Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU TLIETA

X’Inhu l-Iskop t’Alla għall-Art?

X’Inhu l-Iskop t’Alla għall-Art?

X’inhu l-iskop t’Alla għall-bniedem?

Alla kif ġie sfidat?

Kif se tkun il-ħajja fuq l-art fil-futur?

L-ISKOP t’Alla għall-art hu tassew ta’ l-għaġeb. Ġeħova jrid li l-art tkun mimlija b’nies f’saħħithom u ferħanin. Il-Bibbja tgħid li “Alla ħawwel ġnien fl-Għeden” u li “nibbet…is-siġar kollha li jpaxxu l-għajn u bnina għall-ikel.” Wara li Alla ħalaq lill-ewwel raġel u mara, Adam u Eva, Hu poġġiehom f’dak il-ġnien sabiħ li kellu jkun id-dar tagħhom, imbagħad qalilhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art, u aħkmuha.” (Ġenesi 1:28; 2:8, 915) Mela l-iskop t’Alla kien li l-bnedmin ikollhom it-tfal, ikomplu jkabbru dik il-ġenna sa truf l-art, u jieħdu ħsieb l-annimali.

2 Taħseb li qatt se jitwettaq l-iskop t’Alla Ġeħova li n-nies jgħixu f’ġenna ta’ l-art? “Hekk tkellimt,” jiddikjara Alla, “u nagħmel hekk.” (Isaija 46:9-11; 55:11) Iva, kulma Alla għandu skop li jwettaq, ċertament li se jwettqu! Hu jgħid li l-art “ma ħalaqhiex għall-baħħ” imma “sawwarha biex jgħammru fiha.” (Isaija 45:18) Alla liema tip ta’ nies ried li jgħixu fuq l-art? U għal kemm żmien riedhom jgħixu fuqha? Il-Bibbja twieġeb: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Korsiv tagħna; Salm 37:29; Rivelazzjoni 21:3, 4.

3Ovvjament, dan għadu ma twettaqx. Bħalissa, in-nies jimirdu u jmutu; saħansitra jiġġieldu u joqtlu lil xulxin. Xi ħaġa marret ħażin. Iżda, żgur li l-iskop t’Alla ma kienx li l-art tkun kif qed narawha llum! X’ġara? L-iskop t’Alla għala ma twettaqx? L-ebda ktieb ta’ l-istorja miktub min-nies ma jista’ jgħidilna minħabba l-fatt li l-inkwiet beda fis-sema.

IL-BIDU TA’ GĦADU

4L-ewwel ktieb tal-Bibbja jgħidilna dwar avversarju t’Alla li tfaċċa fil-ġnien ta’ l-Għeden. Hu deskritt bħala “s-serp,” però dan ma kienx sempliċi annimal. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jidentifikah bħala “dak li hu msejjaħ Xitan u Satana, li qed iqarraq bl-art abitata kollha.” Hu jissejjaħ ukoll “is-serp oriġinali.” (Ġenesi 3:1; Rivelazzjoni 12:9) Dan l-anġlu, jew spirtu inviżibbli, setgħan uża serp biex ikellem lil Eva, saħansitra bħalma bniedem tas-sengħa jista’ jġiegħel lin-nies jemmnu li l-pupu li jkollu f’ħoġru jkun qed jitkellem waħdu. Din il-persuna spirtu bla dubju kienet preżenti meta Alla ħejja l-art għall-bnedmin.—Ġob 38:47.

5Madankollu, ladarba kulma ħalaq Ġeħova hu perfett, min għamlu lil dan ix-“Xitan,” lil “Satana”? Ir-risposta sempliċi hi li wieħed mill-ulied spirti setgħana t’Alla għamel lilu nnifsu Xitan. Dan kif seta’ jagħmel hekk? Kulħadd jaf li anki llum, xi ħadd li darba kien bniedem deċenti u onest jista’ jsir ħalliel. Dan kif jiġri? L-individwu jista’ jħalli xewqa ħażina tiżviluppa f’qalbu. Jekk jibqa’ jaħseb dwarha, dik ix-xewqa ħażina tista’ ssir qawwija ħafna. Imbagħad jekk tiġih l-opportunità, hu għandu mnejn jaġixxi skond ix-xewqa ħażina li tkun ilha tberren f’moħħu.—Ġakbu 1:13-15.

