Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Kapitlu Disgħa

Qegħdin Aħna Ngħixu fl-“Aħħar Jiem”?

Qegħdin Aħna Ngħixu fl-“Aħħar Jiem”?

Liema ġrajjiet fi żmienna ġew imbassrin fil-Bibbja?

Il-Kelma t’Alla kif tgħid li kellhom ikunu n-nies fl-“aħħar jiem”?

Il-Bibbja liema affarijiet tajbin tbassar rigward l-“aħħar jiem”?

ĠIELI kont qed tara l-aħbarijiet fuq it-televixin u f’qalbek għedt, ‘Min jaf x’se jiġri minnha din id-dinja?’ Id-diżgrazzji tant qed jiġru f’daqqa u għal għarrieda li ħadd ma jista’ jbassar x’se jiġri, lanqas s’għada. (Ġakbu 4:14) Madankollu, Ġeħova jaf x’se jiġri fil-futur. (Isaija 46:10) Żmien twil ilu l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, ma bassritx biss l-affarijiet ħżiena li qed jiġru llum imma wkoll l-affarijiet ta’ l-għaġeb li se jiġru fil-futur qarib.

2 Ġesù Kristu tkellem dwar is-Saltna t’Alla li se ttemm il-ħażen u tagħmel l-art ġenna. (Luqa 4:43) In-nies riedu jafu meta kienet se tiġi s-Saltna. Fil-fatt, id-dixxipli ta’ Ġesù staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-preżenza tiegħek u ta’ tmiem is-sistema?” (Mattew 24:3) Ġesù weġibhom li Alla Ġeħova biss kien jaf eżatt meta kellu jiġi t-tmiem ta’ din is-sistema. (Mattew 24:36) Minkejja dan, Ġesù bassar x’kellu jiġri fuq l-art preċiż qabel ma s-Saltna kellha ġġib il-paċi u s-sigurtà veri lill-umanità. Dak li bassar qed iseħħ illum!

3Qabel neżaminaw l-evidenza li qed ngħixu fi “tmiem is-sistema,” ejja nikkunsidraw fil-qosor gwerra li ma setgħet tiġi osservata mill-ebda bniedem fuq l-art. Din seħħet fil-qasam ta’ l-ispirti inviżibbli, u r-riżultat tagħha jeffettwa lilna.

GWERRA FIS-SEMA

4Il-kapitlu ta’ qabel f’dan il-ktieb spjega li Ġesù Kristu sar Sultan fis-sema fl-1914. (Danjel 7:13, 14) Ftit wara li Ġesù beda jsaltan, hu ħa azzjoni. “Faqqgħet gwerra fis-sema,” tgħid il-Bibbja. “Mikiel [isem ieħor għal Ġesù] u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun [Satana x-Xitan], u d-dragun u l-anġli tiegħu tqabdu.”* Satana u l-anġli ħżiena tiegħu, id-demonji, tilfu din il-gwerra u tkeċċew mis-sema għal fuq l-art. L-ulied spirti t’Alla li baqgħu leali ferħu li Satana u d-demonji tiegħu tkeċċew. Madankollu, il-bnedmin ma kienx se jkollhom il-ferħ li kellhom huma. Pjuttost, il-Bibbja bassret: “Gwaj għall-art…għax ix-Xitan niżel għandkom u għandu rabja kbira, għax jaf li żmien qasir baqagħlu.”—Rivelazzjoni 12:7, 912.

5Jekk jogħġbok innota x’kellu jkun ir-riżultat tal-gwerra fis-sema. Fid-dagħdigħa li kellu fuqu, Satana kien se jġib gwaj, jew inkwiet, fuq dawk li kienu fuq l-art. Bħalma se tara, aħna issa qegħdin ngħixu f’dan iż-żmien ta’ gwaj. Imma dan se jkun relattivament qasir—“żmien qasir” biss. Anki Satana jafu dan. Il-Bibbja tirreferi għal dan il-perijodu bħala “l-aħħar jiem.” (2 Timotju 3:1) Kemm għandna għalxiex inkunu grati li Alla dalwaqt se jneħħi l-influwenza li x-Xitan għandu fuq l-art! Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-affarijiet imbassrin fil-Bibbja li qed jiġru issa stess. Dawn juru li qed ngħixu fl-aħħar jiem u li s-Saltna t’Alla dalwaqt se ġġib barkiet dejjiema għal dawk li jħobbu lil Ġeħova. L-ewwel, ejja neżaminaw erba’ aspetti tas-sinjal li Ġesù qal li kellu jimmarka ż-żmien li qed ngħixu fih.

