Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

“Ruħ” u “Spirtu”—Xi Jfissru Tassew Dawn it-Termini?

“Ruħ” u “Spirtu”—Xi Jfissru Tassew Dawn it-Termini?

META tisma’ bit-termini “ruħ” u “spirtu,” x’jiġik f’moħħok? Ħafna jemmnu li dawn ifissru xi ħaġa inviżibbli u immortali li teżisti ġo fina. Huma jaħsbu li mal-mewt din il-parti inviżibbli tal-bniedem tħalli l-ġisem u tibqa’ tgħix. Ladarba dan it-twemmin huwa daqshekk mifrux, ħafna jibqgħu skantati meta jsiru jafu li dan m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li tgħallem il-Bibbja. Mela x’inhi r-ruħ, u x’inhu l-ispirtu, skond il-Kelma t’Alla?

IL-KELMA “RUĦ” KIF TINTUŻA FIL-BIBBJA

L-ewwel ikkunsidra r-ruħ. Forsi tiftakar li oriġinalment il-Bibbja inkitbet prinċipalment bl-Ebrajk u l-Grieg. Meta kitbu dwar ir-ruħ, il-kittieba tal-Bibbja użaw il-kelma Ebrajka nefex jew il-kelma Griega psike. Dawn iż-żewġ kelmiet jidhru iktar minn 800 darba fl-Iskrittura, u għal dawn, in-New World Translation tuża b’mod konsistenti l-kelma “ruħ.” Meta teżamina l-mod kif il-kelma “ruħ” jew “erwieħ” tintuża fil-Bibbja, jidher ċar li din bażikament tirreferi għal (1) nies, (2) annimali, jew (3) il-ħajja li tgawdi persuna jew annimal. Ejja nikkunsidraw xi skritturi li jippreżentaw dawn it-tliet tifsiriet differenti.

Nies. “Fi żmien Noè…ftit nies, jiġifieri, tmien erwieħ, inġarrew mill-ilma u ġew salvati.” (1 Pietru 3:20) Hawnhekk il-kelma “erwieħ” tirreferi b’mod ċar għan-nies—Noè, martu, it-tliet ulied subien tiegħu, u n-nisa tagħhom. Eżodu 16:16 (Saydon) isemmi xi istruzzjonijiet li ngħataw lill-Iżraelin dwar il-ġbir tal-manna. Intqalilhom: “Laqqtu minnu…skond kemm il-ruħ hemm; jieħu kulħadd għal kemm għandu fit-tinda tiegħu.” Għaldaqstant, l-ammont ta’ manna li kienet tinġabar kien ibbażat skond l-għadd ta’ nies f’kull familja. Xi eżempji Bibliċi oħra ta’ kif tintuża l-kelma “ruħ” jew “erwieħ” għal persuna jew għal nies jinsabu f’Ġenesi 46:18; Dewteronomju 10:22; Atti 27:37; u Rumani 13:1.

Annimali. Fir-rakkont tal-Bibbja dwar il-ħolqien, naqraw: “U qal Alla: ‘Jiżgħed l-ilma b’kotra ta’ ħlejjaq [“erwieħ,” NW] ħajjin u jittajjru t-tjur fuq l-art fil-wesgħa tas-smewwiet.’ U qal Alla: ‘Ħa tnissel l-art ħlejjaq [“erwieħ,” NW] ħajja skond ġenshom: bhejjem tad-dar, annimali li jitkaxkru, u bhejjem selvaġġi, skond ġenshom.’” (Ġenesi 1:2024) F’dan ir-rakkont, il-ħut, l-annimali domestiċi, u l-bhejjem salvaġġi, kollha ssir referenza għalihom bl-istess kelma—“erwieħ.” L-għasafar u annimali oħrajn jiġu msejħin erwieħ ukoll f’Rivelazzjoni 8:9; 16:3.

Il-ħajja bħala persuna. Kultant, il-kelma “ruħ” tfisser il-ħajja ta’ xi ħadd bħala persuna. Ġeħova qal lil Mosè: “Mur lura l-Eġittu; għax in-nies li kienu jfittxulek [“ruħek,” NW] mietu lkoll.” (Eżodu 4:19) L-għedewwa ta’ Mosè x’kienu qed ifittxu? Kienu qed ifittxu li jneħħu ħajjet Mosè. Qabel, waqt li Rakel kienet qed twelled lil binha Benjamin, ‘ruħha kienet ħierġa—għax kienet qiegħda tmut.’ (Ġenesi 35:16-19) Dak il-ħin, Rakel tilfet ħajjitha. Ikkunsidra wkoll il-kliem ta’ Ġesù: “Jien ir-ragħaj mill-aħjar; ir-ragħaj mill-aħjar jagħti ruħu għan-nagħaġ.” (Ġwanni 10:11) Ġesù ta ruħu, jew ħajtu, għan-nom ta’ l-umanità. F’dawn is-siltiet mill-Bibbja, il-kelma “ruħ” b’mod ċar tirreferi għall-ħajja bħala persuna. Int se ssib iktar eżempji tal-kelma “ruħ” f’dan is-sens fl-1 Slaten 17:17-23; Mattew 10:39; Ġwanni 15:13; u Atti 20:10.

