Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU WIEĦED

X’Inhi l-Verità dwar Alla?

X’Inhi l-Verità dwar Alla?

Alla verament jimpurtah minnek?

Alla x’tip ta’ persuna hu? Għandu isem?

Huwa possibbli li tersaq qrib lejn Alla?

QATT innotajt il-mod kif it-tfal jistaqsu l-mistoqsijiet? Ħafna minnhom jibdew jistaqsu l-mistoqsijiet malli jitgħallmu jitkellmu. B’par għajnejn daqsiex u ħerqanin, iħarsu lejk u jistaqsu affarijiet bħal: Is-sema għala hu blu? Il-kwiekeb minn xiex huma magħmulin? L-għasafar min għallimhom jgħannu? Forsi tagħmel mill-aħjar biex tweġibhom, imma mhux dejjem ikun faċli. Anki jekk it-tweġiba li tagħtihom tkun tajba ħafna, huma jerġgħu joħorġulek b’mistoqsija oħra: Għala?

2 Mhux it-tfal biss iħobbu jistaqsu l-mistoqsijiet. Aħna u nikbru nkomplu nistaqsu. Nistaqsu sabiex insibu t-triq, biex niskopru liema perikli jeħtieġ nevitaw, jew biex naqtgħu l-kurżità. Imma ħafna nies mid-dehra ma jibqgħux jistaqsu mistoqsijiet, speċjalment dawk l-iktar importanti. Jew inkella, ma jkomplux ifittxu t-tweġibiet.

Tifla tistaqsi mistoqsija

3Aħseb dwar il-mistoqsija fuq il-qoxra ta’ dan il-ktieb, il-mistoqsijiet li hemm fl-introduzzjoni tiegħu, jew dawk fil-bidu ta’ dan il-kapitlu. Dawn huma xi ftit mill-iktar mistoqsijiet importanti li tista’ tistaqsi. Madankollu, ħafna nies qatgħu qalbhom u ma baqgħux jipprovaw isibu t-tweġibiet. Għala? Tista’ ssibhom fil-Bibbja dawn it-tweġibiet? Xi wħud iħossu li t-tweġibiet li tagħti huma tqal wisq biex tifhimhom. Oħrajn iħossuhom imbarazzati li jistaqsu ċerti mistoqsijiet għax jibżgħu li jaqgħu għaċ-ċajt. U jerġa’ oħrajn jiddeċiedu li mistoqsijiet bħal dawn l-aħjar li jħalluhom għall-mexxejja u l-għalliema reliġjużi. Int kif taħsibha?

4Iktar iva milli le, int jinteressak li ssib it-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti tal-ħajja. Bla dubju, xi drabi forsi tistaqsi: ‘X’inhu l-iskop tal-ħajja? Din il-ħajja biss hemm? Alla x’tip ta’ persuna hu verament?’ Tajjeb li tistaqsi mistoqsijiet bħal dawn, u hu importanti li ma taqtax qalbek sakemm issib tweġibiet sodisfaċenti u ta’ min jafdahom. Lgħalliem famuż, Ġesù Kristu, qal: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom; ibqgħu fittxu, u ssibu; ibqgħu ħabbtu, u jinfetħilkom.”—Mattew 7:7.

5Jekk ‘tibqa’ tfittex’ it-tweġibiet għall-mistoqsijiet importanti, int se ssib li t-tfittxija tiegħek tista’ tkun premjanti ħafna. (Proverbji 2:1-5) Minkejja dak kollu li forsi qalulek in-nies, it-tweġibiet jeżistu, u int tista’ ssibhom—fil-Bibbja. It-tweġibiet m’humiex tqal wisq biex tifhimhom. Iktar minn hekk, iġibu tama u ferħ. U jistgħu jgħinuk tgħix ħajja sodisfaċenti issa stess. L-ewwel, ejja nikkunsidraw mistoqsija li ilha tħawwad lil ħafna nies.

VERU LI ALLA HU BLA QALB U MA JIMPURTAHX MIN-NIES?

6Ħafna nies jaħsbu li t-tweġiba għal din il-mistoqsija hija iva. ‘Kieku Alla jimpurtah minna,’ huma jirraġunaw, ‘ma kinitx id-dinja tkun differenti ħafna milli hi?’ Meta nħarsu madwarna ma narawx ħlief dinja mimlija gwerer, mibegħda, u miżerja. U ta’ bnedmin li aħna, nimirdu, insofru, u naraw lill-għeżież tagħna jmutu. B’hekk, ħafna jgħidu, ‘Kieku Alla jimpurtah minna u mill-problemi tagħna, ma kienx hu jieħu passi biex ma jħallix dawn l-affarijiet jiġru?’

