Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU TMIENJA

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

X’Inhi s-Saltna t’Alla?

Il-Bibbja x’tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

Is-Saltna t’Alla x’se tagħmel?

Is-Saltna meta se twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art?

MILJUNI ta’ nies mad-dinja kollha huma familjari mat-talba li ħafna nies jafuha bħala l-Missierna, jew it-Talba tal-Mulej. Dawn iż-żewġ espressjonijiet jirreferu għal talba popolari li tana Ġesù Kristu nnifsu bħala mudell biex nimxu fuqha. Hija talba li fiha ħsibijiet importanti, u jekk nikkunsidraw l-ewwel tliet affarijiet li għandna nitolbu għalihom, inkunu nistgħu nsiru nafu iktar dwar dak li tgħallem tassew il-Bibbja.

2 Fil-bidu tat-talba li tana bħala mudell biex nimxu fuqu, Ġesù ta dawn l-istruzzjonijiet lis-semmiegħa tiegħu: “Hekk mela, itolbu: ‘Missierna fis-smewwiet, ħa jitqaddes ismek. Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.’” (Mattew 6:9-13) Xi jfissru dawn it-tliet affarijiet li għandna nitolbu għalihom?

3Diġà tgħallimna mhux ħażin dwar l-isem t’Alla, Ġeħova. U sa ċertu punt iddiskutejna r-rieda t’Alla—dak li diġà għamel u għad irid jagħmel għall-bnedmin. Iżda, Ġesù għalxiex kien qed jirreferi meta qalilna biex nitolbu: “Ħa tiġi saltnatek”? X’inhi s-Saltna t’Alla? Meta tiġi, din kif se tqaddes l-isem t’Alla? U l-fatt li tiġi s-Saltna x’għandu x’jaqsam ma’ li ssir ir-rieda t’Alla?

DAK LI HI TASSEW IS-SALTNA T’ALLA

4Is-Saltna t’Alla hi gvern stabbilit minn Alla Ġeħova u li s-Sultan tagħha hu magħżul minn Alla. Min hu s-Sultan tas-Saltna t’Alla? Dan hu Ġesù Kristu. Ġesù bħala Sultan hu akbar mill-ħakkiema umani kollha u jissejjaħ “is-Sultan tas-slaten u s-Sid tas-sidien.” (1 Timotju 6:15) Hu għandu s-setgħa jagħmel ħafna iktar ġid minn kwalunkwe ħakkiem uman ieħor, saħansitra l-aqwa wieħed fosthom.

5Is-Saltna t’Alla minfejn se taħkem? Sewwa, Ġesù fejn qiegħed? Żgur li tiftakar dak li tgħallimt dwaru, kif kien maqtul fuq zokk tat-tortura, u mbagħad ġie rxoxtat. Ftit wara, hu tela’ s-sema. (Atti 2:33) Għalhekk, hemmhekk qiegħda s-Saltna t’Alla—fis-sema. Għalhekk il-Bibbja ssejħilha ‘saltna tas-sema.’ (2 Timotju 4:18) Għalkemm is-Saltna t’Alla hija fis-sema, din se taħkem għal fuq l-art kollha.—Rivelazzjoni 11:15.

6Lil Ġesù x’jagħmlu Sultan daqstant ta’ l-għaġeb? Lewwel ħaġa, hu ma se jmut qatt. Meta tqabbel lil Ġesù mas-slaten umani, il-Bibbja ssejjaħlu “l-uniku wieħed li għandu l-immortalità, li jgħammar f’dawl li ma tistax tersaq lejh.” (1 Timotju 6:16) Dan ifisser li l-ġid kollu li jagħmel Ġesù se jibqa’ għal dejjem. U hu żgur se jagħmel affarijiet kbar u tajbin.