Iktar studju tal-Kelma t’Alla se jurik li t-termini “immortali” u “dejjiema” imkien fil-Bibbja kollha m’għandhom konnessjoni mal-kelma “ruħ.” Minflok, l-Iskrittura tistqarr li r-ruħ hija mortali, jiġifieri li tmut. (Eżekjel 18:420, ) Għalhekk, il-Bibbja ssejjaħ lil xi ħadd li miet sempliċement “ruħ mejta.”—Levitiku 21:11, NW.

L-“ISPIRTU” IDENTIFIKAT

Issa ejja nikkunsidraw l-użu tal-kelma “spirtu” fil-Bibbja. Xi nies jaħsbu li “spirtu” hija kelma oħra għal “ruħ.” Madankollu dan m’huwiex minnu. Il-Bibbja tagħmilha ċara li “spirtu” u “ruħ” jirreferu għal żewġ affarijiet differenti. Dawn kif ivarjaw minn xulxin?

Il-kittieba tal-Bibbja użaw il-kelma Ebrajka ruwaħ jew il-kelma Griega pnewma meta kitbu dwar l-“ispirtu.” L-Iskrittura nfisha tindika xi jfisser dak il-kliem. Per eżempju, Salm 104:29 jgħid: “Jekk [int, Ġeħova] teħdilhom nifishom [ruwaħ], imutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru.” U Ġakbu 2:26 jgħid li “l-ġisem mingħajr l-ispirtu [ pnewma] hu mejjet.” Mela, f’dawn il-versi l-“ispirtu” jirreferi għal dak li jagħti l-ħajja lill-ġisem. Mingħajr spirtu, il-ġisem huwa mejjet. Għalhekk, fil-Bibbja l-kelma ruwaħ hija tradotta mhux biss bħala “spirtu” imma wkoll bħala “forza,” jew forza tal-ħajja. Per eżempju, dwar id-Dilluvju ta’ żmien Noè, Alla qal: “Jiena se nibgħat dilluvju ilma fuq l-art biex neqred kull ħliqa li fiha nifs il-ħajja [ruwaħ, jew “forza tal-ħajja,” NW] taħt is-smewwiet u kull ma jinsab fl-art jinqered.” (Ġenesi 6:17; 7:1522) L-“ispirtu” b’hekk jirreferi għal forza inviżibbli (xrara tal-ħajja) li tagħti l-ħajja lill-ħlejjaq ħajjin kollha.

Radju

Ir-ruħ u l-ispirtu m’humiex l-istess. Il-ġisem għandu bżonn l-ispirtu l-istess bħalma radju għandu bżonn l-elettriku—sabiex jaħdem. Biex inkomplu nispjegaw dan, aħseb f’radju żgħir li ġġorru miegħek. Meta tpoġġilu l-batteriji u tixegħlu, l-elettriku maħżun ġol-batteriji jagħti l-ħajja lir-radju, biex ngħidu hekk. Però, mingħajr batteriji, ir-radju ma jaħdimx. Kwalunkwe tip ta’ radju ieħor jiġrilu l-istess meta taqlagħlu l-plakka minn ma’ l-elettriku. Bl-istess mod, l-ispirtu huwa l-forza li tagħti l-ħajja lil ġisimna. Ukoll, bħall-elettriku, l-ispirtu m’għandu l-ebda sentiment u ma jistax jaħseb. Huwa forza li m’għandhiex personalità. Imma mingħajr dak l-ispirtu, jew forza tal-ħajja, l-iġsma tagħna “jmutu, u lejn it-trab jerġgħu jmorru,” bħalma qal is-salmista.

Meta tkellem dwar il-mewt tal-bniedem, Koħèlet 12:7 qal: “It-trab [ta’ ġismu] jerġa’ jmur fl-art mnejn ġie, u n-nifs tal-ħajja [ruwaħ] jitlaq lejn Alla, minn fejn ġie.” Meta l-ispirtu, jew il-forza tal-ħajja, iħalli l-ġisem, il-ġisem imut u jerġa’ lura minn fejn ikun ġie—l-art. B’xebh ma’ dan, il-forza tal-ħajja terġa’ lura minn fejn tkun ġiet—Alla. (Ġob 34:14, 15; Salm 36:10 [36:9, NW]) Dan ma jfissirx li l-forza tal-ħajja attwalment tivvjaġġa lejn is-sema. Minflok, dan ifisser li għal xi ħadd li jkun miet, kull tama għal ħajja futura tiddependi minn Alla Ġeħova. Ħajtu qiegħda f’idejn Alla, biex ngħidu hekk. Huwa biss bil-qawwa t’Alla li l-ispirtu, jew il-forza tal-ħajja, jista’ jingħata lura sabiex dik il-persuna tkun tista’ terġa’ tgħix.

Kemm hu ta’ faraġ li tkun taf li dan huwa eżatt dak li Alla se jagħmel għal dawk li jinsabu mistriħin fl-“oqbra tat-tifkira” tagħhom! (Ġwanni 5:28, 29) Fl-irxoxt, Ġeħova se jifforma ġisem ġdid għall-persuna li tkun rieqda fil-mewt u jagħtiha l-ħajja billi jpoġġi l-ispirtu, jew il-forza tal-ħajja, fiha. X’ġurnata ta’ ferħ se tkun dik!

Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar kif jintużaw it-termini “ruħ” u “spirtu” fil-Bibbja, se ssib informazzjoni ta’ valur fil-browxer X’Jiġrilna meta Mmutu? u f’paġni 375-84 tal-ktieb Reasoning From the Scriptures, it-tnejn pubblikati mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

← Ara r-referenza tal-kapitlu