Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU TLETTAX

Qis il-Ħajja bil-Mod Kif Iqisha Alla

Qis il-Ħajja bil-Mod Kif Iqisha Alla

Alla kif iqisha l-ħajja?

Alla kif iqisu l-abort?

Kif nistgħu nuru rispett għall-ħajja?

“Il-MULEJ tassew hu Alla: Alla ħaj,” qal il-profeta Ġeremija. (Ġeremija 10:10) Barra minn hekk, Alla Ġeħova hu l-Ħallieq ta’ l-affarijiet ħajjin kollha. Il-ħlejjaq tas-sema qalulu: “Int ħlaqt l-affarijiet kollha, u bir-rieda tiegħek eżistew u nħolqu.” (Rivelazzjoni 4:11) F’għanja ta’ tifħir lil Alla, is-Sultan David qal: “Għandek hemm l-għajn tal-ħajja.” (Salm 36:10 [36:9, NW]) Mela l-ħajja hi rigal mingħand Alla.

2 Ġeħova jsostni wkoll il-ħajja tagħna. (Atti 17:28) Hu jipprovdilna l-ikel li nieklu, l-ilma li nixorbu, l-arja biex nieħdu n-nifs, u l-art li ngħixu fuqha. (Atti 14:15-17) Ġeħova dan għamlu b’mod li jagħmel il-ħajja pjaċevoli. Imma biex ingawdu l-ħajja bis-sħiħ, jeħtieġ insiru nafu x’inhuma l-liġijiet t’Alla u nobduhom.—Isaija 48:17, 18.

NURU RISPETT GĦALL-ĦAJJA

3Alla jrid li aħna jkollna rispett għall-ħajja—sew tagħna u sew ta’ l-oħrajn. Per eżempju, lura fi żmien Adam u Eva, binhom Kajjin kien irrabjat ferm għal ħuh Abel. Ġeħova wissa lil Kajjin li r-rabja tiegħu kienet se twasslu biex jagħmel dnub serju. Kajjin injoraha din it-twissija. Hu “qam għal ħuh Abel, u qatlu.” (Ġenesi 4:3-8) Ġeħova kkastiga lil Kajjin talli qatel lil ħuh.—Ġenesi 4:9-11.

4Eluf ta’ snin wara, Ġeħova ta liġijiet lin-nies ta’ Iżrael biex jgħinhom jaqduh b’mod aċċettabbli. Peress li dawn il-liġijiet ngħataw permezz tal-profeta Mosè, xi drabi jissejħu l-Liġi Mosajka. Parti mil-Liġi Mosajka kienet tgħid: “La toqtolx.” (Dewteronomju 5:17) Dan wera lill-Iżraelin li Alla jqis il-ħajja umana bħala prezzjuża u li n-nies għandhom iqisu l-ħajja ta’ ħaddieħor bħala prezzjuża.

5Xi ngħidu għall-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf? Skond il-Liġi Mosajka, min jikkaġuna l-mewt ta’ tarbija li tkun għadha f’ġuf ommha jkun qed jagħmel xi ħaġa ħażina. Iva, anki l-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf hija prezzjuża għal Ġeħova. (Eżodu 21:22, 23; Salm 127:3) Dan ifisser li l-abort hu ħażin.

6Ir-rispett għall-ħajja jinkludi li tqis kif jixraq lill-bnedmin bħalek. Il-Bibbja tgħid: “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel, u tafu li f’ebda qattiel ma tibqa’ l-ħajja ta’ dejjem.” (1 Ġwanni 3:15) Jekk irridu li jkollna l-ħajja ta’ dejjem, jeħtieġ li nqaċċtu mill-għeruq kwalunkwe mibegħda li jista’ jkollna f’qalbna għal għajrna, għaliex il-mibegħda hija l-għerq ta’ ħafna mill-vjolenza li sseħħ. (1 Ġwanni 3:11, 12) Huwa vitali li nitgħallmu nħobbu lil xulxin.

NURU RISPETT GĦALL-ĦAJJA

Tarbija mhix imwielda
  • billi ma noqtlux il-ħajja ta’ tarbija fil-ġuf

Xi ħadd jgħaffeġ pakkett sigaretti
  • billi naqtgħu l-vizzji ħżiena

Żewġ ħbieb minn sfondi etniċi differenti
  • billi nqaċċtu mill-għeruq kwalunkwe mibegħda li jista’ jkollna f’qalbna għal għajrna

7Xi ngħidu dwar li nuru rispett għal ħajjitna stess? Normalment, in-nies ma jixtiqux imutu, imma xi wħud jissograw ħajjithom minħabba l-pjaċiri. Per eżempju, ħafna jużaw it-tabakk, ipejpu l-ħaxixa, jew jieħdu d-drogi għall-gost. Dawn is-sustanzi jagħmlu ħsara lill-ġisem u spiss joqtlu lil dawk li jużawhom. Persuna li tiħodha drawwa li tuża dawn is-sustanzi ma tqisx il-ħajja bħala sagra. Dawn il-prattiċi m’humiex nodfa f’għajnejn Alla. (Rumani 6:19; 12:1; 2 Korintin 7:1) Biex naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli, ikollna nwarrbu prattiċi bħal dawn. Għalkemm għandu mnejn ikun iebes ħafna li tagħmel dan, Ġeħova jista’ jagħtina l-għajnuna meħtieġa. U hu japprezza l-isforz li nagħmlu biex inqisu ħajjitna bħala rigal prezzjuż mingħandu.

