Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU ERBATAX

Kif Tista’ Tagħmel il-Ħajja tal-Familja Tiegħek Hienja

Kif Tista’ Tagħmel il-Ħajja tal-Familja Tiegħek Hienja

X’hemm bżonn biex raġel jaġixxi tajjeb ma’ martu?

Mara kif tista’ timxi kif jixraq ma’ żewġha?

X’jinvolvi li tkun ġenitur tajjeb?

It-tfal kif jistgħu jgħinu biex jagħmlu l-ħajja tal-familja hienja?

ALLA ĠEĦOVA jrid li l-ħajja tal-familja tiegħek tkun hienja. Il-Kelma tiegħu, il-Bibbja, tipprovdi gwida għal kull membru tal-familja, u tiddeskrivi l-irwol li Alla jrid li jwettaq kull membru. Meta l-membri tal-familja jwettqu l-irwol tagħhom fi qbil mal-parir t’Alla, ir-riżultati jkunu sodisfaċenti ħafna. Ġesù qal: “Henjin dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jħarsuha!”—Luqa 11:28.

2 L-hena fil-familja jiddependi prinċipalment milli aħna nirrikonoxxu li dak li oriġina l-familja hu Ġeħova, il-wieħed li Ġesù sejjaħlu “Missierna.” (Mattew 6:9) Kull familja fuq l-art teżisti permezz ta’ Missierna tas-sema—u hu ċertament jaf x’inhu dak li jagħmel lill-familji henjin. (Efesin 3:14, 15) Għalhekk, il-Bibbja x’tgħallem dwar l-irwol ta’ kull membru tal-familja?

IL-FAMILJA ORIĠINAT MINN ALLA

3Ġeħova ħalaq l-ewwel bnedmin, Adam u Eva, u għaqqadhom flimkien bħala raġel u mara miżżewġin. Hu poġġiehom f’dar ġenna mill-isbaħ hawn fuq l-art—il-ġnien ta’ l-Għeden—u qalilhom biex ikollhom it-tfal. “Nisslu u oktru, u imlew l-art,” qalilhom Ġeħova. (Ġenesi 1:26-28; 2:18, 21-24) Din m’hijiex sempliċement xi storja jew ħrafa, għax Ġesù wera li dak li hemm miktub f’Ġenesi dwar il-bidu tal-ħajja tal-familja huwa minnu. (Mattew 19:4, 5) Għalkemm niffaċċjaw ħafna problemi u l-ħajja issa m’hijiex bħalma Alla kellu l-iskop li tkun, ejja naraw għala l-hena fil-familja huwa possibbli.

4Kull membru tal-familja jista’ jgħin biex il-ħajja tal-familja tkun hienja billi jimita l-mod kif Alla juri l-imħabba. (Efesin 5:1, 2) Iżda, kif nistgħu nimitaw lil Alla, ladarba lanqas biss nistgħu narawh? Nistgħu nitgħallmu kif Ġeħova jaġixxi għax hu bagħat lill-ewwel Iben imwieled tiegħu mis-sema għal fuq l-art. (Ġwanni 1:1418) Meta kien fuq l-art, dan l-Iben, Ġesù Kristu, tant imitah tajjeb lil Missieru tas-sema li min kien jara u jisma’ lil Ġesù kien daqslikieku qed jara u jisma’ lil Ġeħova. (Ġwanni 14:9) Għalhekk, meta nitgħallmu dwar l-imħabba li wera Ġesù u nimxu fuq l-eżempju tiegħu, kull wieħed minna jista’ jgħin biex il-ħajja tal-familja jagħmilha iktar hienja.

EŻEMPJU GĦALL-IRĠIEL MIŻŻEWĠIN

5Il-Bibbja tgħid li l-irġiel għandhom jittrattaw lin-nisa tagħhom bl-istess mod li Ġesù jittratta lid-dixxipli tiegħu. Ikkunsidra liema direzzjoni tagħti l-Bibbja: “Irġiel, komplu ħobbu lin-nisa tagħkom, bħalma l-Kristu wkoll ħabb lill-kongregazzjoni u ta lilu nnifsu għaliha…L-irġiel b’dan il-mod għandhom iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess. Min iħobb lil martu jħobb lilu nnifsu, għax ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu, bħalma l-Kristu jagħmel ukoll lill-kongregazzjoni.”Efesin 5:23, 25-29.