ŻVILUPPI KBAR FL-AĦĦAR JIEM

Stampi ta’ gwerra, nies li jmutu bil-ġuħ, u diżastri naturali

6“Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna.” (Mattew 24:7) Miljuni ta’ nies inqatlu fil-gwerer matul is-seklu li għadda. Studjuż Britanniku ta’ l-istorja kiteb: “Is-seklu 20 kien l-iktar wieħed imdemmi li qatt tniżżel fl-istorja.…Kien seklu li fih il-gwerer kważi ma qatgħu xejn, ħlief għal xi perijodi qosra li fihom ma kienx hemm xi gwerra jew oħra.” Rapport mill-Worldwatch Institute jistqarr: “Kien hemm tliet darbiet iktar nies li sfaw vittma tal-gwerra fis-seklu [20] milli kien hemm fil-gwerer kollha mill-ewwel seklu AD sa l-1899.” Iktar minn 100 miljun ruħ mietu minħabba l-gwerer mill-1914 ’l hawn. Avolja aħna stess inkunu nafu x’jiġifieri li titlef wieħed mill-maħbubin tiegħek kaġun tal-gwerra, xorta qatt ma nistgħu nimmaġinaw id-disprament u l-uġigħ ta’ qalb li ħassew dawk il-miljuni kollha li tilfu l-maħbubin tagħhom.

7“Ikun hemm nuqqas ta’ ikel.” (Mattew 24:7) Ir-riċerkaturi jgħidu li l-produzzjoni ta’ l-ikel żdiedet ħafna matul dawn l-aħħar 30 sena. Minkejja dan, xorta għad hawn nuqqas ta’ ikel għaliex ħafna nies m’għandhomx biżżejjed flus biex jixtru l-ikel jew l-art biex jikkultivawha. F’pajjiżi li qed jiżviluppaw, iktar minn biljun ruħ qed jgħixu b’ħamsa u tletin ċenteżmu jew inqas kuljum. Il-maġġuranza ta’ dawn in-nies ibatu l-ġuħ għomorhom kollu. L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tgħid li n-nuqqas ta’ ikel sustanzjuż hu l-kaġun ewlieni għall-mewt ta’ iktar minn ħames miljun tifel u tifla kull sena.

8“Ikun hemm terremoti kbar.” (Luqa 21:11) Skond l-Istħarriġ Ġeoloġiku ta’ l-Istati Uniti, mill-1990 ’l hawn huwa kalkulat li l-medja ta’ 17-il terremot li saru kull sena kienu b’saħħithom biżżejjed biex jagħmlu ħsara ’l-bini u jxaqqu l-art. U bejn wieħed u ieħor kull sena kien hemm terremoti b’saħħithom biżżejjed biex jikkaġunaw il-qerda totali tal-bini. Sors ieħor jistqarr: “It-terremoti ħadu mijiet t’eluf ta’ ħajjiet f’dawn l-aħħar 100 sena u t-titjib fit-teknoloġija ftit li xejn naqqas l-imwiet.”

9“Ikun hemm mard li jittieħed.” (Luqa 21:11) Minkejja l-progress fil-mediċina, l-umanità hija mifnija kemm bil-mard li ilu jolqot lill-umanità u kemm b’mard li qed jitfaċċa issa. Rapport wieħed jgħid li 20 marda magħrufa sew—inkluż it-tuberkulosi, il-malarja, u l-kolera—saru iktar u iktar komuni f’dawn l-aħħar snin, u xi tip ta’ mard qed isir iktar u iktar diffiċli biex jiġi kkurat permezz tal-mediċini. Fil-fatt, minn ta’ l-inqas tfaċċaw 30 marda ġdida. Xi wħud minnhom għadha ma nstabet ebda kura għalihom u huma fatali.

IN-NIES TA’ L-AĦĦAR JIEM

Ħafna jinjoraw il-gwida għaqlija li tinsab fil-Kelma t’Alla

10Minbarra li identifikat ċerti żviluppi dinjin, il-Bibbja bassret li waħda mill-affarijiet li kellhom jimmarkaw l-aħħar jiem kienet bidla fis-soċjetà umana. L-appostlu Pawlu ddeskriva kif kienu se jkunu l-maġġuranza tan-nies. Fit-2 Timotju 3:1-5 nsibu: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom.” Fost affarijiet oħra, Pawlu qal li n-nies kellhom ikunu

  • iħobbu lilhom infushom
  • iħobbu l-flus
  • diżubbidjenti lejn il-ġenituri
  • żleali
  • mingħajr imħabba naturali
  • mingħajr rażna
  • feroċi
  • iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla
  • ikollhom għamla ta’ devozzjoni lejn Alla imma ma jurux bil-fatti l-qawwa tagħha

11Saru hekk in-nies ta’ fejn toqgħod int? Ċertament li saru. Nies b’tendenzi ħżiena jinsabu kullimkien. Dan juri li Alla dalwaqt se jaġixxi, għax il-Bibbja tgħid: “Mqar jekk iħaddru bħall-ħaxix il-ħżiena, u jwarrdu dawk kollha li jagħmlu l-ħażen, lkoll għad jinqerdu għal dejjem.”—Salm 92:8 (92:7, NW).