7Ikkunsidra din il-profezija tal-Bibbja dwar Ġesù: “Fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej, l-ispirtu ta’ l-għerf u d-dehen, l-ispirtu ta’ l-għaqal u l-qawwa, l-ispirtu ta’ l-għerf u l-biża’ tal-Mulej, u l-għaxqa tiegħu fil-biża’ tal-Mulej. Ma jiġġudikax skond ma jidher fl-għajnejn, u ma jagħtix sentenza skond ma jisma’, iżda jiġġudika l-imsejknin skond il-ġustizzja, u jagħti sentenza skond is-sewwa lill-fqajrin ta’ l-art.” (Isaija 11:2-4) Dan il-kliem juri li Ġesù kellu jkun Sultan li jaħkem fuq in-nies ta’ l-art b’ġustizzja u mogħdrija. Tixtieq ikollok ħakkiem bħal dan?

8Issa se naraw verità oħra dwar is-Saltna t’Alla: Ġesù m’huwiex se jaħkem waħdu. Se jkun hemm oħrajn isaltnu miegħu. Per eżempju, l-appostlu Pawlu qal lil Timotju: “Jekk nibqgħu nissaportu, se nsaltnu wkoll flimkien.” (2 Timotju 2:12) Iva, Pawlu, Timotju, u wħud leali oħra li ġew magħżulin minn Alla se jaħkmu flimkien ma’ Ġesù fis-Saltna tas-sema. Kemm huma dawk li se jkollhom dan il-privileġġ?

9Bħalma rajna f’Kapitlu 7 ta’ dan il-ktieb, l-appostlu Ġwanni ngħata viżjoni li fiha ra “l-Ħaruf [Ġesù Kristu] wieqaf fuq il-Muntanja Sijon [il-kariga rjali tiegħu fis-sema], u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.” Min huma dawn il-144,000? Ġwanni nnifsu jgħidilna: “Dawn huma dawk li jibqgħu mexjin wara l-Ħaruf kulfejn imur. Dawn inxtraw minn fost il-bnedmin bħala l-ewwel frott għal Alla u għall-Ħaruf.” (Rivelazzjoni 14:14) Iva, dawn huma segwaċi leali ta’ Ġesù Kristu li ntgħażlu b’mod speċjali biex jaħkmu fis-sema miegħu. Wara li jiġu rxoxtati mill-mewt għall-ħajja fis-sema, huma “se jsaltnu għal fuq l-art” flimkien ma’ Ġesù. (Rivelazzjoni 5:10) Alla ilu jagħżel Kristjani leali sa minn żmien l-appostli sabiex jintlaħaq in-numru sħiħ ta’ 144,000.

10Xi mħabba kbira tidher f’dan l-arranġament biex Ġesù u l-144,000 jaħkmu fuq l-umanità! L-ewwel ħaġa, Ġesù jaf x’jiġifieri tkun bniedem u li ssofri. Pawlu qal li Ġesù mhux “wieħed li ma jistax jagħder id-dgħjufijiet tagħna, imma wieħed li ġie mġarrab fl-aspetti kollha bħalna, iżda baqa’ mingħajr dnub.” (Ebrej 4:15; 5:8) Anki dawk li se jsaltnu miegħu sofrew u ssaportew meta kienu bnedmin. Barra minn hekk, huma ssieltu minħabba l-imperfezzjoni u ssaportew kull xorta ta’ mard. Żgur li se jifhmu l-problemi li jħabbtu wiċċhom magħhom il-bnedmin!

X’SE TAGĦMEL IS-SALTNA T’ALLA?

11Meta Ġesù qal li d-dixxipli tiegħu għandhom jitolbu biex tiġi s-Saltna t’Alla, hu qal ukoll li għandhom jitolbu biex ir-rieda t’Alla ssir “kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” Alla jinsab fis-sema, u hemmhekk minn dejjem kien hemm l-anġli leali jagħmlu r-rieda tiegħu. Madankollu, f’Kapitlu 3 ta’ dan il-ktieb tgħallimna li anġlu mill-agħar waqaf jagħmel ir-rieda t’Alla u ġiegħel lil Adam u Eva jidinbu. F’kapitlu 10, se nitgħallmu iktar x’tgħallem il-Bibbja dwar dak l-anġlu mill-agħar, li aħna nafuh bħala Satana x-Xitan. Satana u l-ħlejjaq spirti anġeliċi li għażlu li jmorru warajh—imsejħin demonji—tħallew joqogħdu fis-sema għal xi żmien. Għaldaqstant, mhux kulmin kien fis-sema dakinhar kien qed jagħmel ir-rieda t’Alla. Dan kellu jinbidel meta s-Saltna t’Alla kellha tibda l-ħakma tagħha. Is-Sultan Ġesù Kristu, li kien għadu kif ħa t-tron, kellu jiggwerra kontra Satana.—Rivelazzjoni 12:7-9.

