Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU SBATAX

Ersaq Qrib Lejn Alla bit-Talb

Ersaq Qrib Lejn Alla bit-Talb

Għala għandna nitolbu lil Alla?

Xi rridu nagħmlu biex Alla jismagħna?

Alla kif iwieġeb it-talb tagħna?

IMQABBLA ma’ l-univers immens, l-art hija żgħira ħafna. Fil-fatt, għal Ġeħova, “li għamel is-sema u l-art,” il-ġnus ta’ bnedmin huma bħal qatra waħda minn barmil ilma. (Salm 115:15; Isaija 40:15) Madankollu, il-Bibbja tgħid: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu, lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. Jaqtgħalhom xewqithom ’il dawk li jibżgħu minnu, jisma’ l-għajta tagħhom, u jsalvahom.” (Salm 145:18, 19) Immaġina ftit xi jfisser dan! Il-Ħallieq li jista’ kollox hu qribna u jismagħna jekk aħna ‘nsejħulu fis-sewwa.’ Xi privileġġ għandna li nersqu lejn Alla bit-talb!

2 Madankollu, jekk irridu li Ġeħova jisma’ talbna, jeħtieġ li nitolbu bil-mod li hu japprova. Kif nistgħu nagħmlu dan jekk ma nifhmux dak li tgħallem il-Bibbja dwar it-talb? Huwa vitali li aħna nkunu nafu dak li tgħid l-Iskrittura fuq dan is-suġġett, għax it-talb jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova.

GĦALA NITOLBU LIL ĠEĦOVA?

3Raġuni importanti waħda għala għandna nitolbu lil Ġeħova hi li hu stess iħeġġiġna nagħmlu dan. Il-Kelma tiegħu tinkuraġġina: “Tkunu ansjużi fuq xejn, imma f’kollox b’talb u b’suppliki flimkien ma’ radd il-ħajr ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz ta’ Kristu Ġesù.” (Filippin 4:6, 7) Żgur li ma nkunux irridu ninjoraw provvediment ħanin bħal dan li l-Ħakkiem Suprem ta’ l-univers għamel għalina!

Mara titlob

Dak “li għamel is-sema u l-art” lest li jisma’ talbna

4Raġuni oħra għala għandna nitolbu hi li t-talb li nitolbu regolarment lil Ġeħova se jsaħħilna r-relazzjoni tagħna miegħu. Ħbieb veri ma jikkomunikawx biss meta jkollhom bżonn xi ħaġa. Pjuttost, ħbieb veri huma interessati f’xulxin, u l-ħbiberija tagħhom tkompli tissaħħaħ iktar ma jesprimu liberament il-ħsibijiet, it-tħassib, u s-sentimenti tagħhom. F’ċerti aspetti, l-istess nistgħu ngħidu għar-relazzjoni tagħna m’Alla Ġeħova. Bl-għajnuna ta’ dan il-ktieb, int sirt taf ħafna dwar dak li tgħallem il-Bibbja dwar Ġeħova, il-personalità tiegħu, u l-iskopijiet tiegħu. Int sirt tafu bħala persuna vera. It-talb jagħtik l-opportunità li tesprimi l-ħsibijiet u s-sentimenti profondi tiegħek lil Missierek tas-sema. Meta tagħmel hekk, int tersaq eqreb lejn Ġeħova.—Ġakbu 4:8.

LIEMA ĦTIĠIJIET IRRIDU NWETTQU?

5Jisma’ Ġeħova kull xorta ta’ talb? Ikkunsidra dak li qal lill-Iżraelin ribellużi fi żmien il-profeta Isaija: “Ukoll jekk tkattru t-talb, jien ma nismagħkomx, għax idejkom mimlija demm.” (Isaija 1:15) Mela, minħabba ċerti affarijiet li nkunu qed nagħmlu Alla jista’ ma jismax it-talb tagħna. Għaldaqstant, biex Alla jisma’ talbna, aħna rridu nwettqu xi ħtiġijiet bażiċi.

