Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU SEBGĦA

Tama Vera għall-Maħbubin Tiegħek li Mietu

Tama Vera għall-Maħbubin Tiegħek li Mietu

Kif nafu li l-irxoxt se jseħħ żgur?

Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin?

Min se jiġi rxoxtat?

IMMAĠINA li qed taħrab minn għadu vjolenti. Hu b’saħħtu u jiġri ħafna iktar minnek. Taf li hu bla qalb għaliex rajtu joqtol lil xi ħbieb tiegħek. Minkejja li tagħmel ħiltek kollha biex ma tħallihx jilħqek, hu jkompli jersaq dejjem iktar qrib. Jidher li m’hemmx tama. Iżda, fid-daqqa u l-ħin tara maġenbek lil xi ħadd li ġie biex jeħilsek. Hu bil-wisq iktar qawwi mill-għadu tiegħek, u jwiegħdek li jgħinek. Kemm isserraħ moħħok!

2 F’ċertu sens, veru hemm għadu li qiegħed jiġri warajk. Hu qed jiġri warajna lkoll. Kif rajna fil-kapitlu ta’ qabel, il-Bibbja tirreferi għall-mewt bħala għadu. Ħadd ma jista’ jevitah jew jiġġilidlu. Il-biċċa l-kbira minna rajna lil dan l-għadu jieħu l-ħajja ta’ l-għeżież tagħna. Imma Ġeħova hu bil-wisq iktar qawwi mill-mewt. Hu l-Ħellies li jħobbna u li diġà wera li jista’ jirbaħ lil dan l-għadu. Hu jwiegħed li se jeqred lil dan l-għadu, il-mewt, darba għal dejjem. Il-Bibbja tgħallem: “Bħala l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.” (1 Korintin 15:26) Din żgur aħbar tajba!

3Ejja nagħtu ħarsa fuq fuq lejn kif il-mewt, l-għadu tagħna, teffettwana meta tolqotna. Dan se jgħinna napprezzaw xi ħaġa li se tagħmilna ferħanin. Din hi li Ġeħova jwiegħed li l-mejtin se jgħixu mill-ġdid. (Isaija 26:19) Se jerġgħu jingħataw il-ħajja. Din hija t-tama ta’ l-irxoxt.

META JMUT XI ĦADD LI TĦOBB

4Qatt mietlek xi ħadd għażiż? L-uġigħ, in-niket, u l-fatt li tħossok li ma tista’ tagħmel xejn dwar is-sitwazzjoni jġagħluk tħossok mifni għall-aħħar. Fi żminijiet bħal dawn, jeħtieġ li nfittxu l-faraġ fil-Kelma t’Alla. (2 Korintin 1:3, 4) Il-Bibbja tgħinna nifhmu kif Ġeħova u Ġesù jħossuhom dwar il-mewt. Ġesù, li kien jimita perfettament lil Missieru, kien jaf l-uġigħ li tħoss meta jmutlek xi ħadd. (Ġwanni 14:9) Meta kien ikun Ġerusalemm, Ġesù kien imur għand Lazzru u ħutu l-bniet, Marija u Marta, li kienu joqogħdu fil-belt ta’ Betanja, li kienet qrib. Huma saru ħbieb sew. Il-Bibbja tgħid: “Issa Ġesù kien iħobbhom lil Marta u lil oħtha u lil Lazzru.” (Ġwanni 11:5) Iżda, kif tgħallimna fil-kapitlu l-ieħor, Lazzru miet.

5Ġesù kif ħassu meta miet il-ħabib tiegħu? Ir-rakkont jgħidilna li Ġesù mar ħdejn il-qraba u l-ħbieb ta’ Lazzru li kienu qed jibku minħabba t-telfa li sofrew. X’ħin rahom, Ġesù ħass qalbu trid tinqasam. Hu “karab fl-ispirtu tiegħu u tnikket.” Imbagħad ir-rakkont ikompli jgħid, “Ġesù qabiżlu d-dmugħ.” (Ġwanni 11:3335) Il-fatt li Ġesù tnikket kien ifisser li ma kellu ebda tama? Lanqas xejn. Infatti, Ġesù kien jaf li kienet se tiġri xi ħaġa ta’ l-għaġeb. (Ġwanni 11:3, 4) Madankollu, hu xorta ħass l-uġigħ u n-niket li ġġib magħha l-mewt.

6Sa ċertu punt, in-niket ta’ Ġesù hu ta’ inkuraġġiment għalina. Jgħallimna li Ġesù u Missieru, Ġeħova, jobogħduha l-mewt. Imma Alla Ġeħova kapaċi jiġġilidlu u jirbaħlu lil dan l-għadu! Ejja naraw Alla liema setgħa tah lil Ġesù.