12Il-kliem profetiku li ġej jiddeskrivi x’kellu jseħħ: “Smajt leħen għoli fis-sema jgħid: ‘Issa bdew iseħħu s-salvazzjoni u l-qawwa u s-saltna t’Alla tagħna u l-awtorità tal-Kristu tiegħu, għax twaddab għal isfel l-akkużatur ta’ ħutna, dak li lejl u nhar jakkużahom quddiem Alla tagħna!’” (Rivelazzjoni 12:10) Innotajt li hemm żewġ ġrajjiet importanti ħafna deskritti f’dan il-vers mill-Bibbja? L-ewwel, is-Saltna t’Alla f’idejn Ġesù Kristu tibda taħkem. It-tieni, Satana jitkeċċa mis-sema u jintefa’ ’l isfel għal fuq l-art.

13X’kienu r-riżultati ta’ dawn iż-żewġ ġrajjiet? Dwar dak li ġara fis-sema, naqraw: “Għalhekk, ifirħu smewwiet u intom li tgħammru fihom!” (Rivelazzjoni 12:12) Iva, l-anġli leali fis-sema jifirħu għaliex bit-tkeċċija ta’ Satana u d-demonji tiegħu, kulħadd fis-sema hu leali lejn Alla Ġeħova. Hemmhekk hemm paċi u armonija kompluti u dejjiema. Ir-rieda t’Alla qed issir fis-sema.

14Iżda xi ngħidu dwar l-art? Il-Bibbja tgħid: “Gwaj għall-art u għall-baħar, għax ix-Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.” (Rivelazzjoni 12:12) Satana hu rrabjat għaliex tkeċċa mis-sema u baqagħlu biss ftit żmien. Fir-rabja li għandu hu qed jikkaġuna l-inkwiet jew il-“gwaj,” fuq l-art. Se nitgħallmu iktar dwar dan il-“gwaj” fil-kapitlu li jmiss. Imma b’dan kollu f’moħħna nistgħu nistaqsu, Kif tista’ s-Saltna twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art?

15Naħseb li tiftakar x’inhi r-rieda t’Alla għall-art. Dan tgħallimtu f’Kapitlu 3. Fl-Għeden, Alla wera li r-rieda tiegħu għall-art hi li din tkun ġenna mimlija b’razza ta’ bnedmin ġusti li ma jmutux. Satana ġiegħel lil Adam u lil Eva jidinbu, u minħabba f’hekk it-twettiq tar-rieda t’Alla għall-art ħa iktar fit-tul imma ma nbidilx. L-iskop ta’ Ġeħova għadu li “l-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) U s-Saltna t’Alla se twettqu dan. B’liema mod?

It-tkeċċija ta’ Satana u d-demonji tiegħu mis-sema ġabet gwaj għall-art. Dan l-inkwiet dalwaqt se jispiċċa

Stampi ta’ gwerra, kriminalità, u nies li jmutu bil-ġuħ

16Ikkunsidra l-profezija li nsibu f’Danjel 2:44. Hemmhekk naqraw: “Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqa’ wieqfa għal dejjem.” Din il-profezija x’tgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

17L-ewwel, tgħidilna li s-Saltna t’Alla kellha tiġi stabbilita “fi żmien dawn is-slaten,” jew waqt li jkunu għadhom jeżistu saltniet oħra. It-tieni, tgħidilna li s-Saltna kellha tibqa’ għal dejjem. Din la se tintrebaħ u lanqas ma se jkun hemm xi gvern ieħor li jiħdilha postha. It-tielet, naraw li se jkun hemm gwerra bejn is-Saltna t’Alla u s-saltniet ta’ din id-dinja. Is-Saltna t’Alla se toħroġ rebbieħa. Fl-aħħarnett, din se tkun l-uniku gvern fuq l-umanità kollha. Imbagħad il-bnedmin se jgawdu l-aqwa ħakma li qatt kellhom.

