Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

Jum il-Ġudizzju—X’Inhu?

Jum il-Ġudizzju—X’Inhu?

KIF timmaġinah Jum il-Ġudizzju? Ħafna jaħsbu li biljuni ta’ nies se jittieħdu wieħed wieħed quddiem it-tron t’Alla. Hemmhekk, isir ġudizzju għal kull individwu. Xi wħud se jiġu premjati bi premju fis-sema, u oħrajn se jiġu kundannati għal turment etern. Madankollu, il-Bibbja tpinġi stampa differenti mhux ħażin ta’ dan il-perijodu ta’ żmien. Il-Kelma t’Alla turi li dan m’huwiex żmien ta’ biża’, imma żmien ta’ tama u tiġdid.

F’Rivelazzjoni 20:11, 12, naqraw id-deskrizzjoni ta’ l-appostlu Ġwanni dwar Jum il-Ġudizzju: “Rajt tron kbir abjad u lil dak li kien bil-qiegħda fuqu. Minn quddiemu ħarbu l-art u s-sema, u ma nstabx post għalihom. U rajt il-mejtin, il-kbar u ż-żgħar, weqfin quddiem it-tron, u nfetħu r-rombli. U nfetaħ romblu ieħor, ir-romblu tal-ħajja. U l-mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-rombli skond l-għemejjel tagħhom.” Min hu l-Imħallef deskritt hawnhekk?

Alla Ġeħova huwa l-Imħallef suprem ta’ l-umanità. Madankollu hu jiddelega x-xogħol attwali ta’ l-iġġudikar. Skond Atti 17:31, l-appostlu Pawlu qal li Alla “stabbilixxa jum li fih bi ħsiebu jiġġudika l-art abitata fis-sewwa permezz ta’ bniedem li ħatar.” Dan l-Imħallef maħtur huwa Ġesù Kristu rxoxtat. (Ġwanni 5:22) Allura Jum il-Ġudizzju meta jibda? Kemm idum?

Il-ktieb ta’ Rivelazzjoni juri li Jum il-Ġudizzju jibda wara l-gwerra t’Armageddon, meta s-sistema li Satana għandu fuq l-art se tkun meqruda.* (Rivelazzjoni 16:1416; 19:19-20:3) Wara Armageddon, Satana u d-demonji tiegħu se jiġu maqfula f’abbiss għal elf sena. Matul dak iż-żmien, il-144,000 werrieta bi sħab se jkunu mħallfin u se ‘jsaltnu mal-Kristu għal elf sena.’ (Rivelazzjoni 14:1-3; 20:1-4; Rumani 8:17) Jum il-Ġudizzju m’huwiex xi ġrajja mgħaġġla li ddum 24 siegħa biss. Dan idum elf sena.

Matul il-perijodu t’elf sena, Ġesù Kristu se “jiġġudika l-ħajjin u l-mejtin.” (2 Timotju 4:1) “Il-ħajjin” se jkunu l-“folla kbira” li jibqgħu ħajjin wara Armageddon. (Rivelazzjoni 7:9-17) L-appostlu Ġwanni ra wkoll “il-mejtin…weqfin quddiem it-tron” tal-ġudizzju. Bħalma wiegħed Ġesù, “dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu leħnu u joħorġu” permezz ta’ rxoxt. (Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15) Imma fuq liema bażi se jiġi ġudikat kulħadd?

Skond il-viżjoni ta’ l-appostlu Ġwanni, “infetħu r-rombli,” u “l-mejtin ġew ġudikati fuq dak li kien miktub fir-rombli skond l-għemejjel tagħhom.” Fihom dawn ir-rombli r-rekord ta’ l-għemejjel tal-passat ta’ dawn in-nies? Le, il-ġudizzju mhux se jiffoka fuq dak li n-nies għamlu qabel ma mietu. Dan kif nafuh? Il-Bibbja tgħid: “Min miet inħeles mid-dnub.” (Rumani 6:7) Għalhekk, dawk li rxoxtaw ġew lura għall-ħajja b’folja ġdida, biex ngħidu hekk. Ir-rombli b’hekk għandhom jirrappreżentaw iktar ħtiġijiet minn Alla. Sabiex jgħixu għal dejjem, kemm dawk li jibqgħu ħajjin wara Armageddon u kemm dawk irxoxtati se jkollhom jobdu l-kmandamenti t’Alla, fosthom kwalunkwe ħtiġijiet ġodda li Ġeħova jista’ jirrivela matul l-elf sena. Għaldaqstant, l-individwi se jiġu ġudikati fuq il-bażi ta’ dak li jagħmlu matul Jum il-Ġudizzju.

Jum il-Ġudizzju se jagħti l-ewwel opportunità lil miljuni ta’ nies biex jitgħallmu dwar ir-rieda t’Alla u biex iżommu magħha. Dan ifisser li se jkun hemm xogħol edukattiv fuq skala kbira. Iva, “in-nies tad-dinja jitgħallmu l-ġustizzja.” (Isaija 26:9) Madankollu, mhux kulħadd se jkun irid jimxi fi qbil mar-rieda t’Alla. Isaija 26:10 jgħid: “Iħennu għall-ħażin, imma dan is-sewwa ma jitgħallimx; f’art id-dritt jimxi bl-imgħawweġ, u l-kobor tal-Mulej ma jqisux.” Dawn l-uħud ħżiena se jingħataw il-mewt għal dejjem matul Jum il-Ġudizzju.—Isaija 65:20.

Sa tmiem Jum il-Ġudizzju, dawk li jibqgħu ħajjin se jkunu ‘ħadu l-ħajja’ kompletament bħala nies perfetti. (Rivelazzjoni 20:5) Jum il-Ġudizzju b’hekk se jara t-tiġdid ta’ l-umanità għall-istat perfett li kellha fil-bidu. (1 Korintin 15:24-28) Imbagħad se jkun hemm test finali. Satana se jinħeles minn fejn ikun magħluq u se jitħalla jerġa’ jqarraq bl-umanità għall-aħħar darba. (Rivelazzjoni 20:3, 7-10) Dawk li jirreżistuh se jgawdu mit-twettiq komplet tal-wegħda li tagħmel il-Bibbja: “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) Iva, Jum il-Ġudizzju se jkun barka għall-umanità leali kollha!


*  Rigward Armageddon, jekk jogħġbok ara l-Insight on the Scriptures, l-Ewwel Volum, paġni 594-5, 1037-8, u kapitlu 20 tal-ktieb Qim lill-Uniku Alla Veru, it-tnejn pubblikati mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

← Ara r-referenza tal-kapitlu