Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU TNAX

Ngħixu Kif Jogħġob ’l Alla

Ngħixu Kif Jogħġob ’l Alla

Kif tista’ ssir ħabib t’Alla?

L-isfida ta’ Satana b’liema mod tinvolvi lilek?

Kif tista’ Liema kondotta ma togħġobx lil Ġeħova?

tgħix b’mod li jogħġob ’l Alla?

X’TIP ta’ persuna kieku tagħżel bħala ħabib? Iktar iva milli le, int tkun trid tagħmilha ma’ xi ħadd li għandu l-istess opinjonijiet, interessi, u valuri li għandek int. U int se tinġibed lejn xi ħadd li għandu kwalitajiet mill-aħjar, bħalma huma l-onestà u l-qalb tajba.

2 Matul iż-żminijiet, Alla għażel ċerti nies biex ikunu l-ħbieb tal-qalb tiegħu. Per eżempju, Ġeħova lil Abraham sejjaħlu l-ħabib tiegħu. (Isaija 41:8; Ġakbu 2:23) Alla rrefera għal David bħala “raġel għal qalbi” għaliex hu kien it-tip ta’ persuna li kien iħobb Ġeħova. (Atti 13:22) U Ġeħova qies lill-profeta Danjel bħala xi ħadd “għażiż.”—Danjel 9:23.

3Ġeħova għala kien iqis lil Abraham, lil David, u lil Danjel bħala ħbiebu? Lil Abraham hu qallu: “Smajt minn kelmti.” (Ġenesi 22:18) Għalhekk, Ġeħova jersaq qrib lejn dawk li bl-umiltà kollha jagħmlu dak li jitlob minnhom. “Isimgħu minn kliemi,” hu qal lill-Iżraelin, “u jiena nkun Alla tagħkom, u intom tkunu l-poplu tiegħi.” (Ġeremija 7:23) Jekk tobdi lil Ġeħova, int ukoll tista’ ssir il-ħabib tiegħu!

ĠEĦOVA JSAĦĦAĦ LIL ĦBIEBU

4Aħseb ftit dwar xi tfisser ħbiberija m’Alla. Il-Bibbja tgħid li Ġeħova qed ifittex opportunitajiet biex “isaħħaħ lil dawk li qalbhom marbuta fis-sħiħ miegħu.” (2 Kronaki 16:9) Ġeħova kif jista’ jsaħħaħ lilek ? Mod wieħed jidher f’Salm 32:8, li jgħid hekk dwar Ġeħova: “Ngħallmek u nurik it-triq li għandek tieħu; nwissik, u nżomm għajnejja fuqek.”

5X’erba’ kelmiet li jmissulek qalbek u li juru kemm Ġeħova jieħu ħsiebek! Hu jagħtik il-pariri meħtieġa u jżomm għajnejh fuqek hekk kif tapplikahom. Alla jrid jgħinek biex jirnexxilek tgħaddi mill-provi u t-testijiet li jiġu fuqek. (Salm 55:23, 22, ) Għalhekk, jekk taqdi lil Ġeħova b’qalb sħiħa int tista’ tkun fiduċjuż bħas-salmista li qal: “Nżomm il-Mulej dejjem quddiemi, għax bih f’leminti qatt ma nitħarrek.” (Salm 16:8; 63:9 [63:8, NW]) Iva, Ġeħova jista’ jgħinek tgħix b’mod li jogħġob lilu. Imma bħalma taf, hemm għadu t’Alla li jixtieq iżommok milli tagħmel dan.

L-ISFIDA TA’ SATANA

6Kapitlu 11 ta’ dan il-ktieb spjega kif Satana x-Xitan sfida s-sovranità t’Alla. Satana akkuża lil Alla li kien qed jigdeb u ta x’jifhem li Ġeħova ma mexiex bil-fier meta ma ħalliex lil Adam u Eva jiddeċiedu għalihom infushom dak li kien tajjeb u ħażin. Wara li Adam u Eva dinbu u l-art bdiet timtela b’nisilhom, Satana qajjem dubju dwar il-motiv tal-bnedmin kollha. “In-nies ma jaqdux lil Alla għax iħobbuh,” akkuża Satana. “Jekk ningħata ċ-ċans, indawwar lil min irrid kontra Alla.” Ir-rakkont dwar ir-raġel jismu Ġob juri li Satana hekk kien jaħseb. Dan Ġob min kien, u kif kien involut fl-isfida ta’ Satana?

7Ġob għex madwar 3,600 sena ilu. Hu kien raġel tajjeb, għax Ġeħova qal: “Ma hawnx ieħor bħalu fid-dinja, raġel perfett u tajjeb, jibża’ minn Alla u mbiegħed mill-ħażen.” (Ġob 1:8) Ġob kien jogħġob ’l Alla.

