Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

X’Inhuma Xeol u Ħades?

X’Inhuma Xeol u Ħades?

FIL-LINGWI oriġinali tagħha, il-Bibbja tuża l-kelma Ebrajka xeol u l-kelma Griega ekwivalenti għaliha ħajdes iktar minn 70 darba. Iż-żewġ kelmiet għandhom x’jaqsmu mal-mewt. Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja jittraduċu dan il-kliem bħala “qabar,” “infern,” jew “Art l-Imwiet.” Madankollu, fil-maġġuranza tal-lingwi m’hemm ebda kelma li twassal is-sens preċiż ta’ dawn it-termini bl-Ebrajk u bil-Grieg. Għalhekk, in-New World Translation tuża t-termini “Xeol” u “Ħades.” Dawn it-termini xi jfissru tassew? Ejja naraw kif jintużaw f’siltiet differenti fil-Bibbja.

Koħèlet 9:10 jgħid: “Ma jkunx hemm ħidma jew ħsieb, xjenza jew għerf, f’Art l-Imwiet [“Xeol,” NW] fejn inti sejjer.” Ifisser dan li Xeol jirreferi għal xi post speċifiku, jew individwali, fejn stajna dfinna lil xi ħadd mill-maħbubin tagħna? Le. Meta l-Bibbja tirreferi għal xi post tad-dfin, jew qabar, normalment tuża kliem Ebrajk jew Grieg ieħor, mhux xeol u ħajdes. Barra minn hekk, il-Bibbja ma tużax il-kelma “Xeol” għal qabar li fih hemm diversi individwi midfuna flimkien, bħal xi qabar tal-familja jew qabar għal ħafna nies f’daqqa.—Ġenesi 49:30, 31.

Allura għal liema tip ta’ post qed jirreferi “Xeol”? Il-Kelma t’Alla tindika li “Xeol,” jew “Ħades,” jirreferi għal xi ħaġa li hija ħafna iktar minn xi qabar kbir għal ħafna nies f’daqqa. Per eżempju, f’Isaija 5:14 hemm miktub li Xeol ‘iwessa’ griżmejh u jiftaħ ħalq daqsiex.’ Għalkemm Xeol diġà bela’, biex ngħidu hekk, għadd bla tarf ta’ nies mejta, xorta jidher li jibqa’ bil-ġuħ. (Proverbji 30:15, 16) Kuntrarju għal xi post letterali tad-dfin, li jista’ jżomm fih għadd limitat ta’ mejtin, “Xeol…ma jixba’ qatt.” (Ħabakkuk 2:5) Xeol qatt ma jimtela. M’għandux limiti. Għalhekk, Xeol, jew Ħades, m’huwiex xi mkien letterali f’xi post speċifiku. Minflok, huwa l-qabar komuni tal-bnedmin kollha li jmutu, il-post figurattiv fejn il-maġġuranza tal-bnedmin jinsabu reqdin fil-mewt.

It-tagħlim tal-Bibbja dwar l-irxoxt jgħinna niksbu iktar dehen dwar it-tifsir ta’ “Xeol” u “Ħades.” Il-Kelma t’Alla tassoċja lil Xeol u Ħades mat-tip ta’ mewt li minnha jkun hemm irxoxt.* (Ħosegħa 13:14; Atti 2:31; Rivelazzjoni 20:13) Il-Kelma t’Alla turi wkoll li dawk li jinsabu f’Xeol, jew Ħades, jinkludu mhux dawk biss li qdew lil Ġeħova imma wkoll lil ħafna li ma qdewhx. (Ġenesi 37:35, NW; Salm 55:15, NW) Għalhekk, il-Bibbja tgħallem li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm ta’ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15.


*  B’kuntrast, il-mejtin li mhux se jiġu mqajmin m’humiex deskritti li huma f’Xeol, jew Ħades, imma “f’Geħenna.” (Mattew 5:30; 10:28; 23:33) Bħal Xeol u Ħades, Geħenna m’huwiex xi post letterali.

← Ara r-referenza tal-kapitlu