6Hekk ġara fil-każ ta’ Satana x-Xitan. Milli jidher hu sema’ lil Alla jgħid lil Adam u lil Eva biex ikollhom it-tfal u jimlew l-art b’nisilhom. (Ġenesi 1:27, 28) Satana milli jidher ħaseb: ‘Forsi dawn il-bnedmin kollha jistgħu jqimu lili minflok lil Alla!’ Għalhekk, f’qalbu żviluppat xewqa ħażina. Fl-aħħar aġixxa billi qarraq b’Eva u beda jgħidilha l-gideb dwar Alla. (Ġenesi 3:1-5) B’hekk, hu sar “Xitan,” li jfisser “Kalunnjatur.” Fl-istess ħin, hu sar “Satana,” li jfisser “Avversarju.”

7Bil-gideb u l-qerq li uża, Satana x-Xitan ġiegħel lil Adam u lil Eva ma jobdux lil Alla. (Ġenesi 2:17; 3:6) Minħabba f’hekk, huma maż-żmien mietu, eżatt bħalma Alla kien qal li se jiġrilhom jekk ma jobdux. (Ġenesi 3:17-19) Ladarba Adam sar imperfett meta dineb, uliedu kollha wirtu d-dnub mingħandu. (Rumani 5:12) Is-sitwazzjoni nistgħu nxebbhuha ma’ landa tal-kejk. Jekk il-landa jkollha xi daqqa, kif joħroġ kull kejk li jinħema fiha? Kull kejk ikollu daqqa, jew imperfezzjoni fih. Bl-istess mod, kull bniedem wiret “daqqa” ta’ imperfezzjoni minn Adam. Hu għalhekk li l-bnedmin jixjieħu u jmutu.—Rumani 3:23.

8Meta Satana wassal lil Adam u lil Eva biex jidinbu kontra Alla, hu kien fil-fatt qed imexxi ribelljoni. Kien qed jisfida l-mod kif jaħkem Ġeħova. Fil-fatt, Satana kien qed jgħid: ‘Ġeħova hu ħakkiem ħażin. Hu jigdeb u jċaħħad lis-sudditi tiegħu minn affarijiet tajbin. Il-bnedmin m’għandhomx bżonn lil Alla biex jaħkem fuqhom. Jistgħu jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. U se jkunu aħjar taħt il-ħakma tiegħi.’ Alla kif kien se jwieġeb din l-isfida insolenti? Xi wħud jaħsbu li Alla messu sempliċement qatel lir-ribelli. Imma kien dan se jwieġeb l-isfida ta’ Satana? Kien dan se jagħti prova li l-mod kif jaħkem Alla hu tajjeb?

9Is-sens ta’ ġustizzja ta’ Ġeħova hu perfett, u għalhekk dan ma kienx se jħallih joqtol lir-ribelli mill-ewwel. Hu ddeċieda li kien hemm bżonn iż-żmien biex titwieġeb l-isfida ta’ Satana b’mod sodisfaċenti u biex tingħata prova li x-Xitan hu giddieb. Għalhekk, Alla ddeċieda li jippermetti lill-bnedmin jaħkmu lilhom infushom għal xi żmien influwenzati minn Satana. F’kapitlu 11 ta’ dan il-ktieb se niddiskutu għala Ġeħova għamel dan u għala ħalla daqshekk żmien jgħaddi qabel ma ssetilja dawn il-kwistjonijiet. Iżda, issa tajjeb li naħsbu ftit dwar dan: Kellhom raġun Adam u Eva jemmnu lil Satana li qatt ma kien għamlilhom ġid? Kien xieraq li huma jemmnu li Ġeħova, li kien tahom kulma kellhom, hu giddieb kiefer? Kieku int x’kont tagħmel?