7Agħar minn hekk, kultant l-għalliema reliġjużi stess iwasslu lin-nies biex jaħsbu li Alla hu bla qalb. Dan kif? Meta jkun hemm xi diżgrazzja, huma jgħidu li Alla hekk irid. Fil-fatt, dawn l-għalliema jwaħħlu f’Alla għad-diżgrazzji li jiġru. Hija din il-verità dwar Alla? Il-Bibbja x’tgħallem verament? Ġakbu 1:13 iwieġeb: “Meta jkun qed jiġi mġarrab, ħalli ħadd ma jgħid: ‘Alla qed iġarrabni.’ Għax Alla ma jistax jiġi mġarrab b’affarijiet ħżiena u lanqas ma jġarrab lil ħadd.” Għalhekk, Alla qatt m’hu l-kaġun tad-deni li qed tara fid-dinja madwarek. (Ġob 34:10-12) Veru, hu jippermetti li jiġru affarijiet ħżiena. Imma hemm differenza kbira bejn li tippermetti li tiġri xi ħaġa u li tikkaġunaha.

8Per eżempju, aħseb ftit dwar missier għaqli kollu mħabba, li għandu lil ibnu kbir għadu jgħix id-dar miegħu. Meta dan l-iben jirribella u jiddeċiedi li jitlaq mid-dar, missieru mhux se jżommu. L-iben jaqbad triq ħażina u jispiċċa fl-inkwiet. Huwa l-missier il-kaġun tal-problemi ta’ ibnu? Le. (Luqa 15:11-13) Bl-istess mod, Alla ma waqqafx lill-bnedmin meta dawn għażlu li jaqbdu triq ħażina, però hu m’huwiex il-kaġun tal-problemi li jiġu b’riżultat ta’ dan. Mela, żgur li ma jkunx ġust li twaħħal f’Alla għall-inkwiet kollu tal-bnedmin.

9Alla għandu raġunijiet tajbin għala jippermetti lill-bnedmin jaqbdu triq ħażina. Bħala l-Ħallieq għaref u setgħan tagħna, hu m’għandux għalfejn joqgħod jispjegalna r-raġunijiet għala jagħmel dan. Madankollu, dan jagħmlu sforz l-imħabba li għandu. Int se titgħallem iktar dwar dawn ir-raġunijiet f’Kapitlu 11. Imma serraħ moħħok li Alla m’huwiex responsabbli għall-problemi li qed inħabbtu wiċċna magħhom. Għall-kuntrarju, hu jagħtina l-unika tama għal soluzzjoni!—Isaija 33:2.

10Barra minn hekk, Alla hu qaddis. (Isaija 6:3) Dan ifisser li hu safi u nadif. M’hemm ebda ħjiel ta’ ħażen fih. Għalhekk jista’ jkollna fiduċja sħiħa fih. Dan ma nistgħux ngħiduh għall-bnedmin, li xi drabi jsiru korrotti. Anki l-iktar bniedem onest fl-awtorità spiss ma jkollux is-setgħa li jsewwi l-ħsara li jagħmlu n-nies il-ħżiena. Però Alla jista’ kollox. Hu jista’ jneħħi l-effetti kollha li l-ħażen ħalla fuq il-bnedmin, u hekk se jagħmel. Meta Alla jaġixxi, hu se jagħmel dan b’mod li jtemm il-ħażen għal dejjem!—Salm 37:9-11.

ALLA KIF IĦOSSU DWAR L-INĠUSTIZZJI LI NIFFAĊĊJAW?

11Sadanittant, Alla kif qed iħossu dwar dak li qed jiġri fid-dinja u f’ħajtek? L-ewwelnett, il-Bibbja tgħallem li Alla “jħobb is-sewwa.” (Salm 37:28) Għalhekk, hu jinteressah ħafna dwar x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. Hu jobgħod kull xorta ta’ inġustizzja. Il-Bibbja tgħid li Alla “sewwed qalbu” meta d-dinja fl-imgħoddi mtliet bil-ħażen. (Ġenesi 6:5, 6) Alla ma nbidilx. (Malakija 3:6) Xorta għadu jobgħod jara s-sofferenzi li qed iseħħu fid-dinja kollha. U Alla jobgħod jara lin-nies isofru. “Hu jimpurtah minnkom,” tgħid il-Bibbja.—1 Pietru 5:7.

