Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU ĦAMSA

Il-Fidwa—L-Aqwa Rigal Mingħand Alla

Il-Fidwa—L-Aqwa Rigal Mingħand Alla

X’inhi l-fidwa?

Kif ġiet provduta?

X’tista’ tfisser għalik?

Kif tista’ turi li tapprezzaha?

LIEMA hu l-aqwa rigal li qatt irċivejt? Rigal m’hemmx għalfejn ikun jiswa ħafna flus biex ikun importanti. Wara kollox, il-valur veru ta’ rigal mhux bilfors jitqies minn kemm jiswa flus. Pjuttost, meta rigal iġiblek il-ferħ jew ikun xi ħaġa li jkollok bżonnha ħafna f’ħajtek, dan ikollu valur kbir għalik personalment.

2 Mill-ħafna rigali li qatt tista’ toħlom li tirċievi, hemm wieħed li jispikka fuqhom ilkoll. Dan hu rigal mingħand Alla għall-bnedmin. Ġeħova tana ħafna affarijiet, imma l-aqwa rigal li tana hu s-sagrifiċċju ta’ fidwa ta’ Ibnu, Ġesù Kristu. (Mattew 20:28) Bħalma se naraw f’dan il-kapitlu, il-fidwa hija l-iktar rigal prezzjuż li qatt tista’ tirċievi, għax tista’ ġġiblek ferħ li ma bħalu u tissodisfa l-iktar bżonnijiet importanti li jkollok. Il-fidwa hija tassew l-aqwa mod li bih Ġeħova esprima mħabbtu lejk.

X’INHI L-FIDWA?

3Fi kliem sempliċi, il-fidwa hija l-mezz li Ġeħova juża sabiex jeħles, jew isalva, lill-umanità mid-dnub u l-mewt. (Efesin 1:7) Biex nifhmu t-tifsira ta’ dan it-tagħlim Bibliku, jeħtieġ li nirriflettu x’ġara fil-ġnien ta’ l-Għeden. Huwa biss jekk nifhmu x’tilef Adam meta dineb li nistgħu napprezzaw għala l-fidwa hija rigal daqshekk prezzjuż għalina.

4Meta Ġeħova ħalaq lil Adam, hu tah xi ħaġa verament prezzjuża—ħajja umana perfetta. Aħseb ftit dan x’kien ifisser għal Adam. Peress li kien magħmul b’ġisem u moħħ perfett, qatt ma kien se jimrad, jixjieħ, jew imut. Bħala bniedem perfett, kellu relazzjoni speċjali ma’ Ġeħova. Il-Bibbja tgħid li Adam kien “bin Alla.” (Luqa 3:38) Għalhekk, Adam gawda relazzjoni mill-qrib m’Alla Ġeħova, bħal dik ta’ iben ma’ missieru li jħobbu. Ġeħova kien jikkomunika ma’ l-iben uman tiegħu Adam, u tah xogħol sodisfaċenti x’jagħmel u qallu x’kien mistenni minnu.—Ġenesi 1:28-30; 2:16, 17.

5Adam kien magħmul “fuq xbihat Alla.” (Ġenesi 1:27) Dan ma kienx ifisser li Adam kien jixbah lil Alla fid-dehra tiegħu. Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 1 ta’ dan il-ktieb, Ġeħova hu spirtu li ma jidhirx. (Ġwanni 4:24) Għalhekk, Ġeħova m’għandux ġisem tad-demm u l-laħam. Il-fatt li Adam ġie magħmul fuq ix-xbieha t’Alla jfisser li hu ġie maħluq bi kwalitajiet bħal dawk t’Alla, inkluż l-imħabba, l-għerf, il-ġustizzja, u l-qawwa. Adam kien bħal Missieru b’mod importanti ieħor, u dan kien li kellu l-libertà li jagħżel. Għalhekk, Adam ma kienx qisu xi magna li tista’ tagħmel biss dak li ġiet programmata jew disinjata biex tagħmel. Minflok, hu seta’ jieħu deċiżjonijiet persunali, u seta’ jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin. Kieku għażel li jobdi lil Alla, kieku kien jgħix għal dejjem f’Ġenna ta’ l-art.

