Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU ĦMISTAX

Qima Approvata minn Alla

Qima Approvata minn Alla

Ir-reliġjonijiet kollha jogħġbuh lil Alla?

Kif nistgħu nagħrfu r-reliġjon vera?

Min huma l-aduraturi veri t’Alla llum fuq l-art?

ALLA ĠEĦOVA jimpurtah ħafna minna u jrid li aħna nibbenefikaw mill-gwida li hu jagħtina b’tant imħabba. Jekk aħna nqimuh kif jixraq, se nkunu ferħanin u se nevitaw ħafna problemi fil-ħajja. Se jkollna wkoll il-barka u l-għajnuna tiegħu. (Isaija 48:17) Madankollu, hemm mijiet ta’ reliġjonijiet li jsostnu li jgħallmu l-verità dwar Alla. Iżda, hemm differenza enormi fit-tagħlim tagħhom dwar min hu Alla u x’jistenna minna.

2 Kif tista’ tkun taf il-mod xieraq kif tqim lil Ġeħova? M’għandikx għalfejn tistudja u tqabbel it-tagħlim tar-reliġjonijiet kollha. Għandek bżonn biss titgħallem dak li l-Bibbja tgħallem verament dwar il-qima vera. Biex nagħtu eżempju: F’ħafna pajjiżi teżisti l-problema tal-flus foloz. Jekk jitolbuk biex issib dawn il-flus foloz, kif tagħmel? Toqgħod tistudja l-flus foloz kollha? Dażgur li le. Ikun iktar għaqli jekk tistudja bir-reqqa l-flus tajbin. Wara li tkun taf sew kif tagħraf il-flus tajbin, int tkun tista’ tinduna liema huma l-flus foloz. Bl-istess mod, meta nitgħallmu kif nagħrfu r-reliġjon vera, nistgħu nindunaw liema huma r-reliġjonijiet foloz.

3Huwa importanti li nqimu lil Ġeħova bil-mod li hu japprova. Ħafna nies jemmnu li r-reliġjonijiet kollha jogħġbu lil Alla, imma l-Bibbja ma tgħallimx hekk. M’huwiex biżżejjed li wieħed sempliċement jgħid li hu Kristjan. Ġesù qal: “Mhux kulmin jgħidli, ‘Mulej, Mulej,’ jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet.” Għalhekk, biex ikollna l-approvazzjoni t’Alla, aħna rridu nitgħallmu dak li Alla jitlob minna u nagħmluh. Ġesù sejjaħ lil dawk li ma jagħmlux ir-rieda t’Alla “intom li tiksru l-liġi.” (Mattew 7:21-23) Bħall-flus foloz, ir-reliġjon falza m’għandha ebda valur veru. Agħar minn hekk, reliġjon bħal din fil-fatt tagħmel il-ħsara.

4Ġeħova jagħti lil kulħadd fuq l-art l-opportunità biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem. Iżda, biex ikollna ħajja ta’ dejjem f’Ġenna ta’ l-art, irridu nqimu lil Alla kif jixraq u ngħixu issa b’mod li hu jaċċetta. Diżgrazzjatament, ħafna jirrifjutaw li jagħmlu dan. Ġesù għalhekk qal: “Idħlu mill-bieb id-dejjaq; għax wiesgħa u spazjuża hi t-triq li tieħu għall-qerda, u ħafna jgħaddu minnha; filwaqt li dejjaq hu l-bieb u mħarbta hi t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma dawk li jsibuha.” (Mattew 7:13, 14) Ir-reliġjon vera twassal għall-ħajja ta’ dejjem. Ir-reliġjon falza twassal għall-qerda. Ġeħova ma jridx li xi ħadd jinqered, u għalhekk qed jagħti l-opportunità lin-nies kullimkien biex jitgħallmu dwaru. (2 Pietru 3:9) Tabilħaqq, mela, il-mod kif inqimu lil Alla jfisser jew ħajja jew mewt għalina.

