Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

Min Hu Mikiel l-Arkanġlu?

Min Hu Mikiel l-Arkanġlu?

L-ESSERI spirtu msejjaħ Mikiel ma jissemmiex spiss fil-Bibbja. Madankollu, meta ssir referenza għal dan l-ispirtu, hu jkun qiegħed fl-azzjoni. Fil-ktieb ta’ Danjel, Mikiel qed jissara ma’ demonji mill-agħar; fl-ittra ta’ Ġuda qed jitlewwem ma’ Satana; u fil-ktieb ta’ Rivelazzjoni qed jiggwerra kontra Satana u d-demonji tiegħu. Billi jiddefendi l-ħakma ta’ Ġeħova u jiġġieled kontra l-għedewwa t’Alla, Mikiel jgħix fi qbil mat-tifsira ta’ ismu—“Min Hu bħal Alla?” Imma Mikiel min hu?

Xi drabi, in-nies huma magħrufa b’iktar minn isem wieħed. Per eżempju, il-patrijarka Ġakobb huwa magħruf ukoll bħala Iżrael, u l-appostlu Pietru bħala Xmun. (Ġenesi 49:1, 2; Mattew 10:2) Bl-istess mod, il-Bibbja tindika li Mikiel huwa isem ieħor għal Ġesù Kristu, qabel u wara l-ħajja tiegħu fuq l-art. Ejja nikkunsidraw raġunijiet Skritturali għala wasalna għal din il-konklużjoni.

Arkanġlu. Il-Kelma t’Alla tirreferi għal Mikiel “l-arkanġlu.” (Ġuda 9) Dan it-terminu jfisser “kap fuq l-anġli.” Innota li Mikiel jissejjaħ l-arkanġlu. Dan jagħtina x’nifhmu li jeżisti anġlu wieħed biss bħalu. Fil-fatt, it-terminu “arkanġlu” jidher fil-Bibbja fis-singular biss, u qatt fil-plural. Barra minn hekk, Ġesù huwa assoċjat mal-kariga t’arkanġlu. Dwar il-Mulej Ġesù Kristu rxoxtat, l-1 Tessalonikin 4:16 jistqarr: “Il-Mulej stess jinżel mis-sema b’sejħa ta’ kmand, b’leħen t’arkanġlu.” Għalhekk, leħen Ġesù huwa deskritt bħala li huwa dak t’arkanġlu. Din l-iskrittura b’hekk tagħtina x’nifhmu li Ġesù nnifsu huwa Mikiel l-arkanġlu.

Mexxej t’Armata. Il-Bibbja tistqarr li “Mikiel u l-anġli tiegħu tqabdu mad-dragun…u l-anġli tiegħu.” (Rivelazzjoni 12:7) B’hekk, Mikiel huwa l-Mexxej t’armata t’anġli leali. Rivelazzjoni jiddeskrivi wkoll lil Ġesù bħala l-Mexxej t’armata t’anġli leali. (Rivelazzjoni 19:14-16) Ukoll, l-appostlu Pawlu jsemmi speċifikament lill-“Mulej Ġesù” u “l-anġli setgħana tiegħu.” (2 Tessalonikin 1:7) Mela l-Bibbja titkellem kemm dwar Mikiel u “l-anġli tiegħu” u kemm dwar Ġesù u “l-anġli tiegħu.” (Mattew 13:41; 16:27; 24:31; 1 Pietru 3:22) Ladarba l-Kelma t’Alla ma turi mkien li hemm żewġ armati t’anġli leali fis-sema—waħda mmexxija minn Mikiel u l-oħra mmexxija minn Ġesù—huwa loġiku li nikkonkludu li Mikiel m’huwa ħadd ħlief Ġesù Kristu fl-irwol li għandu fis-sema.*


*  Iktar informazzjoni rigward il-fatt li isem Mikiel japplika għall-Iben t’Alla tidher fit-tieni Volum, paġni 393-4, ta’ l-Insight on the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

← Ara r-referenza tal-kapitlu