Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 PARTI 4

Il-ħtija—“Naddafni minn dnubi”

Il-ħtija—“Naddafni minn dnubi”

“L-impjieg ġdid tiegħi tejjeb il-livell t’għajxien taʼ familti, imma wassalni wkoll biex nieħu sehem f’diversi attivitajiet dubjużi. Bdejt niċċelebra l-festi, nieħu sehem f’affarijiet politiċi, u saħansitra mmur il-knisja. Kont ilni inattiva bħala waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova għal 40 sena. Iktar m’għadda żmien, iktar bdejt naħseb li Ġeħova ma jistax ikun li jaħfirli. Ħassejt li ma stajtx naħfer lili nnifsi. Wara kollox, jien kont naf il-verità qabel ma qbadt it-triq il-ħażina.”—Martha.

IL-ĦTIJA tistaʼ tkun bħal tagħbija li tifnik. “L-iżbalji tiegħi għolew ’il fuq minn rasi,” kiteb is-Sultan David. “Bħal tagħbija tqila huma tqal wisq għalija.” (Salm 38:4) Xi Kristjani tant sewdu qalbhom li daħħluha f’moħħhom li Ġeħova qatt ma jistaʼ jaħfrilhom. (2 Korintin 2:7) Huwa dan minnu? Anki jekk għamilt dnubiet serji, tbegħedt int tant minn Ġeħova li hu qatt ma jistaʼ jaħfirlek? Le, lanqas xejn!

‘Ejja ħa nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna’

Ġeħova ma jitlaqhomx lill-midinbin li jindmu. Fil-fatt, hu jipprova jgħinhom. Fil-parabbola tal-iben il-ħali, Ġesù qabbel lil Ġeħova maʼ missier kollu mħabba li ibnu telaq lill-familja tiegħu u beda jgħix ħajja sfrattata. Maż-żmien, l-iben iddeċieda li jmur lura d-dar. “Waqt li [l-iben] kien għadu ’l bogħod, missieru lemħu u ħassu mqanqal u tħassru, u telaq jiġri u għannqu u biesu b’tenerezza.” (Luqa 15:11-20) Tixtieq tersaq eqreb taʼ Ġeħova imma tħoss li ‘għadek ’il bogħod’ wisq minnu? Bħall-missier fit-tixbiha taʼ Ġesù, Ġeħova jagħdrek b’tenerezza. Hu ħerqan biex jilqgħek lura.

Imma xi ngħidu jekk tħoss li d-dnubiet tiegħek huma ħafna u gravi wisq biex Ġeħova jaħfirhom? Jekk jogħġbok ikkunsidra l-istedina li jagħmel Ġeħova f’Isaija 1:18: “‘Ejjew, issa, ħa nirranġaw l-affarijiet taʼ bejnietna,’ jgħid Ġeħova. ‘Għalkemm dnubietkom ikunu bħall-iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-silġ.’” Iva, Ġeħova jistaʼ jaħfer saħansitra dnubiet li jidhru li ma jitħassrux bħal tebgħa ħamra fuq libsa bajda.

Ġeħova ma jridx li l-kuxjenza tiegħek tibqaʼ tniggżek. Allura kif tistaʼ tesperjenza s-serħan li jiġi mill-maħfra t’Alla u minn kuxjenza nadifa? Ikkunsidra żewġ passi li ħa s-Sultan David. L-ewwel, hu qal: “Se nistqarr nuqqasijieti lil Ġeħova.” (Salm 32:5) Ftakar, Ġeħova diġà stiednek biex tmur għandu bit-talb u biex ‘tirranġa l-affarijiet’ miegħu. Aċċettaha din l-istedina. Stqarr dnubietek maʼ Ġeħova, u iftaħ qalbek miegħu. Mill-esperjenza persunali, David b’fiduċja setaʼ jitlob: “Naddafni minn dnubi. . . . Qalb maqsuma u mgħaffġa, O Alla, int ma tistmerrhiex.”—Salm 51:2, 17.

It-tieni, David ingħata għajnuna mingħand rappreżentat maħtur t’Alla, il-profeta Natan. (2 Samwel 12:13) Illum, Ġeħova pprovda l-anzjani tal-kongregazzjoni li ġew imħarrġin biex jgħinu lill-midinbin li nidmu jerġaʼ jkollhom ħbiberija maʼ Ġeħova. Meta tmur għand l-anzjani, huma se jużaw l-Iskrittura u joffru talb mill-qalb biex tħossok aħjar, tnaqqas jew  tneħħi s-sentimenti negattivi, u jgħinuk tfiq spiritwalment.—Ġakbu 5:14-16.

Ġeħova jridek tħoss is-serħan li ġġib magħha kuxjenza nadifa

“Hieni hu dak . . . li dnubu ġie mgħotti”

Ngħiduha kif inhi, għandek mnejn tħoss illi li tistqarr dnubietek m’Alla Ġeħova u tavviċina lill-anzjani huma fost l-iktar affarijiet diffiċli li tistaʼ tagħmel. Milli jidher, David hekk ħassu għax għal xi żmien ‘baqaʼ sieket’ u ma tkellimx dwar id-dnubiet tiegħu. (Salm 32:3) Madankollu, wara, hu apprezza l-ġid li ħareġ għax stqarr dnubietu u rranġa l-mod kif kien qed jgħix.

Wieħed mill-akbar benefiċċji kien li David reġaʼ kiseb il-ferħ. Hu qal: “Hieni hu dak li l-irvell tiegħu nħafirlu, li dnubu ġie mgħotti [jew, maħfur].” (Salm 32:1) Hu talab ukoll: “O Ġeħova, jalla tiftaħli xofftejja, biex fommi jkun jistaʼ jxandar tifħirek.” (Salm 51:15) Peress li ma baqax iħossu ħati u kien grat għall-maħfra t’Alla, David tqanqal jgħid lil oħrajn dwar Ġeħova.

Ġeħova jridek tħoss is-serħan li ġġib magħha kuxjenza nadifa. Hu ma jridekx tgħid lil oħrajn dwaru u dwar l-iskopijiet tiegħu b’kuxjenza ħatja, imma bis-sinċerità u b’ferħ kbir. (Salm 65:1-4) Ftakar fl-istedina tiegħu biex ‘dnubietek jitħassrulek, u b’hekk jiġu staġuni taʼ serħan mingħand Ġeħova nnifsu.’—Atti 3:19.

Martha hekk ġralha. Hi tirrakkonta: “Ibni baqaʼ jibgħatli r-rivisti It-Torri tal-Għassa u Stenbaħ! Ftit ftit, erġajt bdejt insir naf lil Ġeħova. L-iktar ħaġa diffiċli li sibt biex niġi lura kienet li nitlob maħfra għad-dnubiet kollha li għamilt. Imma fl-aħħar, avviċinajt lil Ġeħova bit-talb u tlabtu jaħfirli. Bilkemm nistaʼ nemmen li għaddew 40 sena biex erġajt lura għand Ġeħova. Jien eżempju ħaj li anki wara ħafna snin, xi ħadd jistaʼ jingħata ċans ieħor biex jaqdi lil Alla u jerġaʼ jkun fi mħabbtu.”