6Mela, jidher ċar li meta Adam m’obdiex lil Alla u ġie kundannat għall-mewt, hu ħallas prezz għoli ħafna. Id-dnub tiegħu swielu l-ħajja umana perfetta tiegħu bil-barkiet kollha li jiġu magħha. (Ġenesi 3:17-19) Diżgrazzjatament, Adam ma tilifx din il-ħajja prezzjuża hu biss, imma tellifha wkoll lin-nisel futur tiegħu. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Permezz ta’ bniedem wieħed [Adam] id-dnub daħal fid-dinja, u permezz tad-dnub il-mewt, u b’hekk il-mewt infirxet fuq il-bnedmin kollha għax kollha dinbu.” (Rumani 5:12) Iva, ilkoll kemm aħna writna d-dnub mingħand Adam. Għaldaqstant, il-Bibbja tgħid li hu ‘bigħ’ lilu nnifsu u lil nislu fil-jasar tad-dnub u l-mewt. (Rumani 7:14) Ma kien hemm ebda tama għal Adam jew għal Eva għaliex huma minn jeddhom għażlu li ma jobdux lil Alla. Imma xi ngħidu dwar in-nisel tagħhom, inkluż aħna?

7Ġeħova ndaħal biex jeħles lill-bnedmin permezz tal-fidwa. X’inhi fidwa? Fidwa bażikament tista’ tfisser żewġ affarijiet. L-ewwel, fidwa hi l-prezz li jitħallas biex tinħeles jew tinxtara xi ħaġa lura. Din tista’ titqabbel mal-prezz li jitħallas għall-ħelsien ta’ priġunier tal-gwerra. It-tieni, fidwa hi l-prezz li jkopri, jew iħallas, l-ammont ta’ kemm tkun tiswa xi ħaġa. Tixbah il-prezz li jitħallas biex ikopri l-ispejjeż għal xi ħsara li tkun saret. Per eżempju, jekk xi ħadd jikkaġuna aċċident, ikollu jħallas l-ammont ta’ kemm ikun jiswa dak li jkun ġarrab il-ħsara.

8Kif jista’ jkun possibbli li xi ħadd ipatti għat-telf enormi li Adam ikkaġuna lilna lkoll u jeħlisna mill-jasar tad-dnub u l-mewt? Ejja nikkunsidraw il-fidwa li pprovda Ġeħova u din x’tista’ tfisser għalik.

KIF ĠEĦOVA PPROVDA L-FIDWA

9Peress li l-ħajja umana li ntilfet kienet perfetta, ebda ħajja umana imperfetta ma setgħet tixtriha lura. (Salm 49:8, 9 [49:7, 8, NW]) Kienet meħtieġa fidwa li kellha l-istess valur ta’ dak li kien intilef. Dan hu fi qbil mal-prinċipju tal-ġustizzja perfetta li jinsab fil-Kelma t’Alla: “Ħajja b’ħajja.” (Dewteronomju 19:21) Għalhekk, x’kien se jkopri l-valur tal-ħajja umana perfetta li tilef Adam? Kien hemm bżonn ta’ ħajja umana perfetta oħra bħala “fidwa ekwivalenti.”—1 Timotju 2:6.

Ġesù jmut bħala fidwa

Ġeħova ta lill-Iben uniġenitu tiegħu bħala fidwa għalina

10Ġeħova kif ipprovda din il-fidwa? Hu bagħat wieħed mill-ulied spirti perfetti tiegħu fuq l-art. Imma Ġeħova ma bagħatx wieħed kwalunkwe minn dawn il-ħlejjaq spirti. Hu bagħat lill-iktar wieħed prezzjuż għalih, lill-Iben uniġenitu tiegħu. (1 Ġwanni 4:9, 10) Minn jeddu, dan l-Iben ħalla s-sema fejn kien jgħammar. (Filippin 2:7) Kif tgħallimna fil-kapitlu ta’ qabel ta’ dan il-ktieb, Ġeħova għamel miraklu meta ttrasferixxa l-ħajja ta’ dan l-Iben għal ġol-ġuf ta’ Marija. Permezz ta’ l-ispirtu qaddis t’Alla, Ġesù twieled bħala bniedem perfett u kien ħieles mill-piena tad-dnub.—Luqa 1:35.