10Nagħmlu tajjeb li naħsbu dwar dawn il-mistoqsijiet għaliex kull wieħed minna jiffaċċja l-istess kwistjonijiet illum. Iva, int għandek l-opportunità li tappoġġa lil Ġeħova u tagħti risposta għall-isfida ta’ Satana. Tista’ taċċetta lil Ġeħova bħala l-Ħakkiem tiegħek u tgħin sabiex turi kemm Satana hu giddieb. (Salm 73:28; Proverbji 27:11) B’sogħba, ftit biss fost il-biljuni ta’ nies fid-dinja jagħżlu li jagħmlu hekk. Dan iqajjem mistoqsija importanti, Veru li l-Bibbja tgħallem li Satana qed jaħkem din id-dinja?

MIN QED JAĦKEM DIN ID-DINJA?

Satana kif seta’ joffri s-saltniet kollha tad-dinja lil Ġesù kieku dawn ma kinux taħt idejh?

Ġesù jiċħad it-tentazzjoni ta’ Satana biex jaħkem lid-dinja

11Ġesù qatt ma ddubita li Satana hu l-ħakkiem ta’ din id-dinja. B’mod mirakoluż, Satana darba wera lil Ġesù “s-saltniet kollha tad-dinja u l-glorja tagħhom.” Imbagħad Satana wiegħed lil Ġesù: “Dawn l-affarijiet kollha nagħtihomlok jekk int tinxteħet fl-art u tagħmilli att ta’ qima.” (Mattew 4:8, 9; Luqa 4:5, 6) Aħseb ftit. Kienet din l-offerta tkun tentazzjoni għal Ġesù kieku Satana ma kienx il-ħakkiem ta’ dawn is-saltniet? Ġesù ma ċaħadx li l-gvernijiet kollha tad-dinja kienu f’idejn Satana. Żgur li Ġesù kien jiċħad dan il-kliem kieku Satana ma kienx qed jagħti l-qawwa lil dawn il-gvernijiet.

12M’għandniex xi ngħidu, Ġeħova hu Alla li Jista’ Kollox, il-Ħallieq ta’ l-univers meraviljuż. (Rivelazzjoni 4:11) Madankollu, imkien fil-Bibbja ma nsibu li Alla Ġeħova jew Ġesù Kristu hu l-ħakkiem tad-dinja. Fil-fatt, Ġesù rrefera b’mod speċifiku għal Satana bħala “l-ħakkiem ta’ din id-dinja.” (Ġwanni 12:31; 14:30; 16:11) Il-Bibbja saħansitra tirreferi għal Satana x-Xitan bħala “l-alla ta’ din is-sistema.” (2 Korintin 4:3, 4) Dwar dan l-avversarju, jew Satana, l-appostlu Kristjan Ġwanni kiteb: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.”—1 Ġwanni 5:19.

KIF ID-DINJA TA’ SATANA SE TITNEĦĦA

13Kull sena li tgħaddi, id-dinja qed issir iktar u iktar perikoluża. Ħlief armati jiggwerraw, politikanti diżonesti, mexxejja reliġjużi ipokriti, u kriminali mill-agħar ma fihiex. M’hemmx ċans li d-dinja tista’ titranġa. Il-Bibbja tirrivela li qorob iż-żmien meta Alla se jeqred id-dinja ħażina fil-gwerra tiegħu t’Armageddon. Minflokha se jkun hawn dinja ġdida mimlija ġustizzja.—Rivelazzjoni 16:14-16.

