“Wara li konna ilna 25 sena miżżewġin, jien u żewġi ddivorzjajna. It-tfal tiegħi telqu mill-verità. Imbagħad kelli diversi problemi serji taʼ saħħa u qabditni dipressjoni. Ħassejtni verament imkissra u ma flaħtx inkampa iktar. Ma bqajtx nattendi l-laqgħat, u sirt inattiva.”—June.

L-ANSJETÀ teffettwa lil kulħadd—anki lin-nies t’Alla. Is-salmista kiteb: “Il-ħsibijiet li jinkwetawni [jew, l-ansjetajiet] żdiedu ġewwa fija.” (Salm 94:19) U Ġesù qal li matul iż-żmien tat-tmiem, l-“ansjetajiet tal-ħajja” jistgħu jagħmluha verament diffiċli biex dak li jkun jaqdi lil Ġeħova. (Luqa 21:34) Xi ngħidu għalik? Ġieli tħoss li ma tkunx taf fejn se taqbad tagħti rasek minħabba inkwiet finanzjarju, problemi fil-familja, jew problemi taʼ saħħa? Ġeħova kif jistaʼ jgħinek tkampa?

“Qawwa iktar min-normal”

Ma nistgħux negħlbu l-ansjetà waħedna. “Aħna magħfusin b’kull mod,” kiteb l-appostlu Pawlu. “Mifxulin . . . ; mitfugħin maʼ l-art.” Imma qal ukoll li m’aħniex “marsusin li ma nistgħux niċċaqalqu,” “mhux li m’għandniex assolutament minfejn noħorġu,” u “mhux meqrudin.” X’jistaʼ jgħinna nissaportu? “Il-qawwa iktar min-normal”—qawwa li tiġi mingħand Alla tagħna li jistaʼ kollox, Ġeħova.—2 Korintin 4:7-9.

Aħseb ftit dwar kif fil-passat ingħatajt “il-qawwa iktar min-normal.” Tiftakar f’xi taħdita inkuraġġanti li kabbritlek l-apprezzament tiegħek għall-imħabba leali taʼ Ġeħova? Ma kinitx tissaħħaħ il-fidi tiegħek f’Ġeħova meta kont tgħallem lil oħrajn dwar it-tama taʼ Ġenna fuq l-art? Meta mmorru għal-laqgħat Kristjani u naqsmu t-twemmin tagħna m’oħrajn, aħna jkollna l-qawwa biex inkampaw mal-ansjetajiet tal-ħajja u niksbu l-paċi tal-moħħ ħalli nkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova bil-ferħ.

“Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

Fir-realtà, għandek mnejn tħoss li trid tlaħħaq maʼ wisq affarijiet. Pereżempju, Ġeħova jgħidilna biex infittxu l-ewwel is-Saltna u biex inżommu rutina tajba spiritwalment. (Mattew 6:33; Luqa 13:24) Imma xi ngħidu jekk l-oppożizzjoni, is-saħħa batuta, jew il-problemi fil-familja llimitaw dak li tistaʼ tagħmel? Jew xi ngħidu jekk ix-xogħol sekulari qed jiħodlok mill-ħin u l-enerġija li kieku kont tużahom fil-kongregazzjoni? Meta tiġi mitlub tagħmel ħafna affarijiet—u jkollok ftit ħin u enerġija biex tagħmilhom—jistaʼ jkun li ma tkunx taf minn fejn se taqbad tibda. Forsi saħansitra ġieli ħsibt jekk Ġeħova hux qed jitlob wisq minnek.

Ġeħova jifhimna. Hu qatt ma jistenna minna iktar milli nistgħu nagħtu. Hu jaf ukoll li jieħu ż-żmien biex nirkupraw minn stress fiżiku u emozzjonali.—Salm 103:13, 14.

Pereżempju, aħseb dwar kif Ġeħova ħa ħsieb il-profeta Elija. Meta Elija tant sar skuraġġit u beżgħan li ħarab fid-deżert, Ġeħova la ċanfar lill-profeta u lanqas ordnalu jmur lura għall-inkarigu tiegħu. Minflok, Ġeħova darbtejn bagħat  anġlu biex iqajjem lil Elija bil-ħlewwa u jagħtih xi ħaġa x’jiekol. Minkejja dan, 40 ġurnata wara, Elija kien għadu ansjuż u beżgħan. X’għamel iktar Ġeħova biex jgħinu? L-ewwel, Ġeħova wrieh li jistaʼ jipproteġih. It-tieni, Ġeħova farraġ lil Elija b’“leħen kalm u baxx.” Fl-aħħar, Ġeħova qallu li kien hemm eluf t’oħrajn li kienu qed jaqdu lil Alla lealment. Imbagħad, Elija ma damx ma reġaʼ kompla x-xogħol tiegħu bħala profeta żeluż. (1 Slaten 19:1-19) X’nitgħallmu minn dan? Meta Elija ġie maħkum mill-ansjetà, Ġeħova kien paċenzjuż u ħanin miegħu. Ġeħova ma nbidilx. Hu jieħu ħsiebna bl-istess mod.

Meta taħseb dwar dak li tistaʼ tagħti lil Ġeħova, kun realistiku. Tqabbilx dak li tistaʼ tagħmel illum maʼ dak li kont tagħmel qabel. Biex nagħtu eżempju: Wieħed li jiġri u li jieqaf jittrennja għal diversi xhur jew snin ma jistax jaqbad u jerġaʼ jmur għar-rutina li kellu qabel. Minflok, hu jibda jagħmel miri żgħar biex isaħħaħ il-muskoli u jerġaʼ jġib in-nifs. Il-Kristjani huma bħal ġerrejja. Huma jitħarrġu b’mira ċara f’moħħhom. (1 Korintin 9:24-27) Għala ma tagħmilx mira spiritwali waħda li bħalissa tidher li hi l-iktar faċli biex tilħaqha? Pereżempju, forsi tistaʼ tagħmel mira li tattendi laqgħa tal-kongregazzjoni. Itlob lil Ġeħova biex jgħinek tilħaq il-mira tiegħek. Hekk kif tikseb is-saħħa spiritwali, int se ‘dduq u tara li Ġeħova hu tajjeb.’ (Salm 34:8) Ftakar li kwalunkwe ħaġa li tagħmel biex turi l-imħabba tiegħek lejn Ġeħova—tidher kemm tidher żgħira—hija prezzjuża għalih.—Luqa 21:1-4.

Ġeħova qatt ma jistenna minna iktar milli nistgħu nagħtu

“L-inkuraġġiment li kelli bżonn”

Ġeħova kif ta l-qawwa lil June biex terġaʼ lura għandu? Hi tgħidilna: “Bqajt nitlob lil Ġeħova biex jgħinni. Imbagħad, il-mara tat-tifel qaltli li kien se jkun hemm assemblea fejn noqgħod. Iddeċidejt li nattendi ġurnata minnha. Kemm ħassejtni kuntenta li rġajt kont fost il-poplu taʼ Ġeħova! Dik l-assemblea kienet l-inkuraġġiment li kelli bżonn. Issa qed nerġaʼ naqdi lil Ġeħova bil-ferħ u ħajti m’għadhiex bla skop. Iktar minn hekk, naf li m’għandix ninqataʼ għalija waħdi u li għandi bżonn l-għajnuna taʼ ħuti. Jien grata li kont għadni fiċ-ċans li nerġaʼ lura.”