6Ħtieġa essenzjali hi li neżerċitaw fidi. (Marku 11:24) L-appostlu Pawlu kiteb: “Mingħajr fidi impossibbli li togħġbu sew [lil Alla], għax min jersaq lejn Alla jrid jemmen li hu jeżisti u li jippremja lil dawk li jfittxuh bil-ħeġġa.” (Ebrej 11:6) Il-fidi vera hija iktar milli sempliċement tkun taf li Alla jeżisti u li jisma’ u jwieġeb it-talb. L-għemejjel tagħna jagħtu prova tal-fidi tagħna. Irridu nagħtu evidenza ċara li għandna l-fidi bil-mod kif ngħixu ħajjitna kuljum.—Ġakbu 2:26.

7Ġeħova jirrikjedi wkoll li dawk li jersqu lejh bit-talb jagħmlu dan bl-umiltà u s-sinċerità. M’għandniex għalxiex inkunu umli meta nitkellmu ma’ Ġeħova? Meta n-nies ikollhom opportunità jkellmu lil xi sultan jew president, huma ġeneralment jagħmlu dan bir-rispett, billi jirrikonoxxu l-pożizzjoni għolja li jkollu dak il-ħakkiem. Mela, kemm iktar għandna nuru rispett meta nersqu lejn Ġeħova! (Salm 138:6, Saydon) Fil-fatt, hu “Alla li Jista’ Kollox.” (Ġenesi 35:11) Meta nitolbu lil Alla, il-mod kif nersqu lejh għandu juri li aħna bl-umiltà nirrikonoxxu l-pożizzjoni tagħna quddiemu. Umiltà bħal din se tqanqalna wkoll biex nitolbu minn qalbna bis-sinċerità, u nevitaw talb ta’ rutina u ripetut.—Mattew 6:7, 8.

8Ħtieġa oħra biex Alla jisma’ talbna hi li rridu naġixxu fi qbil mat-talb tagħna. Ġeħova jistenna li nagħmlu dak kollu li nistgħu biex naħdmu għal dak li tlabna. Per eżempju, jekk nitolbu, “Agħtina llum ħobżna għal dan il-jum,” irridu naħdmu iebes fi kwalunkwe xogħol li nsibu u li kapaċi nagħmlu. (Mattew 6:11; 2 Tessalonikin 3:10) Jekk nitolbu biex nirbħu xi dgħjufija li jkollna, irridu noqogħdu attenti li nevitaw ċirkustanzi u sitwazzjonijiet li jistgħu jdaħħluna fit-tentazzjoni. (Kolossin 3:5) Barra minn dawn il-ħtiġijiet bażiċi, hemm mistoqsijiet dwar it-talb li għandna bżonn inkunu nafu t-tweġiba għalihom.

INWIEĠBU XI MISTOQSIJIET DWAR IT-TALB

9Lil min għandna nitolbu? Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu lil “Missierna fis-smewwiet.” (Mattew 6:9) Mela, it-talb tagħna għandu jiġi indirizzat biss lil Alla Ġeħova. Madankollu, Ġeħova jitlob li aħna nirrikonoxxu l-pożizzjoni ta’ l-Iben uniġenitu tiegħu, Ġesù Kristu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 5, Ġesù ntbagħat fuq l-art biex jagħti ruħu bħala fidwa ħalli jeħlisna mid-dnub u l-mewt. (Ġwanni 3:16; Rumani 5:12) Hu l-Qassis il-Kbir u Mħallef maħtur. (Ġwanni 5:22; Ebrej 6:20) Għaldaqstant, l-Iskrittura tgħidilna biex noffru t-talb tagħna permezz ta’ Ġesù. Hu stess qal: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Sabiex it-talb tagħna jinstema’, irridu nitolbu biss lil Ġeħova permezz ta’ Ibnu.

10Irridu noqogħdu f’xi pożizzjoni jew qagħda speċjali meta nitolbu? Le. Ġeħova ma jitlobx li noqogħdu f’xi pożizzjoni speċifika jew jgħidilna kif inpoġġu idejna. Il-Bibbja tgħallem li hemm diversi pożizzjonijiet aċċettabbli kif wieħed jista’ jitlob. Dawn jinkludu li noqogħdu bil-qiegħda, rasna baxxuta, għarkopptejna, u bil-wieqfa. (1 Kronaki 17:16; Neħemija 8:6, KŻ; Danjel 6:11 [6:10, NW]; Marku 11:25) L-iktar ħaġa importanti m’hijiex li noqogħdu f’xi pożizzjoni speċjali biex kulħadd jista’ jarana, imma li jkollna attitudni xierqa f’qalbna. Fil-fatt, matul il-ħidma ta’ kuljum jew meta tinqala’ xi emerġenza, aħna nistgħu noffru talba f’qalbna nkunu fejn inkunu. Ġeħova jisma’ dan it-talb avolja dawk ta’ madwarna forsi lanqas biss jindunaw li nkunu qed nitolbu.—Neħemija 2:1-6.

