Luqa, Ġesù żied: “Tibqgħux tikkundannaw, u żgur ma tiġux kundannati.” * (Luqa 6:37, NW ) Ġesù wera li kien jaf li l-bnedmin imperfetti għandhom it-tendenza li jaqbdu u jiġġudikaw. Dawk fost is-semmiegħa tiegħu li kellhom il-vizzju jiġġudikaw bl-aħrax lil oħrajn ma kellhomx jibqgħu jagħmlu hekk.

14. Għal liema raġunijiet ma rridux ‘nibqgħu niġġudikaw’ lil oħrajn?

14 Għala ma rridux ‘nibqgħu niġġudikaw’ lil oħrajn? Raġuni waħda hi li l-awtorità tagħna hi limitata. Id-dixxiplu Ġakbu jfakkarna: “Wieħed biss huwa dak li jagħmel il-Liġi, wieħed biss l-Imħallef”—Jehovah. Għalhekk, Ġakbu jistaqsi ċar u tond: “Int min int biex tiġġudika ’l ħaddieħor?” (Ġakbu 4:12; Rumani 14:1-4) Iktar minn hekk, in-natura midinba tagħna faċilment tistaʼ ġġagħalna niġġudikaw b’mod mhux fier. Ħafna attitudnijiet u motivi—fosthom preġudizzju, sentimenti mweġġgħin, għira, u sentimenti taʼ superjorità fuq ħaddieħor—jistgħu jfixklu l-mod kif inqisu lil bnedmin oħra. Aħna għandna limitazzjonijiet oħra, u l-fatt li nirriflettu dwarhom għandu jżommna milli nkunu ħfief biex insibu d-difetti taʼ l-oħrajn. Ma nistgħux naqraw il-qlub; lanqas ma nistgħu nkunu nafu ċ-ċirkustanzi persunali kollha  ta’ l-oħrajn. Min aħna mela biex nakkużaw lil sħabna fit-twemmin li għandhom motivi ħżiena jew biex nikkritikaw l-isforzi tagħhom fis-servizz t’Alla? Kemm ikun aħjar li nimitaw lil Jehovah billi nfittxu t-tajjeb f’ħutna minflok ma niffokaw fuq l-iżbalji tagħhom!

15. Liema kliem u trattament m’għandhomx posthom fost l-aduraturi t’Alla, u għala?

15 Xi ngħidu għall-membri tal-familja tagħna? B’sogħba, fid-dinja taʼ llum l-agħar ġudizzji jsiru fejn suppost għandu jkun post taʼ paċi—id-dar. M’hijiex ħaġa rari li tismaʼ bi rġiel, nisa, jew ġenituri abbużivi li “jikkastigaw” lill-membri tal-familja tagħhom b’bumbardament kontinwu t’abbuż fiżiku jew bil-kliem. Imma kliem aħrax, sarkażmu niggieżi, u trattament abbużiv fiżikament m’għandhomx post fost l-aduraturi t’Alla. (Efesin 4:29, 31; 5:33; 6:4) Il-parir taʼ Ġesù biex  ‘ma nibqgħux niġġudikaw’ u ‘ma nibqgħux nikkundannaw’ ma jiqafx japplika meta nkunu d-dar. Tinsiex li l-wiri tal-ġustizzja jinvolvi li nittrattaw lil oħrajn bħalma jittrattana Jehovah. U Alla tagħna qatt ma jittrattana bl-aħrax jew b’mod kattiv. Minflok, hu “juri affezzjoni b’tenerezza kbira” ma’ dawk li jħobbuh. (Ġakbu 5:11, NW ) X’eżempju taʼ l-għaġeb għalina biex nimitawh!

L-Anzjani Jaqdu “bis-Sewwa”

16, 17. (a) Jehovah x’jistenna mill-anzjani? (b) Xi jkollu jsir meta midneb jonqos li juri ndiema ġenwina, u għala?

16 Ilkoll kemm aħna għandna responsabbiltà li nimxu bis-sewwa, imma l-anzjani fil-kongregazzjoni Kristjana għandhom responsabbiltà b’mod speċjali f’dan ir-rigward. Innota d-deskrizzjoni profetika tal-“prinċpijiet,” jew anzjani, miktuba minn Isaija: “Araw, sultan għad isaltan bil-ġustizzja, u prinċpijiet jaħkmu bis-sewwa.” (Isaija 32:1) Iva, Jehovah jistenna li l-anzjani jaqdu fi qbil mas-sewwa, jew mal-ġustizzja. Dan kif jistgħu jagħmluh?