8Satana qajjem dubju dwar il-motiv għala Ġob kien jaqdi lil Alla. Ix-Xitan qal lil Ġeħova: “Forsi int ma bnejtx ħajt madwaru [lil Ġob] u madwar daru, u madwar kull ma għandu kif iddur? Berikt kull ma għamlu jdejh, u ġidu kotor ma’ l-art kollha kemm hi. Imma midd idek u olqot kull ma għandu, u tara jekk jisħtekx f’wiċċek.”—Ġob 1:10, 11.

9Satana b’hekk sostna li Ġob kien jaqdi lil Alla sempliċement għal dak li seta’ jakkwista. Ix-Xitan allega wkoll li fi żmien ta’ prova, Ġob kien se jdur kontra Alla. Ġeħova kif wieġeb għall-isfida ta’ Satana? Ladarba l-kwistjoni kienet dwar il-motiv ta’ Ġob, Ġeħova ħalla lil Satana jġarrab lil Ġob. B’dan il-mod, kien se jidher ċar jekk Ġob kellux verament imħabba lejn Alla jew le.

ĠOB JIĠI MĠARRAB

10Satana ma damx ma ġab diversi provi fuq Ġob. Xi ftit mill-bhejjem ta’ Ġob insterqu u oħrajn inqatlu. Il-biċċa l-kbira mill-qaddejja tiegħu nqatlu. Dan ġab tbatija finanzjarja kbira. Traġedja oħra ġrat meta l-għaxar ulied ta’ Ġob mietu f’maltempata. Madankollu, minkejja dawn il-ġrajjiet terribbli, “Ġob ma dinibx u ma qalx dagħwa waħda kontra Alla.”—Ġob 1:22.

Ġob ġie premjat għax baqa’ leali

Ġob ġie premjat għall-korsa leali tiegħu

11Satana ma qatax qalbu. Dan x’aktarx ħaseb li għalkemm Ġob baqa’ jissaporti minkejja li kien tilef il-ġid materjali, il-qaddejja, u lil uliedu, hu kien se jiħodha kontra Alla jekk jimrad. Ġeħova ħalla lil Satana jġib marda moqżieża fuq Ġob li kkaġunatlu ħafna wġigħ. Imma saħansitra dan ma ġagħalx lil Ġob jitlef il-fidi f’Alla. Pjuttost, hu qal b’mod sod: “Insostni sa ma mmut is-sewwa [“l-integrità,” ] tiegħi.”—Ġob 27:5.

12Ġob ma kienx jaf li Satana kien il-kaġun tal-gwaj kollu tiegħu. Peress li ma kienx jaf id-dettalji dwar l-isfida li għamel ix-Xitan dwar is-sovranità ta’ Ġeħova, Ġob ħaseb li l-problemi tiegħu kien qed jibgħathomlu Alla. (Ġob 6:4; 16:11-14) Xorta waħda, hu żamm l-integrità tiegħu lejn Ġeħova. U l-fedeltà ta’ Ġob uriet li l-akkuża ta’ Satana li Ġob kien jaqdi lil Alla għal raġunijiet egoistiċi kienet falza!

13Permezz tal-fedeltà ta’ Ġob, Ġeħova seta’ jagħti tweġiba effettiva għall-isfida insolenti li għamillu Satana. Ġob kien tassew il-ħabib ta’ Ġeħova, u Alla ppremjah għal-lealtà li wera.—Ġob 42:12-17.

KIF INT INVOLUT

14Il-kwistjoni ta’ l-integrità lejn Alla li tqajmet minn Satana ma kinitx tinvolvi biss lil Ġob. Din tinvolvi anki lilek. Dan jidher ċar mill-Kelma ta’ Ġeħova fi Proverbji 27:11, li tgħid: “Kun għaref, ibni, u ferraħli qalbi, biex inkun nista’ nwieġeb lil min jgħajjarni.” Dan il-kliem, li nkiteb mijiet ta’ snin wara l-mewt ta’ Ġob, juri li Satana kien għadu qed jisfida lil Alla u jakkuża lill-qaddejja Tiegħu. Meta ngħixu ħajjitna b’mod li jogħġob lil Ġeħova, aħna nkunu fil-fatt qed ngħinu biex tingħata tweġiba għall-akkużi foloz ta’ Satana, u b’dan il-mod inkunu qed inferrħu qalb Ġeħova. Int kif tħossok dwar dan? M’hijiex xi ħaġa ta’ l-għaġeb li jkollok sehem f’li tagħti tweġiba għall-akkużi mimlijin gideb ta’ Satana, avolja forsi dan ikun ifisser li tagħmel ċerti bidliet f’ħajtek?