11Għal xiex nistgħu nitolbu? Il-Bibbja tispjega: “Kulma nitolbuh skond ir-rieda tiegħu, hu [Ġeħova] jismagħna.” (1 Ġwanni 5:14) Għalhekk, nistgħu nitolbu għal kull ħaġa li hi fi qbil mar-rieda t’Alla. Hija r-rieda tiegħu li nitolbu dwar affarijiet persunali? Dażgur! Meta nitolbu lil Ġeħova nkunu qisna qed nitkellmu ma’ ħabib tal-qalb. Nistgħu nitkellmu ċar, u ‘niftħu qalbna’ m’Alla. (Salm 62:9 [62:8, NW]) Huwa xieraq li nitolbuh għall-ispirtu qaddis, għaliex dan se jgħinna nagħmlu dak li hu sewwa. (Luqa 11:13) Nistgħu nitolbuh ukoll għall-gwida biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin u għas-saħħa biex inkampaw mad-diffikultajiet. (Ġakbu 1:5) Meta nagħmlu xi dnub, għandna nitolbu l-maħfra fuq il-bażi tas-sagrifiċċju ta’ Kristu. (Efesin 1:37) M’għandniex xi ngħidu, m’għandniex nitolbu biss dwar affarijiet persunali. Fit-talb tagħna għandna ninkludu wkoll lil nies oħrajn—membri tal-familja, kif ukoll aduraturi sħabna.—Atti 12:5; Kolossin 4:12.

Nies jitolbu f’diversi ċirkustanzi

It-talb tiegħek jista’ jkun mismugħ fi kwalunkwe okkażjoni

12L-affarijiet li għandhom x’jaqsmu m’Alla Ġeħova għandna nagħtuhom l-ewwel importanza fit-talb tagħna. Ċertament li għandna għalfejn nesprimu tifħir u radd il-ħajr minn qalbna għat-tjubija kollha tiegħu. (1 Kronaki 29:10-13) Ġesù tana t-talba mudell, imniżżla f’Mattew 6:9-13, li fiha hu għallimna nitolbu biex l-isem t’Alla jiġi mqaddes, jiġifieri, meqjus bħala sagru, jew qaddis. Imbagħad semma biex tiġi s-Saltna t’Alla u biex ir-rieda tiegħu ssir fuq l-art bħalma hi fis-sema. Kien biss wara li semma dawn l-affarijiet importanti li jinvolvu lil Ġeħova li Ġesù ffoka fuq il-bżonnijiet persunali. Meta aħna bl-istess mod nagħtu lil Alla l-iktar post importanti fit-talb tagħna, inkunu qed nuru li m’aħniex interessati biss fil-ġid tagħna nfusna.

13Kemm għandu jkun twil it-talb tagħna? Il-Bibbja ma tagħmel ebda limitu fuq kemm għandu jkun twil it-talb persunali jew dak li jsir pubblikament. Dan jista’ jvarja minn talba qasira ta’ qabel l-ikel għal talba twila li ngħidu fil-privat biex niftħu qalbna ma’ Ġeħova. (1 Samwel 1:1215) Madankollu, Ġesù kkundanna lil dawk l-individwi li riduha ta’ tajbin u li kienu jagħmlu talb twil biex jidhru minn kulħadd. (Luqa 20:46, 47) Talb bħal dan ma jimpressjonahx lil Ġeħova. L-importanti hu li nitolbu minn qalbna. Għalhekk, it-talb li Alla jaċċetta jista’ jkun twil skond il-ħtiġijiet u ċ-ċirkustanzi ta’ dak li jkun.