17 Dawn l-irġiel kwalifikati spiritwalment jafu tajjeb li l-ġustizzja, jew is-sewwa, titlob li l-kongregazzjoni tinżamm nadifa. Xi drabi, l-anzjani jkunu obbligati li jiġġudikaw każijiet taʼ xi għemil ħażin serju. Meta jagħmlu dan, huma jiftakru li l-ġustizzja divina tfittex li turi l-ħniena jekk jistaʼ jkun. B’hekk, huma jipprovaw iwasslu lill-midneb għall-indiema. Imma x’jiġri jekk il-midneb ma jurix indiema ġenwina minkejja l-isforzi li jsiru biex jgħinuh? B’ġustizzja perfetta, il-Kelma taʼ Jehovah tgħid li għandu jittieħed pass sod: “Neħħu l-bniedem il-ħażin minn ġo nofskom.” Dan ifisser li jitkeċċa mill-kongregazzjoni. (1 Korintin 5:11-13; 2 Ġwanni 9-11) L-anzjani jiddispjaċihom li jkollhom jieħdu azzjoni bħal din, imma jagħrfu li dan huwa neċessarju biex jipproteġu l-indafa morali u spiritwali tal-kongregazzjoni. Anki jekk jaslu s’hawn, huma jittamaw li xi darba l-midneb jiġi f’sensih u jerġaʼ lura lejn il-kongregazzjoni.—Luqa 15:17, 18.

18. L-anzjani xi jżommu f’moħħhom meta jagħtu lil oħrajn pariri bbażati fuq il-Bibbja?

 18 Biex l-anzjani jaqdu fi qbil mal-ġustizzja, hemm bżonn ukoll li jagħtu pariri bbażati fuq il-Bibbja meta dan ikun meħtieġ. M’għandniex xi ngħidu, l-anzjani ma jfittxux id-difetti f’oħrajn. Lanqas ma jaħtfu kull opportunità biex jikkoreġu lil dak li jkun. Imma xi ħadd minn sħabhom fit-twemmin għandu mnejn jagħmel “xi pass falz qabel ma jinduna.” L-anzjani se jiftakru li l-ġustizzja divina la hi kattiva u lanqas bla sentimenti, u b’hekk se jitqanqlu biex ‘jipprovaw jaġġustawh mill-ġdid bi spirtu taʼ ħlewwa.’ (Galatin 6:1, NW ) Għaldaqstant, l-anzjani m’humiex se jgħajtu ma’ xi ħadd li għamel żball jew jużaw kliem aħrax. Minflok, parir li jingħata bl-imħabba se jinkuraġġixxi lil dak li jirċivih. Anki meta jkunu qed jagħtu twiddiba diretta—meta jindikaw ċar u tond x’inhuma l-konsegwenzi t’azzjoni mhux għaqlija—l-anzjani jżommu f’moħħhom li dak il-wieħed minn sħabhom fit-twemmin li żbalja huwa nagħġa fil-merħla taʼ Jehovah. * (Luqa 15:7) Meta jkun jidher ċar li l-parir jew it-twiddib huwa mqanqal mill-imħabba u li qed jingħata bl-imħabba, hemm ċans akbar li jaġġusta mill-ġdid lil dak li għamel l-iżball.

19. Liema deċiżjonijiet ikollhom jieħdu l-anzjani, u fuqiex iridu jibbażawhom dawn id-deċiżjonijiet?

19 Taʼ spiss l-anzjani jkollhom jieħdu deċiżjonijiet li jeffettwaw lil sħabhom fit-twemmin. Per eżempju, l-anzjani minn żmien għal żmien jiltaqgħu sabiex jikkunsidraw jekk hemmx aħwa rġiel oħra fil-kongregazzjoni li jikkwalifikaw biex jiġu rikkmandati bħala anzjani jew qaddejja ministerjali. L-anzjani jafu kemm hu importanti li jkunu imparzjali. Huma jħallu l-ħtiġijiet t’Alla għal dawn il-ħatriet jiggwidawhom meta  jieħdu d-deċiżjonijiet, u mhux jistrieħu fuq sempliċi sentimenti persunali. B’hekk, huma jaġixxu ‘bla ma jħarsu lejn wiċċ ħadd u bla ma jxaqilbu lejn ħadd.’—1 Timotju 5:21.