12Kif nistgħu nkunu żguri li Alla jobgħod jara s-sofferenzi? Ejja naraw iktar provi. Il-Bibbja tgħallem li l-bniedem inħalaq fix-xbieha t’Alla. (Ġenesi 1:26) B’hekk, il-fatt li għandna kwalitajiet tajbin hu prova li Alla għandu kwalitajiet tajbin. Per eżempju, tħoss int meta tara nies innoċenti jbatu? Jekk int tħoss meta tara dawn l-inġustizzji, ibqa’ ċert li Alla jħoss ferm iktar meta jarahom isiru.

13Waħda mill-iktar affarijiet sbieħ li għandhom il-bnedmin hi l-kapaċità li jħobbu. Dan ukoll juri xi ħaġa dwar Alla. Il-Bibbja tgħallem li “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:8) Aħna nħobbu għaliex Alla jħobb. Tqanqlek l-imħabba biex tneħħi s-sofferenzi u l-inġustizzji li tara fid-dinja? Kieku kellek is-setgħa li tneħħihom kont tagħmlu dan? Dażgur li kont! Daqstant ieħor tista’ tkun ċert li Alla se jneħħi s-sofferenzi u l-inġustizzji kollha. Il-wegħdi msemmijin fl-introduzzjoni ta’ dan il-ktieb m’humiex sempliċi ħolm jew tamiet fiergħa. Il-wegħdi t’Alla żgur li se jitwettqu! Iżda sabiex ikollok fidi f’wegħdi bħal dawn, jeħtieġ li tkun taf iktar dwar l-Alla li għamilhom.

ALLA JIXTIEQEK ISSIR TAFU

14Jekk tixtieq li xi ħadd isir jafek, x’taħseb li tagħmel? Mhux tgħidlu x’jismek? Alla għandu isem? Ħafna reliġjonijiet jgħidu li ismu hu “Alla” jew “Mulej,” imma dawn m’humiex ismijiet persunali. Huma biss titli, bħalma “sultan” u “president” huma titli. Il-Bibbja tgħallimna li Alla għandu ħafna titli. “Alla” u “Mulej” huma tnejn minnhom. Madankollu, il-Bibbja tgħallimna wkoll li Alla għandu isem persunali: Ġeħova. Salm 83:19 (83:18, NW) jgħid: “Jaħweh [jew Ġeħova] hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” Jekk fil-Bibbja tiegħek m’hemmx l-isem t’Alla, forsi tkun trid tara x’jgħid l-Appendiċi ta’ dan il-ktieb biex issir taf għala. Il-verità hi li l-isem t’Alla jidher eluf ta’ drabi fil-manuskritti antiki tal-Bibbja. Mela Ġeħova jixtieqek tkun taf ismu u tużah. F’ċertu sens, hu qed juża l-Bibbja biex jintroduċi lilu nnifsu miegħek.

Mara tintroduċi lilha nfisha

Meta tixtieq li xi ħadd isir jafek, ma tgħidlux x’jismek? Alla jirrivelalna ismu fil-Bibbja

15L-isem li Alla ta lilu nnifsu jfisser ħafna. Ismu, Ġeħova, ifisser li Alla jista’ jwettaq kwalunkwe wegħda li jagħmel u kwalunkwe skop li għandu f’moħħu.* L-isem t’Alla huwa uniku fil-veru sens tal-kelma. Hu biss jismu hekk. Ġeħova hu uniku f’ħafna modi. F’liema sens?

16Rajna li Salm 83:19 (83:18, NW) qal dwar Ġeħova: “Int waħdek l-Għoli.” (Korsiv tagħna.) Bl-istess mod, Ġeħova waħdu jissejjaħ ‘Dak li Jista’ Kollox.’ Rivelazzjoni 15:3 jgħid: “Kbar u ta’ l-għaġeb l-għemejjel tiegħek, Alla Ġeħova, li Tista’ Kollox. Ġusti u veri triqatek, Sultan ta’ l-eternità.” It-titlu ‘Jista’ Kollox’ jgħallimna li Ġeħova hu l-iktar esseri setgħan li jeżisti. Il-qawwa tiegħu m’hawnx bħalha; hija suprema. U t-titlu “Sultan ta’ l-eternità” jfakkarna li Ġeħova hu uniku f’sens ieħor. Hu biss eżista minn dejjem. Salm 90:2 jgħid: “Minn dejjem ta’ dejjem int, o Alla.” Ma taħsibx li dan il-ħsieb iqanqal ċertu biża’ u stagħġib fik?

