Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU TNEJN

Il-Bibbja—Ktieb Mingħand Alla

Il-Bibbja—Ktieb Mingħand Alla

Il-Bibbja b’liema modi hi differenti minn kwalunkwe ktieb ieħor?

Il-Bibbja kif tista’ tgħinek tkampa mal-problemi persunali?

Għala tista’ tafda l-profeziji li hemm fil-Bibbja?

TIFTAKAR meta qlajt rigal sabiħ mingħand ħabib tal-qalb? X’aktarx li din l-esperjenza ġagħlitek tħossok eċċitat kif ukoll ferħan ħafna. Wara kollox, rigal jgħidlek xi ħaġa dwar min ikun tahulek—li din il-persuna verament tgħożż il-ħbiberija tiegħek. Bla dubju int urejt il-gratitudni tiegħek lil dan il-ħabib tar-rigal sabiħ li tak.

2 Il-Bibbja hija rigal mingħand Alla, rigal li għandna verament inkunu grati għalih. Dan il-ktieb uniku jikxef affarijiet li qatt ma kien ikun possibbli li nsiru nafuhom b’mod ieħor. Per eżempju, jgħidilna dwar il-ħolqien tas-smewwiet mimli kwiekeb, ta’ l-art, u ta’ l-ewwel raġel u mara. Il-Bibbja fiha prinċipji ta’ min jorbot fuqhom biex jgħinuna nkampaw mal-problemi u l-ansjetajiet tal-ħajja. Tispjega kif Alla se jwettaq l-iskop tiegħu u jġib kundizzjonijiet aħjar fuq l-art. Kemm hi rigal eċċitanti l-Bibbja!

3Il-Bibbja hija wkoll rigal li jferraħlek qalbek, għax tgħidilna xi ħaġa dwar id-Donatur, Alla Ġeħova. Il-fatt li hu pprovda dan il-ktieb huwa prova li jridna nsiru nafuh sew. Tabilħaqq, il-Bibbja tista’ tgħinek tersaq qrib lejn Ġeħova.

4Jekk għandek Bibbja, m’intix l-uniku wieħed. Il-Bibbja sħiħa jew xi partijiet minnha ġew pubblikati b’iktar minn 2,300 lingwa, u b’hekk tista’ tinkiseb minn iktar minn 90 fil-mija mill-popolazzjoni tad-dinja. Hu kalkulat li iktar minn miljun Bibbja qed jitqassmu kull ġimgħa! Saru biljuni ta’ kopji tal-Bibbja sħiħa jew partijiet minnha. Żgur li m’hemm ebda ktieb ieħor bħall-Bibbja.

It-“Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Mqaddsa” tista’ tinkiseb b’ħafna lingwi

It-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida b’ħafna lingwi

5Barra minn hekk, il-Bibbja “hi mnebbħa minn Alla.” (2 Timotju 3:16) B’liema mod? Il-Bibbja stess twieġeb: “Bnedmin tkellmu minn Alla skond kif tmexxew mill-ispirtu qaddis.” (2 Pietru 1:21) Biex nagħtu eżempju: Negozjant jista’ jqabbad segretarju jiktiblu ittra. Din l-ittra jkun fiha l-ħsibijiet u l-istruzzjonijiet tan-negozjant. Għalhekk, din l-ittra fil-fatt hija tiegħu, u mhux tas-segretarju. Bl-istess mod, il-Bibbja fiha l-messaġġ t’Alla, mhux tal-bnedmin li kitbuha. B’hekk, il-Bibbja kollha hija verament “il-kelma t’Alla.”—1 Tessalonikin 2:13.

F’ARMONIJA U EŻATTA

6Il-Bibbja nkitbet matul perijodu ta’ iktar minn 1,600 sena. Il-kittieba tal-Bibbja kienu jgħixu fi żminijiet differenti u anki l-ambjent soċjali li kienu ġejjin minnu kien differenti. Xi wħud kienu bdiewa, sajjieda, u rgħajja. Oħrajn kienu profeti, imħallfin, u slaten. Luqa, il-kittieb ta’ wieħed mill-Evanġelji, kien tabib. Minkejja l-ambjent soċjali differenti li kienu ġejjin minnu l-kittieba tagħha, il-Bibbja hija f’armonija mill-bidu sat-tmiem.*

7L-ewwel ktieb tal-Bibbja jgħidilna kif bdew il-problemi tal-bniedem. L-aħħar ktieb juri li l-art kollha se ssir ġenna, jew ġnien. Il-partijiet differenti kollha tal-Bibbja jinkludu eluf ta’ snin ta’ storja u jgħinuna biex b’xi mod inkunu nistgħu nifhmu x’inhu l-iskop t’Alla u kif se jitwettaq fil-futur. L-armonija li hemm fil-Bibbja hija impressjonanti, imma hekk tistenna minn ktieb li ġej mingħand Alla.