11Kif seta’ bniedem wieħed jagħti ruħu b’fidwa għal ħafna, fil-fatt, għal miljuni ta’ bnedmin? Oriġinalment, dawn il-miljuni ta’ nies kif saru midinbin? Ftakar li peress li Adam dineb, hu tilef ir-rigal prezzjuż ta’ ħajja umana perfetta. Għalhekk, ma setax jgħaddiha lid-dixxendenti tiegħu. Minflok, hu seta’ biss jgħaddilhom id-dnub u l-mewt. Ġesù, li fil-Bibbja jissejjaħ “l-aħħar Adam,” kellu ħajja umana perfetta, u qatt ma dineb. (1 Korintin 15:45) F’ċertu sens, Ġesù ħa post Adam sabiex isalvana. Billi Ġesù ssagrifika, jew ċeda, il-ħajja perfetta tiegħu u baqa’ ubbidjenti b’mod perfett lejn Alla, hu ħallas il-prezz għad-dnub ta’ Adam. B’hekk, Ġesù ġab tama għan-nisel ta’ Adam.—Rumani 5:19; 1 Korintin 15:21, 22.

12Il-Bibbja tiddeskrivi bid-dettall it-tbatija li Ġesù ssaporta qabel ma miet. Hu ġie msawwat bl-aħrax, imsammar b’mod krudil ma’ zokk, u miet mewta ta’ wġigħ fuq zokk tat-tortura. (Ġwanni 19:1, 16-1830; Appendiċi) Għala kien hemm bżonn li Ġesù jbati dik it-tbatija kollha? F’wieħed mill-kapitli li ġejjin ta’ dan il-ktieb, se naraw li Satana qajjem dubju dwar jekk hemmx bnedmin li jaqdu lil Ġeħova u li jibqgħu leali waqt li jkunu għaddejjin mill-provi. Billi ssaporta fedelment minkejja t-tbatija kbira li għadda minnha, Ġesù ta l-aqwa tweġiba li qatt setgħet tingħata għall-isfida ta’ Satana. Ġesù ta prova li bniedem perfett li għandu l-libertà li jagħżel seta’ jżomm integrità perfetta lejn Alla minkejja dak kollu li jagħmillu x-Xitan. Min jaf kemm feraħ Ġeħova meta ra l-fedeltà li wera Ibnu l-għażiż!—Proverbji 27:11.

13Il-fidwa kif tħallset? Fl-14-il jum tax-xahar Lhudi ta’ Nisan fis-sena 33 E.K., Alla ppermetta li jinqatel Ibnu li kien perfett u bla dnub. B’hekk, Ġesù ssagrifika l-ħajja umana u perfetta tiegħu “darba għal dejjem.” (Ebrej 10:10) Fit-tielet jum wara li miet Ġesù, Ġeħova reġa’ qajmu għall-ħajja bħala spirtu. Fis-sema, Ġesù ppreżenta lil Alla l-valur tal-ħajja umana u perfetta tiegħu li kien issagrifika bħala fidwa għal nisel Adam. (Ebrej 9:24) Ġeħova aċċetta l-valur tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù bħala l-fidwa li kienet meħtieġa biex teħles lill-umanità mill-jasar tad-dnub u l-mewt.—Rumani 3:23, 24.

IL-FIDWA—DAK LI TISTA’ TFISSER GĦALIK

14Minkejja l-kundizzjoni midinba tagħna, nistgħu ngawdu barkiet prezzjużi permezz tal-fidwa. Ejja nikkunsidraw xi ftit mill-benefiċċji preżenti u futuri li jiġu permezz ta’ dan l-aqwa rigal mingħand Alla.

15Il-maħfra tad-dnubiet. Minħabba li writna l-imperfezzjoni, irridu nissieltu biex nagħmlu dak li hu sewwa. Ilkoll kemm aħna nidinbu bil-kliem jew bl-għemil. Imma permezz tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù bħala fidwa, nistgħu naqilgħu “l-maħfra ta’ dnubietna.” (Kolossin 1:13, 14) Iżda, biex naqilgħu din il-maħfra rridu nkunu ndimna verament. Irridu wkoll nitolbu bl-umiltà lil Ġeħova għall-maħfra fuq il-bażi tal-fidi tagħna fis-sagrifiċċju ta’ Ibnu bħala fidwa.—1 Ġwanni 1:8, 9.