18 Il-Bibbja titkellem ħafna dwar il-gwerra finali bejn is-Saltna t’Alla u l-gvernijiet ta’ din id-dinja. Per eżempju, tgħallimna li hekk kif joqrob it-tmiem, l-ispirti ħżiena se jaqilgħu ħafna gideb biex iqarrqu bis-“slaten ta’ l-art abitata kollha.” B’liema skop? “Biex jiġbruhom [lis-slaten] flimkien għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jista’ Kollox.” Is-slaten ta’ l-art se jinġabru flimkien fil-“post li bl-Ebrajk jissejjaħ Ħar-Magedon.” (Rivelazzjoni 16:1416) Minħabba dak li hemm miktub f’dawn iż-żewġ versi, il-ġlieda finali bejn il-gvernijiet umani u s-Saltna t’Alla tissejjaħ il-gwerra ta’ Ħar-Magedon, jew Armageddon.

19Is-Saltna t’Alla x’se twettaq permezz t’Armageddon? Erġa’ aħseb ftit dwar x’inhi r-rieda t’Alla għall-art. L-iskop t’Alla Ġeħova kien li l-art tkun mimlija b’razza ta’ nies sewwa u perfetti li jaqduh fil-Ġenna ta’ l-art. X’qed iżommu milli jitwettaq issa stess? L-ewwel ħaġa, aħna midinbin, u b’hekk nimirdu u mmutu. Madankollu, f’Kapitlu 5 tgħallimna li Ġesù miet għalina sabiex inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem. X’aktarx li int tiftakar il-kliem li nsibu fl-Evanġelju ta’ Ġwanni: “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu, biex kulmin jeżerċita l-fidi fih ma jinqeridx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem.”—Ġwanni 3:16.

20Problema oħra hi li ħafna nies jagħmlu affarijiet ħżiena. Jigdbu, iqarrqu, u jagħmlu l-immoralità. Ma jridux jagħmlu r-rieda t’Alla. Nies li jagħmlu affarijiet ħżiena se jinqerdu matul il-gwerra t’Alla f’Armageddon. (Salm 37:10) Jerġa’ raġuni oħra għala r-rieda t’Alla mhix qed issir fuq l-art hi li l-gvernijiet ma jinkuraġġux lin-nies biex jagħmluha. Ħafna gvernijiet huma dgħajfa, kefrin, jew korrotti. Il-Bibbja tgħid ċar u tond: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.”—Koħèlet 8:9.

21Wara Armageddon, il-bnedmin se jkunu taħt gvern wieħed biss, is-Saltna t’Alla. Din is-Saltna se tagħmel ir-rieda t’Alla u se ġġib barkiet ta’ l-għaġeb. Per eżempju, se tneħħi min-nofs lil Satana u d-demonji tiegħu. (Rivelazzjoni 20:1-3) Il-qawwa tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù se tiġi applikata sabiex bnedmin leali ma jibqgħux jimirdu u jmutu iktar. Minflok, taħt il-ħakma tas-Saltna huma se jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. (Rivelazzjoni 22:1-3) L-art se ssir ġenna. B’hekk, is-Saltna se twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art u se tqaddes l-isem t’Alla. Dan xi jfisser? Ifisser li fl-aħħar, kulmin ikun qed jgħix taħt is-Saltna t’Alla se jagħti ġieħ lill-isem ta’ Ġeħova.

IS-SALTNA T’ALLA META SE TIEĦU AZZJONI?

22Meta Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu, “Ħa tiġi saltnatek,” kien ovvju li s-Saltna kienet għadha ma ġietx dak iż-żmien. Ġiet din meta Ġesù tela’ s-sema? Le, għaliex kemm Pietru u kemm Pawlu qalu li wara l-irxoxt ta’ Ġesù twettqet il-profezija li nsibu f’Salm 110:1, li tgħid: “Il-kelma tal-Mulej lil Sidi: ‘Oqgħod fuq leminti, sa ma nqiegħed l-għedewwa tiegħek mirfes taħt riġlejk.’” (Atti 2:32-34; Ebrej 10:12, 13) Kellu jistenna għal perijodu ta’ żmien.