14Alla Ġeħova għażel lil Ġesù Kristu biex ikun Ħakkiem tas-Saltna, jew gvern, Tiegħu tas-sema. Żmien twil ilu, il-Bibbja bassret: “Tweldilna tifel, ngħatalna iben; is-setgħa [jew gvern] tkun fuq spallejh, u jsemmuh…‘Prinċep tas-sliem.’ Kbira tkun setegħtu, u s-sliem bla qjies.” (Isaija 9: 5, 6 [9:6, 7, NW]) Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għal dan il-gvern: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa jkun li trid int, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.” (Mattew 6:10) Bħalma se naraw iktar tard f’dan il-ktieb, is-Saltna t’Alla dalwaqt se tneħħi min-nofs il-gvernijiet kollha ta’ din id-dinja, u hi stess se tiħdilhom posthom. (Danjel 2:44) Imbagħad is-Saltna t’Alla se ġġib ġenna ta’ l-art.

DINJA ĠDIDA QRIB!

15Il-Bibbja taċċertana: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13; Isaija 65:17) Meta l-Bibbja titkellem dwar “l-art,” xi drabi tkun qed tirreferi għan-nies li jgħixu fuqha. (Ġenesi 11:1) Għalhekk, l-“art ġdida” ġusta hija soċjetà ta’ nies li se jkollhom l-approvazzjoni t’Alla.

16Ġesù wiegħed li fid-dinja l-ġdida li ġejja, dawk approvati minn Alla se jirċievu r-rigal ta’ “ħajja ta’ dejjem.” (Marku 10:30) Jekk jogħġbok iftaħ il-Bibbja tiegħek fi Ġwanni 3:16 u 17:3, u aqra x’qal Ġesù li rridu nagħmlu biex nirċievu l-ħajja ta’ dejjem. Issa ikkunsidra mill-Bibbja l-barkiet li se jgawdu dawk li jkun ħaqqhom dan ir-rigal meraviljuż mingħand Alla fil-Ġenna ta’ l-art li ġejja.

17Il-ħażen, il-gwerer, il-kriminalità, u l-vjolenza se jispiċċaw. “Il-ħażin ma jkunx aktar…Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art.” (Salm 37:10, 11) Se jkun hemm il-paċi għaliex Alla se ‘jwaqqaf il-gwerer sa truf l-art.’ (Salm 46:10 [46:9, NW]; Isaija 2:4) Imbagħad “tħaddar f’jiemu l-ġustizzja, u sliem kotran sa ma jintemm il-qamar”—u dan ifisser għal dejjem!—Salm 72:7.

18L-aduraturi ta’ Ġeħova se jgħixu fis-sigurtà. Fi żminijiet Bibliċi, sakemm l-Iżraelin kienu jobdu lil Alla, huma kienu jgħixu b’moħħhom mistrieħ. (Levitiku 25:18, 19) Kemm se nieħdu gost ingawdu l-istess sigurtà fil-Ġenna ta’ l-art!—Isaija 32:18; Mikea 4:4.

19Mhux se jkun hemm nuqqas ta’ ikel. “Ikun kotran il-qamħ fuq l-art,” għanna s-salmista. “Jogħla sal-qċaċet ta’ l-għoljiet.” (Salm 72:16) Alla Ġeħova se jbierek lill-ġusti tiegħu, u ‘l-art se tagħti l-frott tagħha.’—Salm 67:7 (67:6, NW).

Nies minn sfondi etniċi differenti jgawdu l-Ġenna tal-art flimkien

20L-art kollha se ssir ġenna. L-inħawi mħarbtin li ħallew warajhom bnedmin midinbin se jinbidlu u minflokhom se naraw djar ġodda u ġonna sbieħ. (Isaija 65:21-24; Rivelazzjoni 11:18) Iktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar partijiet ta’ l-art se jibqgħu jinbidlu sakemm il-globu kollu jsir sabiħ u produttiv bħall-ġnien ta’ l-Għeden. U Alla qatt ma se jonqos li ‘jiftaħ idu u jaqta’ x-xewqa ta’ kull maħluq.’—Salm 145:16, Karm Żammit.