14Kemm-il darba għandna nitolbu? Il-Bibbja tinkuraġġina biex ‘nitolbu kontinwament,’ biex ‘nipperseveraw fit-talb,’ u biex ‘nitolbu bla waqfien.’ (Mattew 26:41; Rumani 12:12; 1 Tessalonikin 5:17) M’għandniex xi ngħidu, dan ma jfissirx li rridu nitolbu lil Ġeħova kull minuta tal-ġurnata. Pjuttost, il-Bibbja qed tħeġġiġna biex nitolbu regolarment, u rroddu ħajr lil Ġeħova kontinwament għat-tjubija li juri magħna u nduru lejh għall-gwida, il-faraġ, u s-saħħa. M’huwiex ta’ faraġ li nkunu nafu li Ġeħova ma jpoġġi ebda limitu fuq kemm għandu jkun twil it-talb u kemm-il darba għandna nitolbuh? Jekk verament napprezzaw il-privileġġ tat-talb, aħna se nsibu ħafna opportunitajiet biex nitolbu lil Missierna tas-sema.

15Għala għandna ngħidu “Amen” fl-aħħar tat-talba? Il-kelma “amen” tfisser “żgur,” jew “hekk ikun.” Xi eżempji skritturali juru li hu xieraq li tgħid “Amen” wara talb persunali jew li jingħad pubblikament. (1 Kronaki 16:36; Salm 41:14 [41:13, NW]) Meta ngħidu “Amen” fl-aħħar tat-talba tagħna stess, inkunu qed nikkonfermaw li dak li għedna għednieh bis-sinċerità. Meta ngħidu “Amen”—minn taħt l-ilsien jew b’leħen għoli—fl-aħħar ta’ talba li tingħad minn ħaddieħor fil-pubbliku, aħna nuru li qed naqblu mal-ħsibijiet ta’ min ikun qal it-talba.—1 Korintin 14:16.

KIF ALLA JWIEĠEB TALBNA

16Ġeħova tassew iwieġeb it-talb? Dażgur li jwieġbu! Għandna bażi soda għalfejn inkunu fiduċjużi li Dak ‘li jisma’ talbna’ jwieġeb it-talb sinċier li joffru miljuni ta’ nies. (Salm 65:3 [65:2, NW]) Ġeħova jista’ jwieġeb it-talb tagħna b’diversi modi.

17Ġeħova juża l-anġli u l-qaddejja tiegħu fuq l-art biex iwieġeb it-talb. (Ebrej 1:13, 14) Kien hemm ħafna esperjenzi ta’ individwi li talbu lil Alla jagħtihom l-għajnuna ħalli jifhmu l-Bibbja u ftit wara ġew kuntattjati mill-qaddeja ta’ Ġeħova. Esperjenzi bħal dawn juru li l-anġli qegħdin jidderieġu x-xogħol ta’ l-ippridkar tas-Saltna. (Rivelazzjoni 14:6) Biex iwieġeb it-talb tagħna meta nkunu verament fil-bżonn, Ġeħova għandu mnejn iqanqal lil xi Kristjan biex jagħtina l-għajnuna.—Proverbji 12:25; Ġakbu 2:16.

18Alla Ġeħova juża wkoll l-ispirtu qaddis tiegħu u l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, biex iwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu. Hu għandu mnejn iwieġeb it-talb tagħna għall-għajnuna biex inkampaw mal-provi billi jagħtina l-gwida u s-saħħa permezz ta’ l-ispirtu qaddis tiegħu. (2 Korintin 4:7) Spiss it-tweġiba għat-talb tagħna għall-gwida tiġi mill-Bibbja, li permezz tagħha Ġeħova jagħtina l-għajnuna biex nieħdu deċiżjonijiet għaqlin. Skritturi li huma t’għajnuna nistgħu nsibuhom waqt li nkunu qed nagħmlu l-istudju persunali tagħna mill-Bibbja u meta naqraw il-pubblikazzjonijiet Kristjani, bħalma hu dan il-ktieb. Forsi jolqtuna xi punti skritturali li jissemmew f’xi laqgħa Kristjana jew fil-kummenti ta’ xi anzjan fil-kongregazzjoni li jixtiqilna l-ġid.—Galatin 6:1.