17Ġeħova hu wkoll uniku għax hu biss huwa l-Ħallieq. Rivelazzjoni 4:11 jgħid: “Int jistħoqqlok, Ġeħova, Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għax int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” Kulma tista’ timmaġina—mill-ħlejjaq inviżibbli li hemm fis-sema u l-kwiekeb li jimlew is-sema bil-lejl sal-frott li jikber fuq is-siġar u l-ħut li jgħum fl-ibħra u x-xmajjar—kollox jeżisti għaliex Ġeħova hu l-Ħallieq!

TISTA’ TĦOSSOK QRIB ĠEĦOVA?

18Xi nies iħossuhom xi ftit imbeżżgħin meta jaqraw dwar il-kwalitajiet ta’ Ġeħova li tant iqanqlu biża’ u stagħġib. Jibżgħu li Alla hu għoli wisq għalihom, li qatt ma jistgħu jersqu qrib lejh, jew li saħansitra qatt ma jistgħu jkunu importanti għal Alla kbir bħal dan. Imma hija din l-idea korretta? Il-Bibbja tgħallem preċiż il-kontra. Din tgħid hekk dwar Ġeħova: “Fil-fatt, m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:27) Il-Bibbja saħansitra tħeġġiġna: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.”—Ġakbu 4:8.

Il-Bibbja tgħallimna li Ġeħova hu l-Ħallieq kollu mħabba ta’ l-univers

Il-ħolqien t’Alla

19Kif tista’ tersaq qrib lejn Alla? L-ewwel ħaġa, kompli agħmel dak li qed tagħmel issa—titgħallem dwar Alla. Ġesù qal: “Il-ħajja ta’ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.” (Ġwanni 17:3) Iva, il-Bibbja turi li t-tagħlim dwar Ġeħova u Ġesù jwassal għall-“ħajja ta’ dejjem”! Bħalma diġà ġie notat, “Alla hu mħabba.” (1 Ġwanni 4:16) Ġeħova għandu wkoll ħafna kwalitajiet sbieħ li jolqtuk. Per eżempju, il-Bibbja tgħid li Ġeħova hu “Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà.” (Eżodu 34:6) Hu ‘twajjeb u jaħfer.’ (Salm 86:5) Alla hu paċenzjuż. (2 Pietru 3:9) Hu leali. (Rivelazzjoni 15:4) Hekk kif tkompli taqra l-Bibbja, se tara kif Ġeħova wera li għandu dawn il-kwalitajiet li ssemmew u ħafna oħrajn li tant jolqtuk.

20Veru, lil Alla ma tistax tarah għax hu spirtu inviżibbli. (Ġwanni 1:18; 4:24; 1 Timotju 1:17) Imma, billi titgħallem dwaru permezz tal-paġni tal-Bibbja, tista’ ssir tafu bħala persuna. Bħalma qal is-salmista, int tista’ ‘titgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej.’ (Salm 27:4; Rumani 1:20) Iktar ma titgħallem dwar Ġeħova, iktar se jsir reali għalik, u iktar se jkollok raġun tħobbu u tħossok qrib tiegħu.

Missier u ibnu

L-imħabba li għandu missier li jgħożż lil uliedu tirrifletti l-imħabba akbar li Missierna tas-sema għandu għalina

21Bil-mod il-mod se tibda tifhem għala l-Bibbja tgħallimna biex naħsbu dwar Ġeħova bħala Missierna. (Mattew 6:9) Mhux talli tana l-ħajja imma talli jrid li jkollna l-aqwa ħajja possibbli—sewwa sew bħalma kull missier li jħobb ikun jixtieq għal uliedu. (Salm 36:10 [36:9, NW]) Il-Bibbja tgħallem ukoll li l-bnedmin jistgħu jsiru ħbieb ma’ Ġeħova. (Ġakbu 2:23) Aħseb ftit—int tista’ ssir ħabib tal-Ħallieq ta’ l-univers!