KIF NAGĦRFU R-RELIĠJON VERA

5‘It-triq tal-ħajja’ kif nistgħu nsibuha? Ġesù qal li r-reliġjon vera kienet se tidher fil-ħajja tan-nies li jipprattikawha. “Mill-frott tagħhom tagħrfuhom,” hu qal. “Kull siġra tajba tagħmel frott tajjeb.” (Mattew 7:16, 17) Fi kliem ieħor, dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera kienu se jintgħarfu mit-twemmin u mill-kondotta tagħhom. Għalkemm m’humiex perfetti u jiżbaljaw, l-aduraturi veri bħala grupp ifittxu li jagħmlu r-rieda t’Alla. Ejja nikkunsidraw sitt fatturi li jgħinuk tagħraf lil dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera.

DAWK LI JQIMU LILL-ALLA VERU

  • jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq il-Bibbja
  • iqimu biss lil Ġeħova u jxandru ismu
  • juru mħabba ġenwina lejn xulxin
  • jaċċettaw lil Ġesù bħala l-mezz tas-salvazzjoni li pprovda Alla
  • m’huma ebda parti mid-dinja
  • jippridkaw li s-Saltna t’Alla hi l-unika tama għall-bnedmin
Nies ta’ razez differenti li jqimu lil Alla

6Il-qaddejja t’Alla jibbażaw it-tagħlim tagħhom fuq il-Bibbja. Il-Bibbja nfisha tgħid: “L-Iskrittura kollha hi mnebbħa minn Alla u tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi, tiddixxiplina fis-sewwa, sabiex il-bniedem t’Alla jkun kapaċi għalkollox, armat bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.” (2 Timotju 3:16, 17) Lill-Kristjani sħabu, l-appostlu Pawlu kitbilhom: “Meta rċivejtu l-kelma t’Alla, li smajtu mingħandna, ma lqajtuhiex bħala l-kelma tal-bnedmin, imma bħalma hi tassew, bħala l-kelma t’Alla.” (1 Tessalonikin 2:13) Għalhekk, it-twemmin u l-prattiċi tar-reliġjon vera m’humiex ibbażati fuq l-opinjonijiet jew it-tradizzjonijiet tal-bnedmin, imma huma bbażati fuq il-Kelma mnebbħa t’Alla, il-Bibbja.

7Ġesù Kristu tana l-eżempju xieraq billi bbaża t-tagħlim tiegħu fuq il-Kelma t’Alla. F’talba lil Missieru tas-sema, hu qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġwanni 17:17) Ġesù kien jemmen il-Kelma t’Alla, u kulma kien jgħallem kien fi qbil ma’ l-Iskrittura. Ġesù spiss kien jgħid: “Hu miktub.” (Mattew 4:4, 710) Imbagħad kien jikkwota skrittura. Bl-istess mod, in-nies t’Alla llum ma jgħallmux l-ideat tagħhom stess. Huma jemmnu li l-Bibbja hi l-Kelma t’Alla, u jibbażaw it-tagħlim tagħhom b’mod sod fuq dak li tgħid.

8Dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera jqimu biss lil Ġeħova u jxandru ismu. Ġesù ddikjara: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.” (Mattew 4:10) B’hekk, il-qaddejja t’Alla ma jqimu lil ħadd ħlief lil Ġeħova. Din il-qima tinkludi li jmorru jgħidu lin-nies l-isem ta’ l-Alla veru u x’tip ta’ Alla hu. Salm 83:19 (83:18, NW) jistqarr: “Biex jagħrfu li Jaħweh [jew Ġeħova] hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” Ġesù tana l-eżempju kif nistgħu ngħinu lil oħrajn isiru jafu lil Alla, bħalma qal f’talba: “Urejt ismek lill-bnedmin li tajtni mid-dinja.” (Ġwanni 17:6) Bl-istess mod, l-aduraturi veri llum jgħallmu lil oħrajn dwar l-isem t’Alla, l-iskopijiet, u l-kwalitajiet tiegħu.