Koppja tgħin lil ħabib anzjan

Bi tweġiba għat-talb tagħna, Ġeħova jista’ jqanqal lil xi Kristjan biex jgħinna

19Jekk naħsbu li Ġeħova qed idum biex iwieġeb it-talb tagħna, dan qatt ma jkun għaliex ma jistax iwieġbu. Minflok, irridu niftakru li Ġeħova jwieġeb it-talb skond ir-rieda tiegħu u fil-waqt tiegħu. Hu jaf il-bżonnijiet tagħna u kif jieħu ħsiebhom iktar milli nafu aħna. Spiss hu jħallina ‘nibqgħu nitolbu, infittxu, u nħabbtu.’ (Luqa 11:5-10) Perseveranza bħal din turi lil Alla li x-xewqa tagħna hija kbira ħafna u li l-fidi tagħna hija ġenwina. Barra minn hekk, Ġeħova jista’ jwieġeb it-talb tagħna b’mod li ma jkunx daqshekk ovvju għalina. Per eżempju, hu jista’ jwieġeb it-talba tagħna rigward xi prova partikulari, mhux billi jneħħi l-problema, imma billi jagħtina s-saħħa biex nissaportuha.—Filippin 4:13.

20Kemm għandna għalxiex inkunu grati li l-Ħallieq ta’ dan l-univers immens hu qrib dawk kollha li jsejħulu kif jixraq bit-talb! (Salm 145:18) Jalla nieħdu vantaġġ sħiħ mill-privileġġ prezzjuż tat-talb. Jekk nagħmlu hekk, se jkollna l-prospett hieni li nersqu dejjem eqreb lejn Ġeħova, Dak li jisma’ talbna.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Il-fatt li nitolbu regolarment lil Ġeħova jgħinna nersqu eqreb lejh.—Ġakbu 4:8.
  • Biex Alla jisma’ talbna, aħna rridu nitolbu bil-fidi, bl-umiltà, u bis-sinċerità.—Marku 11:24.
  • Irridu nitolbu biss lil Ġeħova permezz ta’ Ibnu.—Mattew 6:9; Ġwanni 14:6.
  • Ġeħova, Dak ‘li jisma’ talbna,’ juża l-anġli tiegħu, il-qaddejja tiegħu fuq l-art, l-ispirtu qaddis tiegħu, u l-Kelma tiegħu biex iwieġeb it-talb.—Salm 65:2 (65:3, NW).

Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. It-talb għala għandna nqisuh bħala privileġġ kbir, u għala għandna bżonn inkunu nafu x’tgħallem il-Bibbja dwaru?

3. X’inhi raġuni importanti waħda għala għandna nitolbu lil Ġeħova?

4. It-talb regulari lil Ġeħova kif isaħħaħ ir-relazzjoni tagħna miegħu?

5. X’juri li Ġeħova ma jismax it-talb kollu?

6. Sabiex Alla jisma’ talbna, liema ħtieġa essenzjali hemm, u kif nistgħu nwettquha?

7. (a) Għala għandna nuru rispett meta nitolbu lil Ġeħova? (b) Meta nitolbu lil Alla, kif nistgħu nuru l-umiltà u s-sinċerità?

8. Kif nistgħu naġixxu fi qbil ma’ dak li nitolbu għalih?

9. Lil min għandna nitolbu, u permezz ta’ min?

10. Għala m’hemmx għalfejn noqogħdu f’xi pożizzjoni jew qagħda speċifika biex nitolbu?

11. X’inhuma xi ftit mill-affarijiet persunali li nistgħu nitolbu dwarhom?

12. L-affarijiet li jinvolvu lil Missierna tas-sema kif nistgħu nagħtuhom l-ewwel importanza fit-talb tagħna?

13. L-Iskrittura x’tgħid dwar kemm għandu jkun twil it-talb li Alla jaċċetta?

14. Il-Bibbja xi trid tfisser meta tinkuraġġina biex ‘nitolbu kontinwament,’ u dan għala hu ta’ faraġ għalina?

15. Għala għandna ngħidu “Amen” fl-aħħar tat-talb persunali jew li jingħad pubblikament?

16. X’fiduċja jista’ jkollna rigward it-talb?

17. Għala jista’ jingħad li Alla juża l-anġli u l-qaddejja tiegħu fuq l-art biex iwieġeb talbna?

18. Ġeħova kif juża l-ispirtu qaddis tiegħu u l-Kelma tiegħu biex iwieġeb it-talb tal-qaddejja tiegħu?

19. X’għandna nżommu f’moħħna jekk jidher li t-talb tagħna xi drabi ma jiġix imwieġeb?

20. Għala għandna nieħdu vantaġġ sħiħ mill-privileġġ prezzjuż tat-talb?