“LAZZRU, OĦROĠ!”

7Lazzru kien midfun f’għar, u Ġesù talab biex titneħħa l-ġebla li kienet tagħlaq id-daħla. Marta oġġezzjonat għaliex wara erbat ijiem, ġisem Lazzru żgur li kien beda jitħassar. (Ġwanni 11:39) Mill-ħarsa tal-bniedem x’tama kien hemm?

8Il-ġebla tneħħiet, u Ġesù għajjat b’leħen qawwi: “Lazzru, oħroġ!” X’ġara? “Dak li qabel kien mejjet ħareġ.” (Ġwanni 11:43, 44) Tista’ timmaġina l-ferħ tan-nies li kienu hemmhekk? Issa kienx ħuhom, il-qarib tagħhom, ħabibhom, jew il-ġâr tagħhom ma kienx jagħmel differenza. Li kienu jafu żgur kien li Lazzru kien miet. Madankollu, issa kien quddiemhom—dan l-istess raġel għażiż—bil-wieqfa f’nofshom mill-ġdid. Lanqas setgħu jemmnu lil għajnejhom. Bla dubju, ħafna minnhom għannqu lil Lazzru bil-ferħ. X’rebħa fuq il-mewt!

L-irxoxt ta’ Lazzru ġab ferħ kbir.—Ġwanni 11:38-44

Ġesù jirxoxta lil Lazzru

9Ġesù ma qalx li wettaq dan il-miraklu ta’ l-għaġeb bis-saħħa tiegħu stess. Fit-talba tiegħu preċiż qabel ma għajjat lil Lazzru, hu għamilha ċara li kien permezz ta’ Ġeħova li twettaq dan l-irxoxt. (Ġwanni 11:41, 42) Din ma kinitx l-unika darba li Ġeħova uża l-qawwa tiegħu b’dan il-mod. L-irxoxt ta’ Lazzru hu sempliċement wieħed mid-disa’ mirakli ta’ rxoxt li huma mniżżlin fil-Kelma t’Alla.* Tieħu gost jekk taqra u tistudja dawn ir-rakkonti. Minnhom nitgħallmu li Alla m’huwiex parzjali, għaliex dawk li ġew irxoxtati jinkludu żgħar u kbar, irġiel u nisa, Iżraelin u m’humiex. U x’ferħ jiġi deskritt f’dawn is-siltiet! Per eżempju, meta Ġesù rxoxta tfajla mill-mewt, il-ġenituri tagħha “ntilfu f’estasi kbira ta’ ferħ.” (Marku 5:42) Ġeħova kien verament tahom raġuni għalxiex jifirħu u li qatt ma kienu se jinsewha.

10M’għandniex xi ngħidu, dawk in-nies li rxoxta Ġesù maż-żmien reġgħu mietu. Ifisser dan li rxoxtahom għalxejn? Xejn affattu. Dawn ir-rakkonti tal-Bibbja jikkonfermaw veritajiet importanti u jagħtuna tama.

NITGĦALLMU MIR-RAKKONTI TA’ L-IRXOXT

Elija, l-armla, u binha rxoxtat

Elija rxoxta lil bin waħda armla.—1 Slaten 17:17-24

11Il-Bibbja tgħallem li l-mejtin “ma jafu xejn.” M’humiex ħajjin u m’humiex konxji li qed jeżistu xi mkien ieħor. Ir-rakkont ta’ Lazzru jikkonferma dan. Wara li Lazzru qam mill-mewt, beda hu jirrakkonta u jgħaġġeb lin-nies b’dak li ra fis-sema? Jew qagħad hu jbeżżagħhom billi jirrakkontalhom stejjer tal-biża’ dwar infern tan-nar? Le. Il-Bibbja ma ssemmi xejn li Lazzru qal xi kliem bħal dan. F’dawk l-erbat ijiem li dam mejjet, hu ‘ma kien jaf xejn.’ (Koħèlet 9:5) Lazzru kien sempliċement rieqed fil-mewt.—Ġwanni 11:11.