8Jekk ikollna rispett għall-ħajja, se nżommu f’moħħna l-bżonn li nkunu konxji dwar is-sigurtà. La se nkunu traskurati u lanqas se nieħdu riskji sempliċement għal ftit gost jew eċċitament. Se nevitaw sewqan bl-addoċċ u sports vjolenti jew perikoluż. (Salm 11:5) Il-liġi li Alla ta lil Iżrael tal-qedem stqarret: “Meta tibni dar ġdida agħmel ilqugħ [jew, ċint] madwar il-bejt, u ma tiġbidx il-ħtija tad-demm fuq darek, jekk jaqa’ xi ħadd minn hemm.” (Dewteronomju 22:8) Fi qbil mal-prinċipju li hemm f’din il-liġi, żomm affarijiet bħalma huma t-taraġ tad-dar tiegħek f’kundizzjoni tajba li ma jmurx xi ħadd jitfixkel, jaqa’, u jweġġa’ serjament. Jekk għandek karozza, kun ċert li m’hemm ebda periklu biex issuqha. Tħallix id-dar jew il-karozza tiegħek tkun ta’ periklu għalik jew għal oħrajn.

9Xi ngħidu dwar il-ħajja ta’ xi annimal? Din ukoll hija sagra għall-Ħallieq. Alla jippermetti li noqtlu l-annimali biex ikollna x’nieklu u x’nilbsu, jew biex niddefendu lil xi ħadd mill-periklu. (Ġenesi 3:21; 9:3; Eżodu 21:28) Madankollu, li naħqru jew noqtlu l-annimali sempliċement bħala passatemp huwa ħażin u juri nuqqas ta’ rispett assolut għall-qdusija tal-ħajja.—Proverbji 12:10.

NURU RISPETT GĦAD-DEMM

10Wara li Kajjin qatel lil ħuh Abel, Ġeħova qal lil Kajjin: “Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art.” (Ġenesi 4:10) Meta Alla tkellem dwar id-demm t’Abel, hu kien qed jitkellem dwar il-ħajja t’Abel. Kajjin kien ħa l-ħajja t’Abel, u issa Kajjin kellu jiġi kastigat. Kien bħallikieku d-demm t’Abel, jew ħajtu, kien qed jgħajjat lil Ġeħova għall-ġustizzja. Il-konnessjoni bejn il-ħajja u d-demm dehret ukoll wara d-Dilluvju ta’ żmien Noè. Qabel id-Dilluvju, il-bnedmin kienu jieklu biss frott, ħaxix, żrieragħ, u lewż. Wara d-Dilluvju, Ġeħova qal lil Noè u lil uliedu: “Kull ma hu ħaj u jitħarrek fl-art ikun ikel għalikom; u wkoll il-ħaxix aħdar, kollox nagħtikom.” Iżda, Alla għamel din ir-restrizzjoni: “Imma l-laħam b’demmu ġo fih, li hu ħajtu, la tikluhx.” (Ġenesi 1:29; 9:3, 4) Jidher ċar li Ġeħova jagħmel konnessjoni mill-qrib bejn il-ħajja u d-demm ta’ xi kreatura.

11Aħna nuru li nirrispettaw id-demm billi ma nikluhx. Fil-Liġi li Ġeħova ta lill-Iżraelin, hu kkmanda: “Kull wieħed…li jmur għall-kaċċa u jaqbad xi bhima selvaġġa jew tajra li tista’ tittiekel, għandu jxerred demmha u jgħattih bit-trab;…Għedt lil ulied Iżrael: ‘La tiklux id-demm ta’ ebda laħam.’” (Levitiku 17:13, 14) Il-kmand li Alla ta biex ma jittikilx id-demm ta’ l-annimali u li ngħata l-ewwel lil Noè madwar 800 sena qabel kien għadu jgħodd. Il-mod kif Ġeħova jqis id-demm kien ċar: Il-qaddejja tiegħu setgħu jieklu l-laħam ta’ l-annimali imma mhux id-demm. Kellhom iferrgħu d-demm fl-art—fil-fatt, iroddu l-ħajja ta’ l-annimal lura lil Alla.