6L-imħabba ta’ Ġesù lejn il-kongregazzjoni tiegħu ta’ dixxipli hija eżempju perfett għall-irġiel miżżewġin. Ġesù “baqa’ jħobbhom sa l-aħħar,” billi ssagrifika ħajtu għalihom, avolja kienu imperfetti. (Ġwanni 13:1; 15:13) Bl-istess mod l-irġiel jiġu mħeġġin: “Ibqgħu ħobbu lin-nisa tagħkom u tkunux ħorox magħhom.” (Kolossin 3:19) X’se jgħin lil raġel miżżewweġ biex japplika dan il-parir, speċjalment jekk martu xi kultant tonqos li taġixxi bl-għaqal? Hu għandu jiftakar fl-iżbalji tiegħu stess u f’dak li jrid jagħmel biex jaqla’ l-maħfra mingħand Alla. Xi jrid jagħmel? Hu jrid jaħfer lil dawk li jidinbu kontrih, u dan jinkludi lil martu. M’għandniex xi ngħidu, hi għandha tagħmel l-istess ħaġa. (Mattew 6:12, 14, 15) Qiegħed tinduna għala xi wħud jgħidu li żwieġ ta’ suċċess hu l-unjoni ta’ tnejn li jkunu lesti li jaħfru?

7L-irġiel miżżewġin jagħmlu tajjeb ukoll li jinnotaw li Ġesù dejjem wera konsiderazzjoni lejn id-dixxipli tiegħu. Hu kkunsidra l-limitazzjonijiet u l-bżonnijiet fiżiċi tagħhom. Per eżempju, meta kienu għajjenin hu qal: “Ejjew waħedkom f’post imwarrab u strieħu ftit.” (Marku 6:30-32) In-nisa wkoll jixirqilhom li żwieġhom juruhom konsiderazzjoni. Il-Bibbja tiddeskrivihom bħala “reċipjent iktar dgħajjef” li żwieġhom huma kmandati biex ‘jonorawhom.’ Għala? Għaliex sew l-irġiel u sew in-nisa huma werrieta tal-“favur mhux mistħoqq tal-ħajja.” (1 Pietru 3:7) L-irġiel għandhom jiftakru li hija l-fedeltà li tagħmel lil dak li jkun prezzjuż f’għajnejn Alla u mhux jekk huwiex raġel jew mara.—Salm 101:6, Saydon.

8Il-Bibbja tgħid li raġel li “jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu.” Dan hu għaliex raġel u martu “m’għadhomx iżjed tnejn, imma ġisem wieħed,” bħalma wera Ġesù. (Mattew 19:6) Għalhekk, għandu jkollhom interess sesswali f’xulxin biss. (Proverbji 5:15-21; Ebrej 13:4) Dan jistgħu jagħmluh jekk ma jkunux egoisti u jkunu konċernati dwar li jissodisfaw il-bżonnijiet ta’ xulxin. (1 Korintin 7:3-5) Din it-tfakkira hi ta’ min jinnotaha: “Ebda bniedem qatt ma bagħad lil ġismu stess; imma jitimgħu u jgħożżu.” L-irġiel jeħtieġ li jħobbu n-nisa tagħhom bħalma jħobbu lilhom infushom, u jiftakru li huma jridu jagħtu kont lill-kap tagħhom stess, Ġesù Kristu.—Efesin 5:29; 1 Korintin 11:3.

9L-appostlu Pawlu tkellem dwar ‘l-affezzjoni tenera li għandu Kristu Ġesù.’ (Filippin 1:8) It-tenerezza ta’ Ġesù kienet kwalità rifreskanti li n-nisa li saru dixxipli tiegħu tant kienet tiġbidhom lejh. (Ġwanni 20:1, 11-1316) U n-nisa jixxennqu għall-affezzjoni tenera ta’ żwieġhom.