16Kuxjenza nadifa quddiem Alla. Kuxjenza ħatja tista’ faċilment twassalna biex inħossuna bla tama u ma niswew għal xejn. Madankollu, permezz tal-maħfra li saret possibbli minħabba l-fidwa, Ġeħova b’qalb tajba jippermettilna nqimuh b’kuxjenza nadifa minkejja l-imperfezzjoni tagħna. (Ebrej 9:13, 14) Dan jagħmilha possibbli li jkollna l-libertà tal-kelma ma’ Ġeħova. Għalhekk, nistgħu nitolbuh x’ħin irridu. (Ebrej 4:14-16) Meta l-kuxjenza tagħna tkun nadifa jkollna l-paċi tal-moħħ, ir-rispett lejna nfusna, u nkunu iktar ferħanin.

17It-tama ta’ ħajja ta’ dejjem fuq art magħmula ġenna. “Il-ħlas li jagħti d-dnub hu l-mewt,” jgħid Rumani 6:23. L-istess vers iżid: “Imma l-għotja li jagħti Alla hi l-ħajja ta’ dejjem bi Kristu Ġesù, il-Mulej tagħna.” F’kapitlu 3 ta’ dan il-ktieb, iddiskutejna l-barkiet li se jkun hemm fil-Ġenna ta’ l-art. (Rivelazzjoni 21:3, 4) Dawn il-barkiet futuri kollha, inkluż il-ħajja ta’ dejjem b’saħħa perfetta, isiru possibbli minħabba li Ġesù miet għalina. Biex nirċievu dawn il-barkiet, irridu nuru li aħna napprezzaw l-għotja tal-fidwa.

KIF TISTA’ TURI L-APPREZZAMENT TIEGĦEK?

18Għala għandna nkunu verament grati lejn Ġeħova li pprovdielna l-fidwa? Ngħiduha kif inhi, rigal iktar ikun prezzjuż meta min ikun tahulna jkun issagrifika l-ħin, u għamel sforz jew spejjeż biex jagħtihulna. Kemm iferrħilna qalbna meta r-rigal li nirċievu jkun qed juri l-imħabba ġenwina ta’ min tahulna! Il-fidwa hija l-iktar rigal prezzjuż minn kull rigal ieħor, għax Alla għamel l-akbar sagrifiċċju li qatt sar biex jipprovdih. “Alla tant ħabb lid-dinja li ta l-Iben uniġenitu tiegħu,” jgħid Ġwanni 3:16. Il-fidwa hija l-iktar evidenza eċċezzjonali ta’ l-imħabba li Ġeħova għandu għalina. Hi wkoll prova ta’ l-imħabba ta’ Ġesù għalina, għax hu minn jeddu ta ħajtu għalina. (Ġwanni 15:13) L-għotja tal-fidwa għandha għalhekk tikkonvinċina li Ġeħova u Ibnu jħobbuna bħala individwi.—Galatin 2:20.

19Mela, kif tista’ turi li int grat lejn Alla għall-għotja tal-fidwa? Qabel xejn, sir af iktar dwar id-Donatur il-Kbir, Ġeħova. (Ġwanni 17:3) Dan tista’ tagħmlu billi tistudja l-Bibbja bl-għajnuna ta’ dan il-ktieb. Iktar ma tikseb għarfien dwar Ġeħova iktar issir tħobbu. Imbagħad, dik l-imħabba se tqanqlek biex togħġob lilu.—1 Ġwanni 5:3.

Mara taqra l-Bibbja

Mod wieħed biex turi li int grat għall-għotja tal-fidwa hu billi ssir taf iktar dwar Ġeħova

20Eżerċita l-fidi fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù bħala fidwa. Ġesù nnifsu qal: “Min jeżerċita l-fidi fl-Iben għandu l-ħajja ta’ dejjem.” (Ġwanni 3:36) Aħna kif nistgħu nuru li għandna fidi f’Ġesù? Fidi bħal din ma tintweriex bil-kliem biss. “Il-fidi mingħajr l-għemejjel hi mejta,” jgħid Ġakbu 2:26. Iva, nagħtu prova li aħna għandna l-fidi vera bl-“għemejjel,” jiġifieri, bl-azzjonijiet tagħna. Mod wieħed kif nuru li għandna fidi f’Ġesù hu billi nagħmlu l-aħjar tagħna biex nimitawh mhux biss f’dak li ngħidu imma wkoll f’dak li nagħmlu.—Ġwanni 13:15.