9In-nies t’Alla juru mħabba ġenwina u mingħajr egoiżmu għal xulxin.Ġesù qal: “B’dan ikun jaf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwanni 13:35) L-ewwel Kristjani kienu juru mħabba bħal din lejn xulxin. L-imħabba li Alla jridna nuru tegħleb l-ostakli razzjali, soċjali, u nazzjonali u tgħaqqad lin-nies flimkien f’rabta li ma tinħallx ta’ fratellanza vera. (Kolossin 3:14) Il-membri tar-reliġjonijiet foloz m’għandhomx din il-fratellanza mibnija fuq l-imħabba. Dan kif nafuh? Huma joqtlu lil xulxin minħabba differenzi nazzjonalistiċi jew etniċi. Il-Kristjani veri ma jaqbdux l-armi biex joqtlu lil ħuthom Kristjani jew lil xi ħaddieħor. Il-Bibbja tistqarr: “Ulied Alla u wlied ix-Xitan jidhru ċar minn dan il-fatt: Kulmin ma jipprattikax il-ġustizzja ma joriġinax minn Alla, lanqas min ma jħobbx lil ħuh.…Għandna nħobbu lil xulxin; mhux bħal Kajjin, li oriġina mill-Ħażin u qatel lil ħuh.”—1 Ġwanni 3:10-12; 4:20, 21.

10M’għandniex xi ngħidu, l-imħabba ġenwina ma tfissirx biss li ma noqtlux lil oħrajn. Il-Kristjani veri jużaw bla egoiżmu l-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħhom biex jgħinu u jinkuraġġixxu lil xulxin. (Ebrej 10:24, 25) Huma jgħinu lil xulxin fi żmien ta’ niket, u jġibu ruħhom bl-onestà m’oħrajn. Fil-fatt, huma japplikaw f’ħajjithom il-parir tal-Bibbja biex ‘jagħmlu t-tajjeb ma’ kulħadd.’—Galatin 6:10.

11Il-Kristjani veri jaċċettaw lil Ġesù Kristu bħala l-mezz tas-salvazzjoni li pprovda Alla. Il-Bibbja tgħid: “F’ħadd iżjed m’hemm salvazzjoni, għax m’hemmx isem ieħor taħt is-sema li ngħata lill-bnedmin u li bih nistgħu niġu salvati.” (Atti 4:12) Bħalma rajna f’Kapitlu 5, Ġesù ta ħajtu bħala fidwa għall-bnedmin ubbidjenti. (Mattew 20:28) Barra minn hekk, Ġesù hu s-Sultan maħtur t’Alla fis-Saltna tas-sema li se taħkem fuq l-art kollha kemm hi. U Alla jitlob minna li nobdu lil Ġesù u napplikaw it-tagħlim tiegħu jekk irridu li jkollna l-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk il-Bibbja tgħid: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem; min ma jobdix lill-Iben ma jarax il-ħajja.”—Ġwanni 3:36.

12L-aduraturi veri m’huma ebda parti mid-dinja. Meta kien għaddej ġuri quddiem il-ħakkiem Ruman Pilatu, Ġesù qal: “Is-saltna tiegħi mhix parti minn din id-dinja.” (Ġwanni 18:36) Jgħixu f’liema pajjiż jgħixu, is-segwaċi veri ta’ Ġesù huma sudditi tas-Saltna tas-sema tiegħu, u b’hekk huma jżommu newtralità stretta fil-kwistjonijiet politiċi ta’ din id-dinja. Huma ma jxaqilbu lejn ebda naħa fil-konflitti tagħha. Madankollu, l-aduraturi ta’ Ġeħova ma jindaħlux jekk xi ħadd jagħżel li jingħaqad ma’ xi partit politiku, joħroġ għall-elezzjoni, jew jivvota. U filwaqt li l-aduraturi veri t’Alla huma newtrali rigward il-politika, huma jobdu l-liġijiet. Għala? Għaliex il-Kelma t’Alla tikkmandahom biex ‘ikunu sottomessi lejn l-awtoritajiet superjuri’ governattivi. (Rumani 13:1) Meta jkun hemm konflitt bejn dak li Alla jitlob minnhom u dak li titlob minnhom is-sistema politika, l-aduraturi veri jsegwu l-eżempju ta’ l-appostli li qalu: “Jeħtieġ li aħna nobdu lil Alla bħala ħakkiem iktar milli lill-bnedmin.”—Atti 5:29; Marku 12:17.

