Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

 PARTI 5

Erġgħu lura “għand ir-ragħaj u l-indokratur taʼ ruħkom”

Erġgħu lura “għand ir-ragħaj u l-indokratur taʼ ruħkom”

Mill-isfidi li ssemmew f’dan il-browxer, esperjenzajt int xi waħda minnhom? Jekk iva, m’intix waħdek. Ħafna qaddejja leali t’Alla—kemm fiż-żmien tal-Bibbja kif ukoll fi żmienna—kellhom sfidi simili. Bħalma huma ġew megħjunin minn Ġeħova biex jegħlbu dawn l-isfidi, anki int tistaʼ tingħata din l-għajnuna.

Ġeħova se jkun hemm għalik hekk kif terġaʼ lura għandu

 KUN ċert li Ġeħova se jkun hemm għalik hekk kif terġaʼ lura għandu. Hu se jgħinek tkampa mal-ansjetà, ma tibqax tħossok imweġġaʼ, u ssib il-paċi tal-moħħ u tal-qalb li ġġib magħha kuxjenza nadifa. Imbagħad forsi terġaʼ tħossok imqanqal taqdi lil Ġeħova mal-aduraturi sħabek. Is-sitwazzjoni tiegħek se tkun bħal dik taʼ xi Kristjani tal-ewwel seklu. Lil dawn l-appostlu Pietru kitbilhom: “Kontu bħal nagħaġ, mitlufin; imma issa ġejtu lura għand ir-ragħaj u l-indokratur taʼ ruħkom.”—1 Pietru 2:25.

Li terġaʼ lura għand Ġeħova żgur li hi l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel. Għala? Għax se tferraħ il-qalb taʼ Ġeħova. (Proverbji 27:11) Bħalma taf, Ġeħova għandu sentimenti, allura dak li nagħmlu jeffettwah. M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova ma jisforzaniex biex inħobbuh u naqduh. (Dewteronomju 30:19, 20) Meta nqimu lil Ġeħova għax inħobbuh, inkunu qed nuru x’hemm f’qalbna. U b’hekk, inkunu qed nagħtuh għotja prezzjuża—l-integrità tagħna—u nferrħulu qalbu. Infatti, xejn ma jistaʼ jitqabbel mal-ferħ li nħossu meta nagħtu lil Ġeħova l-qima li tixraqlu.—Atti 20:35; Rivelazzjoni 4:11.

Iktar minn hekk, meta terġaʼ tibda tqim lil Ġeħova, se tissodisfa l-bżonn spiritwali tiegħek. (Mattew 5:3) B’liema mod? Xi nies madwar id-dinja jistaqsu, ‘Għala qegħdin hawn?’ Huma qed ifittxu b’ħerqa t-tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar l-iskop tal-ħajja. Il-bnedmin għandhom dan il-bżonn spiritwali għax Ġeħova hekk ħalaqhom. Hu għamilna b’tali mod li nsibu sodisfazzjon f’li naqduh. Xejn ma jistaʼ jagħmilna iktar kuntenti mill-fatt li nkunu nafu li qed inqimu lil Ġeħova għax inħobbuh!—Salm 63:1-5.

Jekk jogħġbok kun żgur li Ġeħova jridek terġaʼ lura għandu. Kif tistaʼ tkun ċert? Aħseb ftit: Dan il-browxer ġie ppreparat bir-reqqa u b’ħafna talb. Inġieb għal attenzjoni tiegħek, forsi minn xi anzjan Kristjan jew xi sieħeb ieħor fit-twemmin. Imbagħad int tqanqalt taqrah u taġixxi fi qbil mal-messaġġ li fih. Dan kollu hu prova li Ġeħova ma nsiekx. Għall-kuntrarju, hu qiegħed jiġbdek bil-ħlewwa lejh.—Ġwanni 6:44.

Il-ħsieb li Ġeħova qatt ma jinsa lill-qaddejja tiegħu li tbiegħdu minnu jistaʼ jagħtina l-faraġ. Oħt jisimha Donna apprezzat dan il-ħsieb. Hi tgħid: “Jien tbegħedt mill-verità ftit ftit, imma spiss kont nirrifletti fuq Salm 139:23, 24, li jgħid: ‘Fittex fija, O Alla, u sir af lil qalbi. Eżaminani, u sir af il-ħsibijiet li jinkwetawni, u ara jekk hemmx fija triq mimlija wġigħ, u mexxini fit-triq dejjiema.’ Kont naf li posti ma kienx fid-dinja—qatt ma ħassejtni komda hemmhekk—u kont naf li l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova kienet il-post fejn kelli nkun. Bdejt nara li Ġeħova qatt ma kien telaqni; kelli biss nerġaʼ lura għandu. U kemm jien kuntenta li għamilt dan!”

Hija x-xewqa sinċiera tagħna li anki int terġaʼ tesperjenza “l-ferħ taʼ Ġeħova.” (Neħemija 8:10) Qatt mhu se jiddispjaċik jekk terġaʼ lura għand Ġeħova.

“Bdejt nara li Ġeħova qatt ma kien telaqni; kelli biss nerġaʼ lura għandu”