21Attendi ċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ikla ta’ fil-Għaxija tal-Mulej li ssir kull sena. Fil-lejla ta’ l-14 ta’ Nisan tas-sena 33 E.K., Ġesù introduċa ċelebrazzjoni speċjali li l-Bibbja ssejħilha “l-ikla ta’ fil-għaxija tal-Mulej.” (1 Korintin 11:20; Mattew 26:26-28) Din iċ-ċelebrazzjoni tissejjaħ ukoll it-Tifkira tal-mewt ta’ Kristu. Ġesù stabbilixxa din iċ-ċelebrazzjoni biex jgħin lill-appostli tiegħu u lill-Kristjani veri kollha li ġew warajhom jibqgħu jżommu f’moħħhom li permezz ta’ mewtu bħala bniedem perfett, hu ta ruħu, jew ħajtu, bħala fidwa. Dwar din iċ-ċelebrazzjoni, Ġesù kkmanda: “Ibqgħu agħmlu dan b’tifkira tiegħi.” (Luqa 22:19) Meta niċċelebraw it-Tifkira nkunu qed niftakru fl-imħabba tant kbira li kemm Ġeħova u kemm Ġesù wrew permezz tal-fidwa. Aħna nistgħu nuru l-apprezzament tagħna għall-fidwa billi nkunu preżenti għaċ-ċelebrazzjoni tat-Tifkira tal-mewt ta’ Ġesù li ssir kull sena.*

22Il-fidwa li pprovdielna Ġeħova hija tabilħaqq għotja prezzjuża. (2 Korintin 9:14, 15) Minn din l-għotja prezzjuża jistgħu jibbenefikaw saħansitra dawk li mietu. Kapitli 6 u 7 se jispjegaw kif.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Il-fidwa hija l-mezz li bih Ġeħova se jeħles lill-umanità mid-dnub u l-mewt.—Efesin 1:7.
  • Ġeħova pprovda l-fidwa billi bagħat lill-Iben uniġenitu tiegħu fid-dinja biex imut għalina.—1 Ġwanni 4:9, 10.
  • Permezz tal-fidwa, aħna niksbu l-maħfra tad-dnubiet, kuxjenza nadifa, u t-tama ta’ ħajja ta’ dejjem.—1 Ġwanni 1:8, 9.
  • Nuru li aħna grati għall-fidwa billi nsiru nafu iktar dwar Ġeħova, billi neżerċitaw fidi fis-sagrifiċċju ta’ Ġesù bħala fidwa, u billi nattendu l-Ikla ta’ fil-Għaxija tal-Mulej.—Ġwanni 3:16.

*  Għal iktar informazzjoni dwar xi tfisser l-Ikla ta’ fil-Għaxija tal-Mulej, ara l-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. (a) Rigal meta jista’ jkollu valur kbir għalik personalment? (b) Għala jista’ jingħad li l-fidwa hija l-iktar rigal prezzjuż li qatt tista’ tirċievi?

3. X’inhi l-fidwa, u l-ewwel x’għandna bżonn nifhmu sabiex napprezzaw kemm hu prezzjuż dan ir-rigal?

4. Ħajja umana perfetta x’kienet tfisser għal Adam?

5. Il-Bibbja xi trid tfisser meta tgħid li Adam sar “fuq xbihat Alla”?

6. Meta Adam m’obdiex lil Alla, x’tilef, u n-nisel tiegħu kif kien effettwat?

7, 8. Fidwa bażikament tfisser liema żewġ affarijiet?

9. Liema xorta ta’ fidwa kienet meħtieġa?

10. Ġeħova kif ipprovda l-fidwa?

11. Kif seta’ bniedem wieħed jagħti ruħu bħala fidwa għal miljuni ta’ nies?

12. It- tbatija ta’ Ġesù kienet prova ta’ liema ħaġa?

13. Il-fidwa kif tħallset?

14, 15. Xi rridu nagħmlu sabiex naqilgħu “l-maħfra ta’ dnubietna”?

16. X’jgħinna nqimu lil Alla b’kuxjenza nadifa, u din x’valur għandha?

17. X’barkiet saru possibbli minħabba li Ġesù miet għalina?

18. Għala għandna nkunu grati lejn Ġeħova talli pprovdielna l-fidwa?

19, 20. B’liema modi tista’ turi li int grat lejn Alla għall-għotja tal-fidwa?

21, 22. (a) Għala għandna nattendu għaċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ikla ta’ fil-Għaxija tal-Mulej li ssir kull sena? (b) X’se jiġi spjegat fil-Kapitli 6 u 7?