EŻEMPJU GĦAN-NISA MIŻŻEWĠIN

10Familja hija organizzazzjoni, u biex taħdem tajjeb għandha bżonn kap. Anki Ġesù hu sottomess lejn Wieħed li hu l-Kap tiegħu. “Il-kap tal-Kristu hu Alla,” sewwasew bħalma “l-kap tal-mara hu r-raġel.” (1 Korintin 11:3) Is-sottomissjoni ta’ Ġesù lejn Alla bħala l-kap tiegħu hija eżempju mill-aħjar għalina, ladarba lkoll kemm aħna għandna kap li rridu nissottomettu ruħna lejh.

11Irġiel imperfetti jagħmlu l-iżbalji u spiss m’humiex kapijiet ideali tal-familja. Għalhekk, mara miżżewġa x’għandha tagħmel? Din m’għandhiex tmaqdar dak li jagħmel żewġha jew tipprova tkun hi l-kap. Il-mara għandha tiftakar li f’għajnejn Alla, spirtu kwiet u ġwejjed hu imprezzabbli. (1 Pietru 3:4) Meta turi spirtu bħal dan, hi se ssibha iktar faċli li turi s-sottomissjoni li togħġob lil Alla, anki f’ċirkustanzi diffiċli. Barra minn hekk, il-Bibbja tgħid: “Il-mara għandu jkollha rispett profond lejn żewġha.” (Efesin 5:33) Imma xi ngħidu jekk hu ma jaċċettax lil Kristu bħala l-Kap tiegħu? Il-Bibbja tħeġġeġ lin-nisa: “Kunu sottomessi lejn żwieġkom, sabiex, jekk xi wħud ma jkunux ubbidjenti lejn il-kelma, dawn jintrebħu mingħajr ebda kelma permezz tal-kondotta tan-nisa tagħhom, għax ikunu raw b’għajnejhom stess il-kondotta safja tagħkom flimkien mar-rispett profond.”1 Pietru 3:1, 2.

X’eżempju mill-aħjar ipprovdiet Sara għan-nisa miżżewġin?

Sara titkellem ma’ Abraham

12Sew jekk żewġha jkun ta’ l-istess twemmin u sew jekk ma jkunx, mara ma tkunx qed turi nuqqas ta’ rispett jekk hi bit-tattika tesprimi opinjoni differenti minn dik ta’ żewġha. L-opinjoni tagħha tista’ tkun korretta, u l-familja tagħha kollha tkun tista’ tibbenefika jekk jisimgħu minnha. Għalkemm Abraham ma qabilx ma’ martu, Sara, meta din issuġġeriet soluzzjoni prattika għal ċerta problema fil-familja, Alla qallu: “Isma’ minn kliemha.” (Ġenesi 21:9-12) M’għandniex xi ngħidu, meta raġel jasal għal deċiżjoni li m’hijiex kontra l-liġi t’Alla, martu għandha turi s-sottomissjoni tagħha billi tappoġġah.—Atti 5:29; Efesin 5:24.

13Mara tista’ twettaq l-irwol tagħha li tieħu ħsieb il-familja b’ħafna modi. Per eżempju, il-Bibbja turi li n-nisa miżżewġin għandhom “iħobbu lil żwieġhom, iħobbu lil uliedhom, ikunu moħħhom f’loku, safjin, ħaddiema fid-dar, tajbin, sottomessi lejn żwieġhom.” (Titu 2:4, 5) Meta mara miżżewġa u omm taġixxi b’dan il-mod, hi se tikseb l-imħabba u r-rispett tal-familja tagħha. (Proverbji 31:1028) Iżda, minħabba li ż-żwieġ hu unjoni bejn żewġ individwi imperfetti, jista’ jagħti l-każ li ċerti ċirkustanzi estremi jwasslu għas-separazzjoni jew divorzju. Il-Bibbja tippermetti s-separazzjoni f’ċerti ċirkustanzi. Madankollu, is-separazzjoni hija kwistjoni serja, għax il-Bibbja twissi: “Il-mara m’għandhiex tinfired minn żewġha;…u r-raġel m’għandux jitlaq lil martu.” (1 Korintin 7:10, 11) U l-unika bażi Skritturali għad-divorzju hija ż-żína minn xi ħadd mill-imseħbin fiż-żwieġ.—Mattew 19:9.