22Hekk kif tkompli titgħallem mill-Bibbja, għandu mnejn ikun hemm xi wħud li b’intenzjoni tajba jibdew iħeġġuk biex ma tkomplix tistudja. Forsi jinkwetaw li int se tbiddel it-twemmin tiegħek. Imma tħalli lil ħadd iwaqqfek milli jkollok l-aqwa ħbiberija li qatt jista’ jkollok.

23M’għandniex xi ngħidu, għall-ewwel se jkun hemm xi affarijiet li ma tkunx tista’ tifhimhom. Forsi tħoss li trid tumilja ruħek biex titlob l-għajnuna, imma żżommx lura minħabba li tħossok imbarazzat. Ġesù qal li huwa tajjeb li tkun umli, bħal tifel żgħir. (Mattew 18:2-4) U bħalma nafu, it-tfal jistaqsu ħafna mistoqsijiet. Alla jridek issir taf it-tweġibiet. Il-Bibbja tfaħħar lil uħud li kienu ħerqana biex jitgħallmu dwar Alla. Huma eżaminaw bir-reqqa l-Iskrittura biex ikunu ċerti li dak li kienu qed jitgħallmu kien il-verità.—Atti 17:11.

24L-aħjar mod biex titgħallem dwar Ġeħova hu billi teżamina l-Bibbja. Din hi differenti minn kwalunkwe ktieb ieħor. B’liema mod? Fil-kapitlu li jmiss se nikkunsidraw dan is-suġġett.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA


*  Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar it-tifsira u l-pronunzja ta’ l-isem t’Alla fl-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Spiss għala hu tajjeb li tistaqsi mistoqsijiet?

3. Ħafna nies għala jieqfu milli jfittxu t-tweġibiet għall-iktar mistoqsijiet importanti?

4, 5. X’inhuma xi ftit mill-iktar mistoqsijiet importanti li nistgħu nistaqsu f’ħajjitna, u għala għandna nfittxu t-tweġibiet għalihom?

6. Ħafna nies għala jaħsbu li Alla ma jimpurtahx mis-sofferenzi li għaddejjin minnhom aħna l-bnedmin?

7. (a) L-għalliema reliġjużi kif wasslu lin-nies biex jaħsbu li Alla hu bla qalb? (b) Il-Bibbja x’tgħallem verament dwar is-sofferenzi li kultant ngħaddu minnhom?

8, 9. (a) Kif tista’ turi d-differenza li hemm bejn li tippermetti li l-ħażen jeżisti u li tikkaġunah? (b) Għala ma nkunux ġusti jekk nikkritikaw id-deċiżjoni t’Alla li jippermetti lill-bnedmin jaqbdu triq ħażina?

10. Għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Alla se jneħħi l-effetti kollha tal-ħażen?

11. (a) Alla kif iħossu dwar l-inġustizzji? (b) Alla kif iħossu meta jarak issofri?

12, 13. (a) Għala għandna kwalitajiet tajbin bħalma hija l-imħabba, u din kif teffettwa l-mod kif inħarsu lejn id-dinja? (b) Għala nistgħu nkunu ċerti li Alla tassew se jagħmel xi ħaġa biex isolvi l-problemi tad-dinja?

14. X’inhu l-isem t’Alla, u għala għandna nużawh?

15. Xi jfisser l-isem Ġeħova?

16, 17. X’nistgħu nitgħallmu dwar Ġeħova minn dawn it-titli li ġejjin: (a) ‘Dak li Jista’ Kollox’? (b) “Sultan ta’ l-eternità”? (ċ) “Ħallieq”?

18. Xi nies għala jħossu li qatt ma jistgħu jersqu qrib lejn Alla, imma l-Bibbja x’tgħallem?

19. (a) Kif nistgħu nibdew nersqu qrib lejn Alla, u b’liema benefiċċju? (b) Liema kwalitajiet t’Alla jolqtuk l-iktar?

20-22. (a) Jista’ l-fatt li ma nistgħux naraw lil Alla jżommna milli nersqu qrib lejh? Spjega. (b) Xi nies b’intenzjoni tajba x’jistgħu jħeġġuk tagħmel, imma int x’għandek tagħmel?

23, 24. (a) Għala għandek tkompli tistaqsi mistoqsijiet dwar dak li qed titgħallem? (b) X’inhu s-suġġett li se jiġi diskuss fil-kapitlu li jmiss?