12Ir-rakkont ta’ Lazzru jgħallimna wkoll li l-irxoxt seħħ verament, u m’huwiex xi sempliċi ħrafa. Ġesù rxoxta lil Lazzru quddiem folla ta’ xhieda li raw b’għajnejhom stess. Lanqas saħansitra l-mexxejja reliġjużi, li kienu jobogħdu lil Ġesù, ma ċaħdu dan il-miraklu. Pjuttost, huma qalu: “X’se nagħmlu, għax dan ir-raġel [Ġesù] qed iwettaq ħafna sinjali?” (Ġwanni 11:47) Ħafna nies marru jaraw lil dan ir-raġel li ġie rxoxtat. B’riżultat ta’ dan, saħansitra iktar nies urew fidi f’Ġesù. Għalihom, Lazzru kien prova ħajja li Ġesù kien mibgħut minn Alla. Din l-evidenza tant kienet qawwija li xi wħud mill-mexxejja reliġjużi Lhud bla qalb ippjanaw li joqtlu kemm lil Ġesù kif ukoll lil Lazzru.—Ġwanni 11:53; 12:9-11.

Pietru jirxoxta lil Dorka

L-appostlu Pietru rxoxta lill-mara Kristjana jisimha Dorka.—Atti 9:36-42

13Huwa realistiku li taċċetta l-irxoxt bħala fatt? Iva, għax Ġesù għallem li xi darba “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira” se jiġu rxoxtati. (Ġwanni 5:28) Ġeħova hu lĦallieq ta’ kull forma ta’ ħajja. Huwa diffiċli li temmen li hu jista’ joħloq il-ħajja mill-ġdid? M’għandniex xi ngħidu, ħafna jiddependi mill-memorja li għandu Ġeħova. Jista’ jiftakarhom lill-għeżież mejtin tagħna? Hemm miljuni ta’ miljuni ta’ stilel fl-univers, iżda Alla jaf l-isem ta’ kull waħda minnhom! (Isaija 40:26) Għalhekk, Alla Ġeħova jista’ jiftakar kif kienu l-għeżież mejtin tagħna sa l-inqas dettall, u hu lest li jerġa’ jagħtihom il-ħajja.

14Iżda, Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin? Il-Bibbja tgħid li hu ħerqan li jqajjem lill-mejtin. Ir-raġel leali Ġob staqsa: “Jekk il-bniedem imut, jarġa’ jgħix?” Ġob kien qed jitkellem dwar li jistenna fil-qabar sakemm jasal iż-żmien biex Alla jiftakar fih. Hu qal lil Ġeħova: “Inti ssejjaħli, u jien inwieġbek: inti tixxennaq għal xogħol idejk.”—Ġob 14:13-15, KŻ.

15Aħseb ftit! Ġeħova fil-fatt jixxennaq biex iġib il-mejtin lura għall-ħajja. Ma tħossx qalbek titqanqal meta ssir taf li Ġeħova jħossu hekk? Imma xi ngħidu dwar dan l-irxoxt fil-futur? Min se jiġi rxoxtat, u fejn?

“DAWK KOLLHA LI QEGĦDIN FL-OQBRA TAT-TIFKIRA”

16Ir-rakkonti li nsibu fil-Bibbja dwar l-irxoxt jgħallmuna ħafna dwar l-irxoxt li għad irid iseħħ. In-nies li ġew irxoxtati hawn fuq l-art reġgħu ngħaqdu mal-maħbubin tagħhom. L-irxoxt fil-futur se jkun jixbah lil dan—biss ħafna aħjar. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 3, l-iskop t’Alla hu li l-art kollha ssir ġenna. Għalhekk, il-mejtin m’humiex se jiġu rxoxtati f’dinja mimlija gwerer, delitti, u mard. Huma se jkollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem fuq din l-art f’kundizzjonijiet ta’ paċi u hena.

17Min se jiġi rxoxtat? Ġesù qal li ‘dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħen Ġesù u joħorġu.’ (Ġwanni 5:28, 29) Bl-istess mod, Rivelazzjoni 20:13 jgħid: “Il-baħar radd il-mejtin li kienu fih, u l-mewt u Ħades raddew il-mejtin li kienu fihom.” “Ħades” jirreferi għall-qabar komuni tal-bnedmin. (Ara l-Appendiċi.) Dan il-qabar kollettiv se jitbattal. Dawk il-biljuni li qegħdin jistrieħu fl-oqbra se jerġgħu jgħixu. L-appostlu Pawlu qal: “Se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm ta’ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Dan xi jfisser?