12Il-Kristjani huma marbuta bi kmand simili. L-appostli u rġiel oħra li kienu jieħdu t-tmexxija fost is-segwaċi ta’ Ġesù fl-ewwel seklu ltaqgħu flimkien biex jiddeċiedu liema kmandi kellhom jobdu dawk kollha fil-kongregazzjoni Kristjana. Huma waslu għal din il-konklużjoni: “L-ispirtu qaddis u aħna nfusna qbilna li ma nżidulkom ebda piż ieħor, ħlief dawn l-affarijiet neċessarji, li tibqgħu titbiegħdu mill-affarijiet sagrifikati lill-idoli u mid-demm u mil-laħam t’annimali fgati [li jitħalla d-demm fil-laħam] u miż-żína.” (Atti 15:28, 29; 21:25) Għalhekk, aħna rridu ‘nibqgħu nitbiegħdu mid-demm.’ F’għajnejn Alla, dan hu importanti daqs li nevitaw l-idolatrija u l-immoralità sesswali.

Raġel li qed jieħu alkoħol permezz ta’ injezzjoni fil-vini tiegħu

Jekk it-tabib jgħidlek biex titbiegħed mill-alkoħol, tista’ int tieħdu b’injezzjoni fil-vini tiegħek?

13Il-kmand biex nitbiegħdu mid-demm jinkludi wkoll it-trasfużjonijiet tad-demm? Iva. Biex nagħtu eżempju: Immaġina li t-tabib jgħidlek biex titbiegħed mix-xorb alkoħoliku. Ikun dan ifisser sempliċement li ma tixrobx xorb alkoħoliku imma li tista’ tieħdu b’injezzjoni fil-vini tiegħek? Dażgur li le! Bl-istess mod, li nitbiegħdu mid-demm ifisser li ma ndaħħluh bl-ebda mod f’ġisimna. Għalhekk, il-kmand biex nitbiegħdu mid-demm ifisser li ma nħallu lil ħadd jagħtina trasfużjoni tad-demm fil-vini tagħna.

14Xi ngħidu jekk Kristjan ikorri serjament jew għandu bżonn operazzjoni serja? Nagħmlu mod li t-tobba jgħidulu li bilfors irid jieħu trasfużjoni tad-demm inkella jmut. M’għandniex xi ngħidu, il-Kristjan ma jixtieqx imut. Hu jagħmel kulma jista’ biex jippreserva r-rigal prezzjuż tal-ħajja li tah Alla, u għalhekk jaċċetta tipi oħra ta’ kura li ma jinvolvux l-użu ħażin tad-demm. Għaldaqstant, hu jipprova jfittex għajnuna medika bħal din jekk tkun disponibbli u jaċċetta alternattivi oħra minflok id-demm.

15Sejjer Kristjan jikser il-liġi t’Alla sempliċement biex itawwal ftit ħajtu f’din is-sistema dinjija? Ġesù qal: “Kulmin irid isalva ruħu [jew, ħajtu] jitlifha; imma kulmin jitlef ruħu minħabba fija jsibha.” (Mattew 16:25) Aħna ma nixtiqux immutu. Imma jekk nipprovaw insalvaw il-ħajja preżenti tagħna billi niksru l-liġi t’Alla, inkunu qegħdin fil-periklu li nitilfu l-ħajja ta’ dejjem. Mela, inkunu għaqlin jekk nafdaw fil-ġustizzja tal-liġi t’Alla, b’fiduċja sħiħa li jekk immutu minħabba xi ħaġa jew oħra, id-Donatur tal-Ħajja se jiftakar fina fl-irxoxt u jerġa’ jagħtina r-rigal prezzjuż tal-ħajja.—Ġwanni 5:28, 29; Ebrej 11:6.

16Illum, il-qaddejja leali t’Alla jinsabu deċiżi b’mod sod li jimxu fuq id-direzzjoni tiegħu dwar id-demm. M’huma se jikluh fl-ebda forma. Lanqas ma se jaċċettaw id-demm għal raġunijiet mediċi.* Huma ċerti li l-Ħallieq tad-demm jaf x’inhu l-aħjar għalihom. Temmnu int dan?

L-UNIKU UŻU XIERAQ TAD-DEMM

Kif tista’ turi li għandek stima għall-ħajja u d-demm?

Pazjenta titkellem mat-tabib tagħha

17Il-Liġi Mosajka enfasizzat l-uniku użu xieraq tad-demm. Rigward il-qima mitluba mill-Iżraelin tal-qedem, Ġeħova kkmanda: “Ħajjet il-laħam hi fid-demm, u jien tajthulkom għal fuq l-artal biex tagħmlu bih l-espjazzjoni għalikom. Għaliex bid-demm, li hu l-ħajja, issir l-espjazzjoni.” (Levitiku 17:11) Meta l-Iżraelin kienu jidinbu, huma setgħu jiksbu l-maħfra billi joffru annimal u jpoġġu ftit mid-demm tiegħu fuq l-artal fit-tabernaklu jew iktar tard fit-tempju t’Alla. L-uniku użu xieraq tad-demm kien f’sagrifiċċji bħal dawn.