8Il-Bibbja hija eżatta xjentifikament. Fiha saħansitra informazzjoni li kienet ferm avanzata għal dak iż-żmien. Per eżempju, il-ktieb tal-Levitiku kien fih liġijiet li ngħataw lil Iżrael tal-qedem dwar il-kwarantina u l-iġjene fi żmien meta l-ġnus ta’ madwarhom ma kienu jafu xejn dwar dawn l-affarijiet. Fi żmien meta kien hemm ideat żbaljati dwar l-għamla tad-dinja, il-Bibbja rreferiet għaliha bħala ċirku, jew sfera. (Isaija 40:22) Il-Bibbja kienet eżatta meta qalet li l-art hija “mdendla fuq ix-xejn.” (Ġob 26:7) M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja m’hijiex xi ktieb tax-xjenza. Imma meta tirreferi għal affarijiet xjentifiċi, hija eżatta. Mhux hekk tistenna minn ktieb li ġej mingħand Alla?

9Il-Bibbja hija wkoll eżatta u ta’ min jorbot fuqha f’dik li hi storja tal-bniedem. Ir-rakkonti tagħha huma speċifiċi. Ma jinkludux biss l-ismijiet ta’ individwi imma wkoll il-linja ta’ l-antenati tagħhom.# Kontra l-kittieba ta’ l-istorja sekulari, li spiss ma jsemmux it-telfiet li kellhom in-nies ta’ pajjiżhom, il-kittieba tal-Bibbja kienu onesti u saħansitra niżżlu n-nuqqasijiet tagħhom stess u tal-ġens tagħhom. Per eżempju, fil-ktieb Bibliku tan-Numri, il-kittieb Mosè jammetti l-iżball serju li għamel hu stess u li minħabba fih ġie mċanfar bl-aħrax. (Numri 20:2-12) Onestà bħal din rari ssibha f’rakkonti storiċi oħra imma tinsab fil-Bibbja għaliex hija ktieb mingħand Alla.

KTIEB T’GĦERF PRATTIKU

10Peress li l-Bibbja hija mnebbħa minn Alla, din “tiswa biex tgħallem, twiddeb, tikkoreġi.” (2 Timotju 3:16) Iva, il-Bibbja hija ktieb prattiku. Din turi li tifhem eżatt in-natura tal-bniedem. M’għandniex għax niskantaw, għax l-Awtur tagħha, Alla Ġeħova, hu l-Ħallieq! Hu jifhem il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħna iktar milli nifhmuhom aħna. Barra minn hekk, Ġeħova jaf dak li għandna bżonn sabiex inkunu ferħanin. Jaf ukoll x’għandna nevitaw.

11Ikkunsidra d-diskors li għamel Ġesù, magħruf bħala l-Priedka ta’ fuq il-Muntanja, li nsibu f’Mattew minn kapitlu 5 sa 7. F’dan il-kapulavur ta’ tagħlim, Ġesù tkellem dwar numru ta’ suġġetti, inkluż il-mod kif insibu l-hena veru, kif nirranġaw meta jkollna xi ngħidu ma’ xi ħadd, kif nitolbu, u kif ikollna ħarsa xierqa lejn l-affarijiet materjali. Il-kliem ta’ Ġesù għadu qawwi u prattiku llum daqskemm kien meta qalu.

12Xi prinċipji tal-Bibbja għandhom x’jaqsmu mal-ħajja tal-familja, mad-drawwiet tax-xogħol, u mar-relazzjonijiet ta’ bejnietna. Il-prinċipji tal-Bibbja japplikaw għan-nies kollha, u l-pariri tagħha huma dejjem ta’ ġid. L-għerf li nsibu fil-Bibbja jista’ jinġabar f’dan il-ftit kliem li Alla qal permezz tal-profeta Isaija: “Jien hu l-Mulej, Alla tiegħek; jien ngħallmek għall-ġid tiegħek.”—Isaija 48:17.

KTIEB TA’ PROFEZIJA

13Il-Bibbja fiha għadd ta’ profeziji li ħafna minnhom diġà twettqu. Ikkunsidra eżempju wieħed. Permezz tal-profeta Isaija, li għex fit-tmien seklu Q.E.K., Ġeħova bassar li l-belt ta’ Babilonja kellha tinqered. (Isaija 13:19; 14:22, 23) Ngħataw dettalji li juru eżatt kif dan kellu jiġri. L-eżerċti li kienu se jinvadu lil Babilonja kellhom inixxfu x-xmara u jimmarċjaw għal ġol-belt mingħajr ebda battalja. U dan mhux kollox. Il-profezija ta’ Isaija saħansitra tat l-isem tas-sultan li kien se jieħu lil Babilonja taħt idejh—Ċiru.—Isaija 44:27-45:2.

Il-kittieb tal-Bibbja Isaija bassar il-waqgħa ta’ Babilonja

Raġel jagħmel riċerka dwar il-waqgħa ta’ Babilonja

14Madwar 200 sena wara—fil-lejl ta’ bejn il-5 u s-6 t’Ottubru tas-sena 539 Q.E.K.—armata kkampjat ħdejn Babilonja. Min kien il-kmandant? Ħadd ħlief is-sultan Persjan Ċiru. Kollox kien b’hekk lest għat-twettiq ta’ profezija ta’ l-għaġeb. Imma kienet l-armata ta’ Ċiru se tinvadi lil Babilonja mingħajr ebda battalja, bħalma kien imbassar?