20, 21. (a) L-anzjani x’jistinkaw li jkunu, u għala? (b) X’jistgħu jagħmlu l-anzjani biex jgħinu lill-“erwieħ dipressi”?

20 L-anzjani juru l-ġustizzja divina b’modi oħra wkoll. Wara li bassar li l-anzjani kellhom jaqdu “bis-sewwa,” Isaija kompla jgħid: “Kull wieħed ikun bħal ilqugħ għar-riħ, u kenn fit-tempesta, bħal swieqi taʼ l-ilma f’art niexfa, bħal dell taʼ blata kbira fuq art imħeddla.” (Isaija 32:2) Għalhekk, l-anzjani jistinkaw biex ikunu sors taʼ faraġ u serħan għal sħabhom l-aduraturi.

21 Illum, bil-problemi kollha li jistgħu jiskuraġġixxu, ħafna jeħtieġu l-inkuraġġiment. Anzjani, x’tistgħu tagħmlu biex tgħinu lill-“erwieħ dipressi”? (1 Tessalonikin 5:14, NW ) Isimgħuhom  b’empatija. (Ġakbu 1:19) Huma jistaʼ jkollhom bżonn jaqsmu “l-inkwiet” f’qalbhom ma’ xi ħadd li jafdaw. (Proverbji 12:25) Iżgurawhom li huma mixtiqin, apprezzati, u maħbubin—iva, minn Jehovah u wkoll minn ħuthom. (1 Pietru 1:22; 5:6, 7) Iktar minn hekk, uħud bħal dawn tistgħu titolbu magħhom u għalihom. Il-fatt li jisimgħu anzjan jgħid talba mill-qalb għan-nom tagħhom jistaʼ jkun taʼ faraġ kbir. (Ġakbu 5:14, 15) L-isforzi tagħkom li tagħmlu bi mħabba biex tgħinu lid-dipressi mhux se jiġu injorati mill-Alla tal-ġustizzja.

L-anzjani jirriflettu l-ġustizzja ta’ Jehovah meta jinkuraġġixxu lil uħud ta’ qalbhom sewda

22. B’liema modi nistgħu nimitaw il-ġustizzja taʼ Jehovah, u b’liema riżultat?

22 Kemm hu veru li billi nimitaw il-ġustizzja taʼ Jehovah se nersqu eqreb lejh! Meta nżommu mal-livelli ġusti tiegħu, meta naqsmu m’oħrajn l-aħbar tajba li ssalva l-ħajjiet, u meta nagħżlu li niffokaw fuq it-tajjeb t’oħrajn minflok ma nfittxulhom id-difetti, inkunu qed nuru ġustizzja bħal t’Alla. Anzjani, meta tipproteġu l-indafa tal-kongregazzjoni, meta toffru pariri Skritturali inkuraġġanti, meta tieħdu deċiżjonijiet imparzjali, u meta tinkuraġġixxu lil uħud taʼ qalbhom sewda, tkunu qed tirriflettu ġustizzja bħal t’Alla. Min jaf kemm iferraħlu qalbu lil Jehovah il-fatt li jħares ’l isfel mis-sema u jara lin-nies tiegħu jagħmlu l-almu tagħhom biex ‘jagħmlu dak li hu ġust’ fl-imġiba m’Alla tagħhom!

^ par. 13 Xi traduzzjonijiet jgħidu “tiġġudikawx” u “tikkundannawx.” Dawn il-frażijiet jinftiehmu bħala “tibdewx tiġġudikaw” u “tibdewx tikkundannaw.” Madankollu, il-kittieba tal-Bibbja hawnhekk jużaw kmandi negattivi fil-preżent (kontinwu). Għalhekk, l-azzjonijiet deskritti kienu qed isiru f’dak il-waqt imma kellhom jieqfu.

^ par. 18 Fit-2 Timotju 4:2, il-Bibbja tgħid li l-anzjani xi drabi jkollhom ‘iċanfru, iwiddbu, u jwissu.’ Il-kelma Griega tradotta ‘jwissu’ (pa·ra·ka·leʹo) tistaʼ tfisser “li tinkuraġġixxi.” Kelma Griega konnessa magħha, pa·raʹkle·tos, tistaʼ tirreferi għal avukat f’każ legali. B’hekk, anki meta l-anzjani jwiddbu b’mod sod, iridu jkunu wħud li jgħinu lil dawk li jinħtieġu għajnuna spiritwali.