EŻEMPJU PERFETT GĦALL-ĠENITURI

14Ġesù ta eżempju perfett lill-ġenituri bil-mod kif hu ttratta lit-tfal. Meta oħrajn ipprovaw iżommu t-tfal żgħar milli jmorru għand Ġesù, hu qal: “Ħallu t-tfal żgħar jiġu għandi; tipprovawx twaqqfuhom.” Il-Bibbja tgħid li hu mbagħad “ħaddan it-tfal miegħu u beda jberikhom waqt li jpoġġi idejh fuqhom.” (Marku 10:13-16) Ladarba Ġesù ddedika l-ħin għaż-żgħar, m’għandikx int tiddedika ħin għal uliedek stess? Huma mhux ftit tal-ħin ’l hemm u ’l hawn għandhom bżonn imma ħafna u ħafna mill-ħin tiegħek. Għandek bżonn tieħu l-ħin biex tgħallimhom, għaliex Ġeħova hekk jikkmandahom jagħmlu lill-ġenituri.—Dewteronomju 6:4-9.

Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-mod kif Ġesù ttratta lit-tfal?

1. Ġesù jkellem lil tfal; 2. Missier ikellem lil ibnu

15Hekk kif din id-dinja tkompli teħżien dejjem iktar, it-tfal għandhom bżonn il-ġenituri biex jipproteġuhom minn dawk li jridu jagħmlulhom il-ħsara, bħalma huma dawk li jabbużaw sesswalment mit-tfal. Ikkunsidra kif Ġesù pproteġa lid-dixxipli tiegħu, li b’affezzjoni sejħilhom “uliedi ċkejknin.” Meta ġie arrestat biex jinqatel ftit wara, Ġesù sab mezz kif huma jkunu jistgħu jaħarbu. (Ġwanni 13:33; 18:7-9) Bħala ġenitur, jeħtieġ li toqgħod b’seba’ għajnejn għall-attentati tax-Xitan biex jagħmel ħsara liż-żgħar tiegħek. Jeħtieġ li twissihom minn qabel.* (1 Pietru 5:8) Qatt qabel ma kienet mhedda daqshekk is-sigurtà fiżika, spiritwali, u morali tagħhom.

16Fil-lejl ta’ qabel ma miet Ġesù, id-dixxipli tiegħu argumentaw bejniethom dwar min kien l-akbar fosthom. Minflok ma beda jirrabja magħhom, Ġesù bi mħabba kompla jilħqilhom qalbhom bil-kliem u bl-eżempju. (Luqa 22:24-27; Ġwanni 13:3-8) Jekk int ġenitur, qed tara kif tista’ ssegwi l-eżempju ta’ Ġesù fil-mod kif tikkoreġi lil uliedek? Veru li huma għandhom bżonn id-dixxiplina, imma din għandha tingħata ‘skond ma jkun ħaqqhom’ u qatt m’għandha tingħata fir-rabja. Int ma tridx tgħid dak li jiġi għal ilsienek, bi kliem li jkun “jinfed bħal sejf.” (Ġeremija 30:11; Proverbji 12:18) Id-dixxiplina għandha tingħata b’tali mod li wliedek iktar tard se jaraw kemm kienet verament xierqa.—Efesin 6:4; Ebrej 12:9-11.

EŻEMPJU GĦAT-TFAL

17Jistgħu t-tfal jitgħallmu minn Ġesù? Iva, jistgħu! Bl-eżempju tiegħu stess, Ġesù wera kif it-tfal għandhom jobdu lill-ġenituri tagħhom. “Skond kif għallimni l-Missier,” hu qal, ‘dan ngħid.’ Hu żied: “[Jien] dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġwanni 8:28, 29) Ġesù kien ubbidjenti lejn Missieru tas-sema, u l-Bibbja tgħid lit-tfal biex jobdu lill-ġenituri tagħhom. (Efesin 6:1-3) Għalkemm Ġesù kien tifel perfett, hu obda lil Ġużeppi u Marija, il-ġenituri umani tiegħu li kienu imperfetti. Żgur li dan ġab l-hena lil kull membru tal-familja ta’ Ġesù!—Luqa 2:4, 5, 51, 52.