15Innota li Satana qal: “Il-bniedem jagħti kull ma jkollu għal ħajtu!” (Ġob 2:4, korsiv tagħna.) Meta Satana qal “il-bniedem,” hu kien qed jagħmilha ċara li l-akkuża tiegħu kienet tapplika mhux biss għal Ġob imma għall-bnedmin kollha. Dan hu punt importanti ħafna. Satana qajjem dubju dwar l-integrità tiegħek lejn Alla. Ix-Xitan jixtieq jarak ma tobdix lil Alla u tabbanduna t-triq it-tajba meta jinqalgħu d-diffikultajiet. Satana kif jista’ jwettaq dan?

16Bħalma ddiskutejna diġà f’Kapitlu 10, Satana juża diversi metodi biex jipprova jdawwar lin-nies kontra Alla. Minn banda, hu jattakka “bħal iljun jgħajjat, jipprova jibla’ lil xi ħadd.” (1 Pietru 5:8) B’hekk, l-influwenza ta’ Satana tista’ tidher meta xi ħbieb, qraba, jew oħrajn jopponu l-isforzi li tkun qed tagħmel biex tistudja l-Bibbja u tapplika dak li tkun qed titgħallem.* (Ġwanni 15:19, 20) Mill-banda l-oħra, Satana “jibqa’ jinbidel f’anġlu tad-dawl.” (2 Korintin 11:14) Ix-Xitan jista’ juża mezzi sottili biex jiżvijak u jħajrek titbiegħed mill-ħajja li togħġob lil Alla. Hu jista’ juża wkoll l-iskuraġġiment, forsi billi jġagħlek tħossok li m’intix tajjeb biżżejjed biex togħġob lil Alla. (Proverbji 24:10) Sew jekk Satana qed jaġixxi bħal “iljun jgħajjat” u sew jekk qed jagħmilha ta’ “anġlu tad-dawl,” l-isfida tiegħu tibqa’ l-istess: Hu jgħid li meta int tiffaċċja provi jew tentazzjonijiet, m’intix se tibqa’ taqdi lil Alla. Kif tista’ twieġeb l-isfida tiegħu u tagħti prova ta’ l-integrità tiegħek lejn Alla, bħalma għamel Ġob?

OBDI L-KMANDAMENTI TA’ ĠEĦOVA

17Int tista’ twieġeb għall-isfida ta’ Satana billi tgħix b’mod li jogħġob lil Alla. Dan x’jinvolvi? Il-Bibbja twieġeb: “Ħobb, mela, lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha.” (Dewteronomju 6:5) Hekk kif imħabbtek lejn Alla tkompli tikber, int se jkollok ix-xewqa li tagħmel dak li jitlob minnek. “L-imħabba t’Alla tfisser dan,” kiteb l-appostlu Ġwanni, “li nosservaw il-kmandamenti tiegħu.” Jekk tħobb lil Ġeħova b’qalbek kollha int se ssib li “l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.”—1 Ġwanni 5:3.

18X’inhuma l-kmandamenti ta’ Ġeħova? Xi wħud minnhom jinvolvu kondotta li rridu nevitaw. Per eżempju, innota l-kaxxa, bit-titlu “Evita Dak li Jobgħod Ġeħova.” Fiha se ssib imniżżel kondotta li l-Bibbja tikkundanna b’mod ċar. Mad-daqqa t’għajn, xi prattiċi li hemm imniżżlin fiha forsi ma jidhrux daqshekk ħżiena. Imma wara li timmedita fuq l-iskritturi ċitati, int x’aktarx li se tara kemm huma għaqlin il-liġijiet ta’ Ġeħova. Għandu mnejn li biex tagħmel il-bidliet fil-kondotta tiegħek se jkollok tiffaċċja l-akbar sfida li qatt kellek. Iżda, li tgħix ħajja li togħġob lil Alla jġib ħafna sodisfazzjon u ferħ. (Isaija 48:17, 18) U din hi xi ħaġa li tista’ tagħmilha. Dan kif nafuh?

EVITA DAK LI JOBGĦOD ĠEĦOVA

Żewġ membri ta’ grupp kriminali
Koppja jixorbu u jpejpu
Mara li tisraq

19Ġeħova qatt ma jitlobna nagħmlu iktar milli nifilħu. (Dewteronomju 30:11-14) Hu jaf x’kapaċi nagħmlu u x’inhuma l-limitazzjonijiet tagħna iktar milli nafuhom aħna stess. (Salm 103:14) Iktar minn hekk, Ġeħova jista’ jagħtina s-saħħa biex nobduh. L-appostlu Pawlu kiteb: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Korintin 10:13) Biex jgħinek tissaporti, Ġeħova jista’ saħansitra jagħtik “qawwa iktar min-normal.” (2 Korintin 4:7) Wara li ssaporta ħafna provi, Pawlu seta’ jgħid: “Għal kollox għandi s-saħħa permezz ta’ dak li jagħtini l-qawwa.”—Filippin 4:13