ŻVILUPPI POŻITTIVI!

12L-aħħar jiem huma tabilħaqq mimlijin gwaj, eżatt bħalma bassret il-Bibbja. Madankollu, f’din id-dinja mimlija inkwiet hemm żviluppi pożittivi fost l-aduraturi ta’ Ġeħova.

“Din l-aħbar tajba tas-Saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha.”—Mattew 24:14

Xhieda ta’ Ġeħova jippritkaw l-aħbar tajba

13“L-għerf [veru] jiżdied,” bassar il-ktieb Bibliku ta’ Danjel. Meta kellu jiġri dan? Matul “żmien it-tmiem.” (Danjel 12:4, KŻ) Speċjalment mill-1914 ’l hawn, Ġeħova għen lil dawk li verament jixtiequ jaqduh biex il-fehma tagħhom tal-Bibbja tkompli tikber. Huma kabbru l-apprezzament tagħhom għall-veritajiet prezzjużi dwar l-isem u l-iskop t’Alla, is-sagrifiċċju ta’ fidwa ta’ Ġesù Kristu, il-kundizzjoni tal-mejtin, u l-irxoxt. Iktar minn hekk, l-aduraturi ta’ Ġeħova tgħallmu kif jgħixu ħajjithom b’mod li jkun ta’ benefiċċju għalihom u li jġib tifħir lil Alla. Huma kisbu wkoll fehma iktar ċara dwar l-irwol tas-Saltna t’Alla u kif din se tirranġa s-sitwazzjoni li hawn fuq l-art. Dawn x’jagħmlu b’dan l-għarfien? Din il-mistoqsija twassalna għal jerġa’ profezija oħra li qed titwettaq f’dawn l-aħħar jiem.

14“Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha,” qal Ġesù Kristu fil-profezija tiegħu dwar “tmiem is-sistema.” (Mattew 24:314) Madwar l-art kollha, l-aħbar tajba tas-Saltna—x’inhi s-Saltna, x’se tagħmel, u kif aħna nistgħu nirċievu l-barkiet tagħha—qed tiġi pridkata f’iktar minn 230 pajjiż u b’iktar minn 400 lingwa. Miljuni ta’ Xhieda ta’ Ġeħova qed jippridkaw bil-ħeġġa din l-aħbar tajba tas-Saltna. Huma jiġu minn “kull ġens u tribù u poplu u lsien.” (Rivelazzjoni 7:9) Ix-Xhieda jagħmlu studji tal-Bibbja fid-djar mingħajr ħlas lill-miljuni ta’ nies li jridu jsiru jafu dak li l-Bibbja tgħallem verament. Xi twettiq impressjonanti tal-profezija, speċjalment mindu Ġesù bassar li l-Kristjani veri kellhom ikunu “mibgħudin minn kulħadd”!—Luqa 21:17.

INT X’SE TAGĦMEL?

15Ladarba llum qed jitwettqu ħafna profeziji tal-Bibbja, ma taqbilx li aħna qed ngħixu fl-aħħar jiem? Wara li tixxandar l-aħbar tajba sakemm iridha Ġeħova, “it-tmiem” ċertament li se jiġi. (Mattew 24:14) “It-tmiem” ifisser iż-żmien meta Alla se jeħles l-art mill-ħażen. Biex jeqred lil dawk kollha li minn jeddhom jiħduha kontrih, Ġeħova se juża lil Ġesù u l-anġli setgħana. (2 Tessalonikin 1:6-9) Satana u d-demonji tiegħu m’humiex se jqarrqu iktar bil-ġnus. Wara dan, is-Saltna t’Alla se ġġib barkiet kbar fuq dawk kollha li jissottomettu ruħhom għall-ħakma ġusta tagħha.—Rivelazzjoni 20:1-3; 21:3-5.

16Ladarba t-tmiem tas-sistema ta’ Satana hu qrib, jeħtieġ li nistaqsu lilna nfusna, ‘X’suppost qed nagħmel?’ Hu għaqli li nkomplu nitgħallmu iktar dwar Ġeħova u dak li jeħtieġ minna. (Ġwanni 17:3) Studja l-Bibbja bis-serjetà. Ħudha drawwa li tiltaqa’ regolarment ma’ dawk li jfittxu li jagħmlu r-rieda t’Alla. (Ebrej 10:24, 25) Ikseb l-għarfien abbundanti li Alla Ġeħova għamel disponibbli għan-nies madwar id-dinja kollha, u agħmel il-bidliet meħtieġa f’ħajtek sabiex tkun tista’ tgawdi l-approvazzjoni t’Alla.—Ġakbu 4:8.