18Jistgħu t-tfal isibu modi kif jimitaw iktar lil Ġesù u jferrħu lill-ġenituri tagħhom? Veru, xi kultant iż-żgħar għandhom mnejn isibuha diffiċli li jobdu lill-ġenituri tagħhom, imma Alla hekk iridhom jagħmlu. (Proverbji 1:8; 6:20) Ġesù dejjem obda lil Missieru tas-sema, anki f’ċirkustanzi diffiċli. Darba, meta Alla ried lil Ġesù jagħmel xi ħaġa verament diffiċli, Ġesù qal: “Warrab minni dan il-kies [dak li qallu biex jagħmel].” Minkejja dan, Ġesù għamel dak li Alla talab minnu għaliex irrealizza li Missieru kien jaf x’kien l-aħjar għalih. (Luqa 22:42) Meta t-tfal jitgħallmu jobdu, huma jkunu qed iferrħu ħafna lill-ġenituri tagħhom u lil Missierhom tas-sema.#Proverbji 23:22-25.

Iż-żgħażagħ dwar xiex għandhom jaħsbu meta jkollhom it-tentazzjonijiet?

Tifel jirrifjuta tentazzjoni minn sħabu tal-klassi

19La x-Xitan ittanta lil Ġesù, nistgħu nibqgħu ċerti li hu se jittanta wkoll liż-żgħar biex jagħmlu dak li hu ħażin. (Mattew 4:1-10) Satana x-Xitan juża l-pressjoni minn dawk ta’ mparhom, u din tista’ tkun iebsa ħafna biex jirreżistuha. Mela, kemm hu vitali li t-tfal ma jagħmluhiex ma’ dawk li jagħmlu l-ħażin! (1 Korintin 15:33) Dina, bint Ġakobb, kienet tagħmilha ma’ dawk li ma kinux iqimu lil Ġeħova, u minħabba f’hekk inqala’ ħafna inkwiet. (Ġenesi 34:1, 2) Aħseb ftit kemm niket se jġib fuq il-familja tiegħu jekk membru wieħed jinvolvi ruħu fl-immoralità sesswali!—Proverbji 17:2125.

IL-QOFOL TA’ L-HENA FIL-FAMILJA

20Il-membri tal-familja jistgħu jkampaw iktar faċilment mal-problemi meta japplikaw il-pariri tal-Bibbja. Fil-fatt, il-qofol ta’ l-hena fil-familja jiddependi milli jiġu applikati l-pariri tal-Bibbja. Għalhekk irġiel, ħobbu l-mara tagħkom, u ittrattawha kif Ġesù jittratta l-kongregazzjoni tiegħu. Nisa, issottomettu ruħkom lejn żwieġkom bħala l-kap tagħkom, u segwu l-eżempju tal-mara kapaċi li hi deskritta fi Proverbji 31:10-31. Ġenituri, ħarrġu lil uliedkom. (Proverbji 22:6) Missirijiet, ‘ippresiedu fuq dawk ta’ darkom bl-aħjar mod.’ (1 Timotju 3:4, 5; 5:8) U intom tfal, obdu lill-ġenituri tagħkom. (Kolossin 3:20) Ħadd fil-familja m’hu perfett, għax ilkoll nagħmlu l-iżbalji. Għalhekk, kunu umli, u itolbu maħfra lil xulxin.