21Se jkun hemm il-paċi bejn il-bnedmin u l-annimali. L-annimali salvaġġi se jirgħu ma’ l-annimali mansi. Lanqas tifel ċkejken ma jkollu għalfejn jibża’ mill-annimali li llum huma perikolużi.—Isaija 11:6-9; 65:25.

22Il-mard se jisparixxi. Bħala l-Ħakkiem tas-Saltna t’Alla tas-sema, Ġesù se jfejjaq lin-nies fuq skala bil-wisq akbar minn meta kien fuq l-art. (Mattew 9:35; Marku 1:40-42; Ġwanni 5:5-9) Dakinhar “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’”—Isaija 33:24; 35:5, 6.

23L-għeżież mejtin tagħna se jerġgħu jingħataw il-ħajja bil-prospett li qatt ma jmutu iktar. Dawk kollha reqdin fil-mewt li jinsabu fil-memorja t’Alla se jerġgħu jingħataw il-ħajja. Fil-fatt, “se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm ta’ dawk li m’humiex sewwa.”—Atti 24:15; Ġwanni 5:28, 29.

24X’futur meraviljuż hemm jistenna lil dawk li jagħżlu li jitgħallmu dwar il-Ħallieq Grandjuż tagħna, Alla Ġeħova, u li jaqduh! Ġesù kien qed jitkellem dwar din il-Ġenna ta’ l-art li ġejja meta wiegħed lir-raġel ħażin li kien imdendel ħdejh: “Int tkun fil-Ġenna miegħi.” (Luqa 23:43) Huwa vitali li nitgħallmu iktar dwar Ġesù Kristu, li permezz tiegħu se jkunu possibbli dawn il-barkiet kollha.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. X’inhu l-iskop t’Alla għall-art?

2. (a) Kif nafu li l-iskop t’Alla għall-art se jitwettaq? (b) X’tgħid il-Bibbja dwar li l-bnedmin jgħixu għal dejjem?

3. Liema kundizzjonijiet tal-biki jeżistu bħalissa fuq l-art, u b’hekk x’mistoqsijiet iqumu?

4, 5. (a) Min fil-fatt kellem lil Eva permezz ta’ serp? (b) Bniedem li qabel kien deċenti u onest kif jista’ jsir ħalliel?

6. Iben spirtu setgħan t’Alla kif sar Satana x-Xitan?

7. (a) Adam u Eva għala mietu? (b) Għala l-ulied kollha t’Adam jixjieħu u jmutu?

8, 9. (a) Satana milli jidher liema sfida għamel? (b) Alla għala ma qeridhomx mill-ewwel lir-ribelli?

10. Kif tista’ tappoġġa lil Ġeħova u tagħti risposta għall-isfida ta’ Satana?

11, 12. (a) Waħda mit-tentazzjonijiet li kellu Ġesù kif turi li Satana hu l-ħakkiem ta’ din id-dinja? (b) X’hemm iktar li jagħti prova li Satana hu l-ħakkiem ta’ din id-dinja?

13. Għala hemm bżonn ta’ dinja ġdida?

14. Alla lil min għażel biex ikun il-Ħakkiem tas-Saltna Tiegħu, u dan kif kien imbassar?

15. X’inhi l-“art ġdida”?

16. X’rigal imprezzabbli mingħand Alla se jirċievu dawk approvati minnu, u x’għandna nagħmlu aħna biex nirċivuh?

17, 18. Kif nistgħu nkunu ċerti li se jkun hemm il-paċi u s-sigurtà ma’ l-art kollha?

19. Kif nafu li se jkun hawn ikel bl-abbundanza fid-dinja l-ġdida t’Alla?

20. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-art kollha se ssir ġenna?

21. X’juri li se jkun hemm il-paċi bejn il-bnedmin u l-annimali?

22. X’se jiġri mill-mard?

23. L-irxoxt għala se jferrħilna qalbna?

24. Kif tħossok dwar li tgħix f’Ġenna ta’ l-art?