13Is-segwaċi veri ta’ Ġesù jippridkaw li s-Saltna t’Alla hija l-unika tama għall-bnedmin. Ġesù bassar: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Minflok ma jinkuraġġixxu lin-nies biex jistrieħu fuq il-mexxejja umani għas-soluzzjoni tal-problemi tagħhom, is-segwaċi veri ta’ Ġesù Kristu jxandru li s-Saltna t’Alla tas-sema hi l-unika tama għall-bnedmin. (Salm 146:3) Ġesù għallimna nitolbu għal dak il-gvern perfett meta qal: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Il-Kelma t’Alla bassret li din s-Saltna tas-sema se “tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [li jeżistu issa], waqt li hi tibqa’ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.

14Fuq il-bażi ta’ dak li għadna kif ikkunsidrajna, staqsi lilek innifsek: ‘Liema grupp reliġjuż jibbaża t-tagħlim kollu tiegħu fuq il-Bibbja u jxandar l-isem ta’ Ġeħova? Liema grupp juri l-imħabba bil-mod li jogħġob ’l Alla, jeżerċita l-fidi f’Ġesù, m’hu ebda parti mid-dinja, u jxandar li s-Saltna t’Alla hija l-unika tama vera għall-bnedmin? Mill-gruppi reliġjużi kollha fid-dinja, liema grupp iwettaq dawn il-ħtiġijiet kollha?’ Il-fatti juru ċar li huma x-Xhieda ta’ Ġeħova li qed iwettqu dan.—Isaija 43:10-12.

Billi taqdi lil Ġeħova mal-poplu tiegħu, int se tikseb ferm iktar milli qatt tista’ titlef

Nies ta’ razez differenti li huma ħbieb

INT X’SE TAGĦMEL?

15M’huwiex biżżejjed li sempliċement temmen f’Alla biex togħġbu. Wara kollox, il-Bibbja tgħid li anki d-demonji jemmnu li Alla jeżisti. (Ġakbu 2:19) Iżda, huwa ovvju li dawn mhux qed jagħmlu r-rieda t’Alla u m’għandhomx l-approvazzjoni tiegħu. Biex inkunu approvati minn Alla, ma rridux biss nemmnu li hu jeżisti imma rridu wkoll nagħmlu r-rieda tiegħu. Barra minn hekk, irridu ninqatgħu mir-reliġjon falza u nħaddnu l-qima vera.

16L-appostlu Pawlu wera li m’għandniex nieħdu sehem fil-qima falza. Hu kiteb: “‘Oħorġu minn ġo nofshom, u infirdu minn magħhom,’ jgħid Ġeħova, ‘u tibqgħux tmissu dak li mhux nadif’; ‘u jien nilqagħkom.’” (2 Korintin 6:17; Isaija 52:11) Il-Kristjani veri għalhekk jevitaw kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam mal-qima falza.

17Il-Bibbja turi li l-forom kollha tar-reliġjon falza huma parti minn “Babilonja l-Kbira.”* (Rivelazzjoni 17:5) Dan l-isem ifakkarna fil-belt antika ta’ Babilonja, minfejn bdiet ir-reliġjon falza wara d-Dilluvju ta’ żmien Noè. Ħafna mit-tagħlim u l-prattiċi li huma komuni llum fir-reliġjon falza oriġinaw żmien twil ilu f’Babilonja. Per eżempju, il-Babiloniżi kienu jqimu trinitajiet, jew gruppi ta’ tliet allat. Illum, id-duttrina ċentrali ta’ ħafna reliġjonijiet hija t-Trinità. Imma l-Bibbja tgħallem b’mod ċar li hemm biss Alla veru wieħed, Ġeħova, u li Ġesù Kristu hu Ibnu. (Ġwanni 17:3) Il-Babiloniżi kienu jemmnu wkoll li l-bnedmin għandhom ruħ immortali li tibqa’ ħajja wara l-mewt u li tista’ tbati f’post ta’ turment. Illum, it-twemmin fir-ruħ jew spirtu immortali li jista’ jbati fin-nar ta’ l-infern jiġi mgħallem fil-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet.

18Ladarba l-qima ta’ Babilonja tal-qedem infirxet ma’ l-art kollha, Babilonja l-Kbira ta’ żmienna tista’ bix-xieraq tiġi identifikata bħala l-imperu dinji ta’ reliġjon falza. U Alla bassar li l-qerda ta’ dan l-imperu ta’ reliġjon falza se tiġi ħabta u sabta. (Rivelazzjoni 18:8) Qed tinduna għala huwa vitali li int tinqata’ minn kull parti ta’ Babilonja l-Kbira? Alla Ġeħova jridek ‘toħroġ minnha’ malajr waqt li għad baqa’ ż-żmien.—Rivelazzjoni 18:4.