18“In-nies sewwa” jinkludu ħafna minn dawk li naqraw dwarhom fil-Bibbja u li għexu qabel ma ġie Ġesù fuq l-art. Forsi jiġuk f’moħħok Noè, Abraham, Sara, Mosè, Rut, Ester, u ħafna oħrajn. Xi wħud minn dawn l-irġiel u n-nisa ta’ fidi huma msemmijin f’Kapitlu 11 tal-ktieb ta’ l-Ebrej. Imma n-“nies sewwa” jinkludu wkoll il-qaddejja ta’ Ġeħova li jmutu fi żmienna. Permezz tat-tama ta’ l-irxoxt, nistgħu ninħelsu minn kwalunkwe biża’ mill-mewt.—Ebrej 2:15.

Fil-Ġenna ta’ l-art, il-mejtin se jqumu u jingħaqdu mill-ġdid mal-maħbubin tagħhom

Nies jiġu rxoxtati fil-Ġenna tal-art

19Xi ngħidu għan-nies kollha li ma qdewx lil Ġeħova għaliex qatt ma kienu semgħu dwaru? Dawn il-biljuni ta’ nies li “m’humiex sewwa” mhux se jintesew. Huma wkoll se jiġu rxoxtati u jingħataw iż-żmien biex jitgħallmu dwar l-Alla veru u jaqduh. Matul perijodu t’elf sena, il-mejtin se jiġu rxoxtati u jingħataw l-opportunità li jaqdu lil Ġeħova flimkien ma’ nies leali oħra fuq l-art. Se jkun żmien ta’ l-għaġeb. Il-Bibbja tirreferi għal dan il-perijodu bħala Jum il-Ġudizzju.#

20Ifisser dan li kull bniedem li qatt għex se jiġi rxoxtat? Le. Il-Bibbja tgħid li xi wħud mill-mejtin qegħdin f’“Geħenna.” (Luqa 12:5) Geħenna ngħatat dan l-isem minħabba miżbla li kien hemm barra l-belt ta’ Ġerusalemm tal-qedem. Fiha kien jinħaraq l-iskart u l-iġsma mejtin. Dawk il-mejtin li ġisimhom kien jintefa’ fil-miżbla kienu meqjusin mil-Lhud bħala li ma jixirqilhomx jindifnu u jiġu rxoxtati. Għalhekk, Geħenna hija simbolu xieraq ta’ qerda ta’ dejjem. Għalkemm Ġesù se jkollu l-inkarigu li jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin, Ġeħova hu l-Imħallef finali. (Atti 10:42) Hu qatt ma se jirxoxta lil dawk li jiġġudika li huma ħżiena u li ma jridux ibiddlu ħajjithom.

L-IRXOXT GĦAS-SEMA

21Il-Bibbja tirreferi wkoll għal tip ieħor ta’ rxoxt, irxoxt għal ħajja bħala spirtu fis-sema. Fil-Bibbja hemm eżempju wieħed biss ta’ dan it-tip ta’ rxoxt, dak ta’ Ġesù Kristu.

22Wara li Ġesù nqatel bħala bniedem, Ġeħova ma ħalliex lill-Iben leali Tiegħu fil-qabar. (Salm 16:10; Atti 13:34, 35) Alla rxoxta lil Ġesù, imma mhux bħala bniedem. L-appostlu Pietru jispjega li Kristu “ngħata l-mewt fil-laħam, imma ngħata l-ħajja fl-ispirtu.” (1 Pietru 3:18) Dan kien tassew miraklu kbir. Ġesù kien ħaj mill-ġdid bħala persuna spirtu setgħan! (1 Korintin 15:3-6) Ġesù kien l-ewwel wieħed li qatt irċieva dan it-tip glorjuż ta’ rxoxt. (Ġwanni 3:13) Imma ma kienx se jkun ta’ l-aħħar.

23Peress li kien jaf li dalwaqt kellu jmur lura lejn is-sema, Ġesù qal lis-segwaċi leali tiegħu li hu kien se ‘jħejji post’ għalihom hemmhekk. (Ġwanni 14:2) Ġesù rrefera għal dawk li sejrin fis-sema bħala l-“merħla żgħira” tiegħu. (Luqa 12:32) Kemm se jkun hemm f’dan il-grupp ta’ Kristjani leali li hu relattivament żgħir? Skond Rivelazzjoni 14:1, l-appostlu Ġwanni jgħid: “Rajt, u, ara, il-Ħaruf [Ġesù Kristu] wieqaf fuq il-Muntanja Sijon, u miegħu kien hemm mija u erbgħa u erbgħin elf li kellhom ismu u isem Missieru miktubin fuq ġbinhom.”