ŻVILUPPA KWALITAJIET LI JOGĦĠBU LIL ALLA

20M’għandniex xi ngħidu, biex togħġob lil Ġeħova ma tridx biss tobgħod dak li jobgħod hu. Jeħtieġ ukoll li tħobb dak li jħobb hu. (Rumani 12:9) Ma tħossokx tinġibed lejn dawk li għandhom l-istess opinjonijiet, interessi, u valuri tiegħek? Ġeħova hekk ukoll iħossu. Għalhekk, tgħallem ħobb l-affarijiet li huma għeżież għal Ġeħova. Xi wħud minnhom huma deskritti f’Salm 15:1-5, fejn naqraw dwar dawk li Alla jqishom bħala l-ħbieb tiegħu. Il-ħbieb ta’ Ġeħova juru dak li l-Bibbja ssejjaħlu “l-frott ta’ l-ispirtu.” Dan jinkludi kwalitajiet bħalma huma “l-imħabba, il-ferħ, il-paċi, is-sabar fit-tul, il-qalb tajba, it-tjubija, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażna.”—Galatin 5:22, 23.

21Il-qari u l-istudju tal-Bibbja regolarment se jgħinuk tiżviluppa kwalitajiet li jogħġbu lil Alla. U li titgħallem dwar dak li Alla jitlob minnek se jgħinek biex il-ħsibijiet tiegħek ikunu jaqblu mal-ħsibijiet t’Alla. (Isaija 30:20, 21) Iktar ma ssaħħaħ imħabbtek lejn Ġeħova, iktar se tkun kbira x-xewqa tiegħek li tgħix b’mod li jogħġob lilu.

22Jeħtieġ sforz biex tgħix b’mod li jogħġob lil Ġeħova. Il-Bibbja tagħmel paragun bejn li tbiddel ħajtek u li tinża’ l-personalità l-qadima u tilbes waħda ġdida. (Kolossin 3:9, 10) Imma rigward il-kmandamenti ta’ Ġeħova, is-salmista kiteb: “Ħlas tajjeb għandu min iħarishom.” (Salm 19:12, [19:11, NW]) Int ukoll se ssib li jekk tgħix ħajtek kif jogħġob lil Alla se jkollok barkiet kbar. B’hekk, int se twieġeb għall-isfida ta’ Satana u tferraħ qalb Ġeħova!

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA


*  Dan ma jfissirx li dawk li jopponuk huma kontrollati personalment minn Satana. Imma Satana hu l-alla ta’ din is-sistema dinjija, u d-dinja kollha qiegħda taħt idejh. (2 Korintin 4:4; 1 Ġwanni 5:19) Għalhekk, nistgħu nistennew li jekk tgħix ħajja li togħġob ’l Alla m’intix se tkun popolari, u xi wħud se jopponuk.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Agħti xi eżempji ta’ bnedmin li Ġeħova qieshom bħala l-ħbieb tal-qalb tiegħu.

3. Ġeħova għala jagħżel lil ċerti nies biex ikunu ħbieb tiegħu?

4, 5. Ġeħova kif qiegħed isaħħaħ lin-nies tiegħu?

6. Satana x’akkuża għamel dwar il-bnedmin?

7, 8. (a) Ġob għala spikka fost in-nies ta’ żmienu? (b) Satana kif qajjem dubju dwar il-motiv ta’ Ġob?

9. Ġeħova kif wieġeb għall-isfida ta’ Satana, u għala?

10. Liema provi ġew fuq Ġob u kif irreaġixxa?

11. (a) X’kienet it-tieni akkuża li Satana ġab kontra Ġob, u Ġeħova x’għamel? (b) Ġob kif irreaġixxa għal din il-marda li kkaġunatlu ħafna wġigħ?

12. Ġob kif wieġeb għall-isfida tax-Xitan?

13. X’ġara minħabba li Ġob kien leali lejn Alla?

14, 15. Għala nistgħu ngħidu li l-isfida ta’ Satana li tinvolvi lil Ġob tapplika għall-bnedmin kollha?

16. (a) Satana x’metodi juża biex jipprova jdawwar lin-nies kontra Alla? (b) Ix-Xitan kif jista’ juża dawn il-metodi kontrik?

17. X’inhi r-raġuni prinċipali għala nobdu l-kmandamenti ta’ Ġeħova?

18, 19. (a) X’inhuma xi ftit mill-kmandamenti ta’ Ġeħova? (Ara l-kaxxa.) (b) Kif nafu li Alla m’huwiex jitlob iktar milli nifilħu?

20. Liema kwalitajiet li jogħġbu lil Alla għandek tiżviluppa, u dawn għala huma importanti?

21. X’se jgħinek tiżviluppa kwalitajiet li jogħġbu lil Alla?

22. X’se twettaq jekk tgħix b’mod li jogħġob lil Alla?