19Minħabba d-deċiżjoni tiegħek biex ma tibqax tipprattika r-reliġjon falza, xi wħud għandhom mnejn iwarrbuk. Madankollu, billi taqdi lil Ġeħova mal-poplu tiegħu, int se tikseb ferm iktar milli qatt tista’ titlef. Bħall-ewwel dixxipli ta’ Ġesù li ħallew affarijiet oħra biex isegwuh, int maż-żmien se tikseb ħafna aħwa rġiel u nisa. Se ssir parti minn familja kbira ta’ Kristjani veri madwar id-dinja, li juruk imħabba ġenwina. U se jkollok it-tama ta’ l-għaġeb ta’ ħajja ta’ dejjem “fis-sistema li ġejja.” (Marku 10:28-30) Forsi maż-żmien, dawk li jkunu warrbuk minħabba t-twemmin tiegħek jaraw x’tgħallem il-Bibbja u jsiru aduraturi ta’ Ġeħova.

20Il-Bibbja tgħallem li Alla dalwaqt se jġib it-tmiem fuq din is-sistema mill-agħar u minflokha se jagħmel dinja ġdida mimlija ġustizzja taħt il-ħakma tas-Saltna tiegħu. (2 Pietru 3:913) X’dinja meraviljuża se tkun din! U f’din is-sistema ġdida mimlija ġustizzja, se jkun hemm reliġjon waħda biss, u forma waħda vera ta’ qima. Ma jkunx għaqli li int tieħu l-passi meħtieġa biex tissieħeb ma’ l-aduraturi veri issa stess?

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Reliġjon vera waħda biss hemm.—Mattew 7:13, 14.
  • Ir-reliġjon vera tintgħaraf mit-tagħlim u l-prattiċi tagħha.—Mattew 7:16, 17.
  • Ix-Xhieda ta’ Ġeħova jipprattikaw il-qima li hi approvata minn Alla.—Isaija 43:10.

*  Għal iktar informazzjoni dwar għala Babilonja l-Kbira tirrappreżenta l-imperu dinji ta’ reliġjon falza, ara l-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. Kif se nibbenefikaw jekk inqimu lil Alla b’mod xieraq?

2. Kif nistgħu nagħrfu liema hu l-mod xieraq kif inqimu lil Ġeħova, u liema eżempju jgħinna nifhmu dan?

3. Skond Ġesù, x’għandna nagħmlu jekk irridu li jkollna l-approvazzjoni t’Alla?

4. Xi jfisser il-kliem ta’ Ġesù dwar iż-żewġ toroq, u kull waħda minnhom fejn twassal?

5. Kif nistgħu nagħrfu lil dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera?

6, 7. Il-qaddejja t’Alla kif iqisuha l-Bibbja, u Ġesù kif tana eżempju f’dan ir-rigward?

8. Il-qima lil Ġeħova x’tinvolvi?

9, 10. Il-Kristjani veri b’liema modi juru mħabba lejn xulxin?

11. Għala hu importanti li naċċettaw lil Ġesù Kristu bħala l-mezz tas-salvazzjoni li pprovda Alla?

12. X’jinvolvi li ma nkunu ebda parti mid-dinja?

13. Is-segwaċi veri ta’ Ġesù kif iqisuha s-Saltna t’Alla, u għalhekk x’jagħmlu?

14. Liema grupp reliġjuż taħseb li qed iwettaq il-ħtiġijiet kollha tal-qima vera?

15. Alla x’jitlob iktar minna minbarra li nemmnu li hu jeżisti?

16. X’għandna nagħmlu jekk qed nieħdu sehem fir-reliġjon falza?

17, 18. X’inhi “Babilonja l-Kbira,” u għala huwa urġenti li ‘toħroġ minnha’?

19. Int x’se tikseb jekk taqdi lil Ġeħova?

20. X’hemm jistenniehom fil-futur lil dawk li jipprattikaw ir-reliġjon vera?