24Dawn il-144,000 Kristjan, inkluż l-appostli leali ta’ Ġesù, jiġu mqajmin għall-ħajja fis-sema. L-irxoxt tagħhom meta jseħħ? L-appostlu Pawlu kiteb li kellu jseħħ matul iż-żmien tal-preżenza ta’ Kristu. (1 Korintin 15:23) Bħalma se titgħallem f’Kapitlu 9, aħna issa qed ngħixu f’dak iż-żmien. Għalhekk, dawk il-ftit li baqa’ mill-144,000 li jmutu fi żmienna jiġu rxoxtati mill-ewwel għall-ħajja fis-sema. (1 Korintin 15:51-55) Madankollu, il-maġġorparti mill-bnedmin għandhom il-prospett li jiġu rxoxtati fil-futur għall-ħajja fil-Ġenna fuq l-art.

25Iva, Ġeħova tassew se jirbaħ lill-għadu tagħna, il-mewt, u din mhix se tibqa’ teżisti iktar! (Isaija 25:8) Iżda, forsi taħseb bejnek u bejn ruħek, ‘Dawk li se jiġu rxoxtati fis-sema x’se jagħmlu hemmhekk?’ Huma se jagħmlu parti minn gvern meraviljuż tas-Saltna fis-sema. Se nitgħallmu iktar dwar dan il-gvern fil-kapitlu li jmiss.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Ir-rakkonti dwar l-irxoxt li nsibu fil-Bibbja jagħtuna tama ċerta.—Ġwanni 11:39-44.
  • Ġeħova hu ħerqan li jġib il-mejtin lura għall-ħajja.—Ġob 14:13-15, KŻ.
  • Dawk kollha fil-qabar komuni tal-bnedmin se jiġu rxoxtati.—Ġwanni 5:28, 29.

*  Ir-rakkonti l-oħra jinsabu fl-1 Slaten 17:17-24; it-2 Slaten 4:32-37; 13:20, 21; Mattew 28:5-7; Luqa 7:11-17; 8:40-56; Atti 9:36-42; u 20:7-12.

#  Għal iktar informazzjoni dwar Jum il-Ġudizzju u l-bażi li fuqha jiġu ġudikati n-nies, jekk jogħġbok ara l-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1-3. Liema għadu qiegħed jiġri warajna lkoll, u għala nistgħu nserrħu ftit moħħna jekk nikkunsidraw dak li tgħid il-Bibbja?

4. (a) Għala l-mod kif aġixxa Ġesù meta miet xi ħadd għażiż għalih jgħallimna dwar is-sentimenti ta’ Ġeħova? (b) Ġesù ma’ min sar ħabib sew?

5, 6. (a) Ġesù kif aġixxa meta kien ħdejn il-familja u l-ħbieb ta’ Lazzru li kienu qed jibkuh? (b) In-niket ta’ Ġesù għala hu ta’ inkuraġġiment għalina?

7, 8. Il-każ ta’ Lazzru għala seta’ deher bla tama f’għajnejn dawk li kienu hemmhekk, imma Ġesù x’għamel?

9, 10. (a) Ġesù kif wera mingħand min kienet ġejja l-qawwa tiegħu biex jirxoxta lil Lazzru? (b) X’inhuma xi ftit mill-benefiċċji li jkollna jekk naqraw ir-rakkonti ta’ l-irxoxt li hemm fil-Bibbja?

11. Ir-rakkont ta’ l-irxoxt ta’ Lazzru kif jgħinna nikkonfermaw il-verità li nsibu f’Koħèlet 9:5?

12. Għala nistgħu nkunu żguri li l-irxoxt ta’ Lazzru seħħ verament?

13. Liema bażi għandna biex nemmnu li Ġeħova jista’ tassew jirxoxta l-mejtin?

14, 15. Minn dak li qal Ġob, Ġeħova kif iħossu dwar li jirxoxta l-mejtin?

16. Meta l-mejtin jiġu rxoxtati f’liema kundizzjonijiet se jgħixu?

17. Min se jiġi rxoxtat?

18. Min hu inkluż man-“nies sewwa” li se jiġu rxoxtati, u din it-tama kif tista’ teffettwak personalment?

19. Min huma “dawk li m’humiex sewwa,” u Ġeħova b’qalb tajba x’opportunità jagħtihom?

20. X’inhi Geħenna, u min imur hemm?

21, 22. (a) Liema tip ieħor ta’ rxoxt hemm? (b) Min kien l-ewwel Wieħed li qatt ġie rxoxtat għall-ħajja bħala spirtu?

23, 24. Min jifforma l-“merħla żgħira” ta’ Ġesù, u kemm se jkun in-numru tagħhom?

25. X’se nikkunsidraw fil-kapitlu li jmiss?