21Verament, il-Bibbja fiha abbundanza ta’ tagħlim u pariri siewja rigward il-ħajja tal-familja. Iktar minn hekk, tgħallimna dwar id-dinja ġdida t’Alla u art magħmula ġenna mimlija b’nies henjin li jqimu lil Ġeħova. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Xi prospetti ta’ l-għaġeb hemm quddiemna! Saħansitra minn issa, aħna nistgħu ngawdu ħajja tal-familja hienja billi napplikaw l-istruzzjonijiet t’Alla li nsibu fil-Kelma tiegħu, il-Bibbja.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • L-irġiel miżżewġin jeħtieġ li jħobbu n-nisa tagħhom bħal ġisimhom stess.—Efesin 5:25-29.
  • In-nisa miżżewġin għandhom iħobbu l-familja tagħhom u jirrispettaw lil żwieġhom.—Titu 2:4, 5.
  • Il-ġenituri għandhom bżonn iħobbu, jgħallmu, u jipproteġu lil uliedhom.—Dewteronomju 6:4-9.
  • It-tfal jeħtieġ li jobdu lill-ġenituri tagħhom.—Efesin 6:1-3.

*  Għajnuna biex tipproteġi lil uliedek tinsab f’kapitlu 32 tal-ktieb Tgħallem mill-Għalliem il-Kbir, pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

#  Huwa biss f’każ li l-ġenituri jitolbu ’l uliedhom biex jiksru l-liġi t’Alla li t-tfal ikun xieraq li ma jobduhomx.—Atti 5:29.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. X’inhu l-qofol għal ħajja tal-familja hienja?

2. L-hena fil-familja jiddependi milli aħna nirrikonoxxu liema ħaġa?

3. Il-Bibbja kif tiddeskrivi l-bidu tal-familja umana, u għala nafu li dak li tgħid huwa minnu?

4. (a) Kull membru tal-familja kif jista’ jagħti sehmu biex din tkun waħda hienja? (b) Il-fatt li nistudjaw dwar il-ħajja ta’ Ġesù għala hu daqshekk importanti għall-hena fil-familja?

5, 6. (a) Il-mod kif Ġesù jittratta l-kongregazzjoni kif inhu t’eżempju għall-irġiel miżżewġin? (b) Xi jrid isir biex wieħed jikseb il-maħfra tad-dnubiet?

7. Ġesù x’kien jikkunsidra, u dan kif inhu t’eżempju għall-irġiel?

8. (a) Kif inhu li raġel li “jħobb lil martu jħobb lilu nnifsu”? (b) Biex raġel u mara jkunu “ġisem wieħed” x’jeħtieġ li jagħmlu?

9. Liema kwalità ta’ Ġesù tissemma f’Filippin 1:8, u għala għandhom l-irġiel juru din il-kwalità man-nisa tagħhom?

10. Ġesù kif jipprovdi eżempju għan-nisa miżżewġin?

11. Liema attitudni għandu jkollha mara lejn żewġha, u x’effett jista’ jkollha l-imġiba tagħha?

12. Għala m’huwiex ħażin li mara tesprimi l-opinjonijiet tagħha bir-rispett?

13. (a) Titu 2:4, 5 xi jħeġġiġhom biex jagħmlu lin-nisa miżżewġin? (b) Il-Bibbja x’tgħid dwar is-separazzjoni u d-divorzju?

14. Ġesù kif ittrattahom lit-tfal, u dawn x’jeħtieġu mingħand il-ġenituri?

15. Il-ġenituri x’jistgħu jagħmlu biex jipproteġu lil uliedhom?

16. Il-ġenituri x’jistgħu jitgħallmu mill-mod kif Ġesù ttratta l-imperfezzjonijiet tad-dixxipli tiegħu?

17. Ġesù b’liema modi kien t’eżempju perfett għat-tfal?

18. Ġesù għala obda dejjem lil Missieru tas-sema, u t-tfal lil min ikunu qed iferrħu meta jobdu lill-ġenituri tagħhom illum?

19. (a) Satana kif jittantahom lit-tfal? (b) X’effett jista’ jkollha fuq il-ġenituri l-imġiba ħażina ta’ wliedhom?

20. Biex ingawdu ħajja tal-familja hienja, x’għandu bżonn jagħmel kull membru tal-familja?

21. Liema prospetti ta’ l-għaġeb jinsabu quddiemna, u kif nistgħu ngawdu ħajja tal-familja hienja issa?