Taħt il-ħakma tas-Saltna, ir-rieda t’Alla se titwettaq fuq l-art bħalma hi fis-sema

Inżul ix-xemx fuq l-oċean

23Kemm dam jistenna? Matul is-seklu 19, studenti sinċieri tal-Bibbja kkalkulaw li l-perijodu li Ġesù dam jistenna kellu jintemm fl-1914. (Dwar din id-data, ara l-Appendiċi.) Il-ġrajjiet dinjin li bdew fl-1914 jikkonfermaw li l-kalkolu li għamlu dawn l-istudenti sinċieri tal-Bibbja kien korrett. It-twettiq tal-profezija tal-Bibbja juri li fl-1914, Kristu sar Sultan u bdiet il-ħakma tas-Saltna t’Alla fis-sema. Għaldaqstant, aħna qed ngħixu f’dak iż-“żmien qasir” li baqagħlu Satana. (Rivelazzjoni 12:12; Salm 110:2) Nistgħu wkoll ngħidu b’ċertezza li dalwaqt is-Saltna t’Alla se taġixxi biex twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art. Taħseb li din hija aħbar ta’ l-għaġeb? Temmen li hija vera? Il-kapitlu li jmiss se jgħinek tara li l-Bibbja verament tgħallem dawn l-affarijiet.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Is-Saltna t’Alla hija gvern tas-sema b’Ġesù Kristu bħala Sultan, u 144,000 se jittieħdu minn fost il-bnedmin biex isaltnu miegħu.—Rivelazzjoni 14:14.
  • Is-Saltna bdiet taħkem fl-1914, u minn dakinhar ’l hawn Satana ġie mwaddab mis-sema għal fuq l-art.—Rivelazzjoni 12:9.
  • Is-Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-gvernijiet tal-bnedmin, u l-art se ssir ġenna.—Rivelazzjoni 16:1416.

Mistoqsijiet ta’ Studju

1. Liema talba popolari se neżaminaw issa?

2. X’kienu tlieta mill-affarijiet li Ġesù għallem lid-dixxipli tiegħu jitolbu għalihom?

3. X’għandna bżonn inkunu nafu dwar is-Saltna t’Alla?

4. X’inhi s-Saltna t’Alla, u min hu s-Sultan tagħha?

5. Minfejn se taħkem is-Saltna t’Alla, u fuq xiex?

6, 7. Lil Ġesù x’jagħmlu Sultan daqstant ta’ l-għaġeb?

8. Min se jaħkem ma’ Ġesù?

9. Kemm se jkunu dawk li se jaħkmu ma’ Ġesù, u Alla meta beda jagħżilhom?

10. Għala hu arranġament ta’ mħabba li Ġesù u l-144,000 se jaħkmu fuq l-umanità?

11. Ġesù għala qal li d-dixxipli tiegħu għandhom jitolbu biex issir ir-rieda t’Alla fis-sema?

12. Liema żewġ ġrajjiet importanti huma deskritti f’Rivelazzjoni 12:10?

13. X’kien ir-riżultat talli Satana tkeċċa mis-sema?

14. X’ġara minħabba li Satana ġie mwaddab għal fuq l-art?

15. X’inhi r-rieda t’Alla għall-art?

16, 17. Danjel 2:44 x’jgħidilna dwar is-Saltna t’Alla?

18. X’tissejjaħ l-aħħar gwerra bejn is-Saltna t’Alla u l-gvernijiet ta’ din id-dinja?

19, 20. X’qed iżomm ir-rieda t’Alla milli titwettaq issa stess fuq l-art?

21. Is-Saltna kif se twettaq ir-rieda t’Alla fuq l-art?

22. Kif nafu li s-Saltna t’Alla ma ġietx meta Ġesù kien fuq l-art jew preċiż wara li ġie rxoxtat?

23. (a) Is-Saltna t’Alla meta bdiet taħkem? (b) X’se jiġi diskuss fil-kapitlu li jmiss?