17Ġesù bassar li l-biċċa l-kbira min-nies kienu se jinjoraw l-evidenza li qed ngħixu fl-aħħar jiem. Il-qerda tal-ħżiena se tiġi f’daqqa u għal għarrieda. Bħal ħalliel bil-lejl, din se tiġi għal għarrieda fuq il-biċċa l-kbira min-nies. (1 Tessalonikin 5:2) Ġesù wissa: “Bħalma kienu jiem Noè, hekk tkun il-preżenza ta’ Bin il-bniedem. Għax bħalma f’dawk il-jiem qabel id-dilluvju kienu jieklu u jixorbu, irġiel jiżżewġu u nisa jingħataw fiż-żwieġ, sal-jum li Noè daħal fl-arka; u ma tawx kas sakemm ġie d-dilluvju u kinishom ilkoll, hekk tkun il-preżenza ta’ Bin il-bniedem.”—Mattew 24:37-39.

18Għalhekk, Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu: “Oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel u xorb żejjed u ansjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum jiġi fuqkom għal għarrieda bħal nassa. Għax jiġi fuq dawk kollha li jgħixu fuq wiċċ l-art kollha. Għalhekk, ibqgħu mqajmin u itolbu bil-ħerqa l-ħin kollu biex jirnexxilkom taħarbu minn dak kollu li għandu jseħħ u tieqfu quddiem Bin il-bniedem.” (Luqa 21:34-36) Tagħmel tajjeb jekk tieħu l-kliem ta’ Ġesù bis-serjetà. Għala? Għaliex dawk li jkollhom l-approvazzjoni t’Alla Ġeħova u ta’ “Bin il-bniedem,” Ġesù Kristu, għandhom il-prospett li jibqgħu ħajjin fit-tmiem tas-sistema ta’ Satana u li jgħixu għal dejjem fid-dinja l-ġdida meraviljuża li tant hi fil-qrib!—Ġwanni 3:16; 2 Pietru 3:13.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Is-Saltna t’Alla hija gvern tas-sema b’Ġesù Kristu bħala Sultan, u 144,000 se jittieħdu minn fost il-bnedmin biex isaltnu miegħu.—Rivelazzjoni 14:14.
  • Is-Saltna bdiet taħkem fl-1914, u minn dakinhar ’l hawn Satana ġie mwaddab mis-sema għal fuq l-art.—Rivelazzjoni 12:9.
  • Is-Saltna t’Alla dalwaqt se teqred il-gvernijiet tal-bnedmin, u l-art se ssir ġenna.—Rivelazzjoni 16:1416.

*  Għal informazzjoni li turi li Mikiel hu isem ieħor għal Ġesù Kristu, ara l-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. Fejn nistgħu nsiru nafu dwar il-futur?

2, 3. Id-dixxipli ta’ Ġesù liema mistoqsija staqsewh, u hu kif weġibhom?

4, 5. (a) X’ġara fis-sema ftit wara li Ġesù nħatar bħala Sultan? (b) Skond Rivelazzjoni 12:12, x’kellu jkun ir-riżultat tal-gwerra fis-sema?

6, 7. Il-kliem ta’ Ġesù dwar il-gwerer u n-nuqqas ta’ ikel kif qed jitwettaq illum?

8, 9. X’juri li l-profeziji ta’ Ġesù dwar it-terremoti u l-mard li jittieħed twettqu?

10. Liema tendenzi mbassrin fit-2 Timotju 3:1-5 tara fin-nies illum?

11. Salm 92:8 kif jiddeskrivi dak li se jiġri min-nies il-ħżiena?

12, 13. “L-għerf” veru kif żdied fi “żmien it-tmiem”?

14. Illum, safejn wasal l-ippridkar ta’ l-aħbar tajba tas-Saltna, u min qed ixandarha?

15. (a) Temmen li qed ngħixu fl-aħħar jiem, u għala? (b) X’se jkun ifisser “it-tmiem” għal dawk li jiħduha kontra Ġeħova u għal dawk li jissottomettu ruħhom għall-ħakma tas-Saltna t’Alla?

16. Xi jkun għaqli għalik li tagħmel?

17. Il-qerda tal-ħżiena għala se tiġi għal għarrieda fuq il-biċċa l-kbira min-nies?

18. Ġesù tana liema twissija li għandna niħduha bis-serjetà?