18 Il-Kristjani veri m’humiex taħt il-Liġi Mosajka, u għalhekk ma joffrux sagrifiċċji ta’ l-annimali u ma jpoġġux id-demm ta’ l-annimali fuq xi artal. (Ebrej 10:1) Madankollu, l-użu tad-demm fuq l-artal fi żmien Iżrael tal-qedem kien qed jipponta ’l quddiem lejn is-sagrifiċċju prezzjuż ta’ l-Iben t’Alla, Ġesù Kristu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 5 ta’ dan il-ktieb, Ġesù ta l-ħajja umana tiegħu għalina billi ħalla demmu jixxerred bħala sagrifiċċju. Imbagħad hu tela’ s-sema u offra darba għal dejjem il-valur tad-demm imxerred tiegħu lil Alla. (Ebrej 9:11, 12) Dan stabbilixxa l-bażi għall-maħfra ta’ dnubietna u fetħilna t-triq biex niksbu l-ħajja ta’ dejjem. (Mattew 20:28; Ġwanni 3:16) Ara kemm kellu importanza kbira dan l-użu tad-demm! (1 Pietru 1:18, 19) Permezz tal-fidi fil-mertu tad-demm imxerred ta’ Ġesù biss nistgħu aħna niksbu s-salvazzjoni.

19Aħna nistgħu nkunu ferm grati lejn Alla Ġeħova għar-rigal tal-ħajja li hu pprovdielna b’tant imħabba! U m’għandux dan iqanqalna biex ngħidu lil ħaddieħor dwar l-opportunità biex jikseb il-ħajja ta’ dejjem fuq il-bażi tal-fidi fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù? Il-fatt li nuru l-istess tħassib li juri Alla għall-ħajjiet tan-nies se jqanqalna biex ngħidu b’ħeġġa u żelu dwar dan lil ħaddieħor. (Eżekjel 3:17-21) Jekk inħabirku biex inwettqu din ir-responsabbiltà, aħna nkunu nistgħu ngħidu l-istess bħall-appostlu Pawlu: “Jien nadif mid-demm tal-bnedmin kollha, għax ma żammejtx lura milli ngħidilkom l-iskop kollu t’Alla.” (Atti 20:26, 27) Mod eċċellenti kif nuru li għandna l-akbar stima għall-ħajja u d-demm hu billi ngħidu lin-nies dwar Alla u dwar l-iskopijiet tiegħu.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA


*  Għal informazzjoni dwar l-alternattivi għal trasfużjoni tad-demm, ara paġni 13-17 tal-browxer Id-Demm Kif Jista’ Jsalvalek Ħajtek? pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. Min ħalaq l-affarijiet ħajjin kollha?

2. Alla x’jagħmel biex isostni l-ħajja tagħna?

3. Alla kif qiesu l-qtil t’Abel?

4. Fil-Liġi Mosajka, Alla kif enfasizza l-mod xieraq kif wieħed għandu jqis il-ħajja?

5. L-abort kif għandna nqisuh?

6. Għala m’għandniex nobogħdu lil għajrna?

7. X’inhuma xi prattiċi li juru nuqqas ta’ rispett għall-ħajja?

8. Għala għandna nżommu f’moħħna l-bżonn li nkunu konxji dwar is-sigurtà?

9. Jekk għandna rispett għall-ħajja, kif se nittrattawhom l-annimali?

10. Alla kif wera li jagħmel konnessjoni bejn il-ħajja u d-demm?

11. Liema użu tad-demm ipprojbixxa Alla sa minn żmien Noè?

12. Liema kmand rigward id-demm ngħata mill-ispirtu qaddis fl-ewwel seklu u għadu jgħodd sa llum?

13. Agħti eżempju li juri għala l-kmand biex nitbiegħdu mid-demm jinkludi t-trasfużjonijiet tad-demm.

14, 15. Kieku t-tobba jgħidu lil Kristjan li bilfors irid jieħu trasfużjoni tad-demm, dan kif jirreaġixxi, u għala?

16. Il-qaddejja t’Alla x’jinsabu deċiżi b’mod sod li jagħmlu dwar id-demm?

17. F’Iżrael tal-qedem, x’kien l-uniku użu tad-demm li Alla Ġeħova kien jaċċetta?

18. Liema benefiċċji u barkiet nistgħu niksbu mid-demm imxerred ta’ Ġesù?

19. Xi rridu nagħmlu sabiex inkunu ‘nodfa mid-demm tal-bnedmin kollha’?