15Dak il-lejl, il-Babiloniżi kellhom festa u ħassewhom fis-sigurtà wara s-swar enormi tal-belt. Sadanittant, Ċiru b’għaqal kbir biddel ir-rotta ta’ l-ilma tax-xmara li kienet tgħaddi minn nofs il-belt. Ftit tal-ħin wara l-ilma kien baxx biżżejjed biex in-nies tiegħu jaqsmu bil-mixi minn qiegħ ix-xmara għan-naħa tas-swar tal-belt. Imma kif setgħet l-armata ta’ Ċiru tgħaddi mis-swar ta’ Babilonja? Għal xi raġuni, dak il-lejl il-bibien tal-belt bi traskuraġni tħallew miftuħin!

16Dwar Babilonja ġie mbassar: “Qatt aktar ma titgħammar, minn żmien għal żmien ħadd aktar ma joqgħod fiha. L-Għarbi ma jtellax l-għarix fiha, u r-rgħajja ma jserrħux l-imrieħel tagħhom.” (Isaija 13:20) Din il-profezija mhux biss bassret il-waqgħa tal-belt ta’ Babilonja, imma wriet ukoll li din kellha tibqa’ ħerba għal dejjem. Int tista’ tara b’għajnejk it-twettiq ta’ dan il-kliem. Il-post diżabitat fejn kien hemm Babilonja tal-qedem—madwar 80 kilometru fin-nofsinhar ta’ Bagdad, fl-Iraq—hu prova li twettaq dan il-kliem li Ġeħova kien qal permezz ta’ Isaija: “Niknisha bl-ixkupa tal-qerda.”—Isaija 14:22, 23.%

Il-Fdalijiet ta’ Babilonja

Il-fdalijiet ta’ Babilonja

17Ma taqbilx li meta tikkunsidra kif il-Bibbja hija ktieb ta’ profeziji ta’ min jorbot fuqhom tkun qed issaħħaħ il-fidi? Wara kollox, jekk Alla Ġeħova wettaq il-wegħdi tal-passat, għandna għalxiex inkunu fiduċjużi li hu se jwettaq ukoll il-wegħda tiegħu t’art magħmula ġenna. (Numri 23:19) Tabilħaqq, aħna għandna “t-tama tal-ħajja ta’ dejjem. Alla, li ma jistax jigdeb, din wegħedhielna minn żmien twil ilu.”—Titu 1:2.^

“IL-KELMA T’ALLA HI ĦAJJA”

18Minn dak li kkunsidrajna f’dan il-kapitlu, jidher ċar li l-Bibbja hija tassew ktieb uniku. Iżda l-valur tagħha m’huwiex biss minħabba l-armonija interna, l-eżattezza xjentifika u storika, l-għerf prattiku, u l-profeziji ta’ min jorbot fuqhom. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Il-kelma t’Alla hi ħajja u qawwija u taqta’ iktar minn sejf b’żewġt ixfar u tinfed tant li tifred ir-ruħ u l-ispirtu, u l-ġogi u l-mudullun tagħhom, u tista’ tagħraf il-ħsibijiet u l-intenzjonijiet tal-qalb.”—Ebrej 4:12.

19l-qari tal-“kelma,” jew messaġġ, t’Alla mill-Bibbja jista’ jbiddlilna ħajjitna. Jista’ jgħinna neżaminaw lilna nfusna bħalma qatt m’għamilna qabel. Forsi ngħidu li nħobbu ’l Alla, imma l-mod kif naġixxu għal dak li tgħallimna l-Kelma mnebbħa tiegħu, il-Bibbja, se jikxef il-ħsibijiet veri tagħna, saħansitra l-istess intenzjonijiet tal-qalb.

20Il-Bibbja hija tassew ktieb mingħand Alla. Hija ktieb li għandek taqrah, tistudjah, u tgħożżu. Uri l-gratitudni tiegħek għal dan ir-rigal t’Alla billi tkompli teżamina sew dak li hemm fih. Hekk kif tagħmel dan, int se jkollok apprezzament profond għall-iskop t’Alla għall-bniedem. Fil-kapitlu li jmiss se niddiskutu x’inhu eżattament dan l-iskop u kif se jitwettaq.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • Il-Bibbja hija mnebbħa minn Alla, u b’hekk hija eżatta u ta’ min jorbot fuqha.—2 Timotju 3:16.
  • L-informazzjoni li ssib fil-Kelma t’Alla hija prattika għall-ħajja ta’ kuljum.—Isaija 48:17.
  • Il-wegħdi t’Alla li nsibu fil-Bibbja żgur li se jitwettqu.—Numri 23:19.

*  Għalkemm xi wħud jgħidu li ċerti partijiet fil-Bibbja jikkontradixxu lil xulxin, m’hemm ebda prova ta’ dan. Ara kapitlu 7 tal-ktieb The Bible—God’s Word or Man’s? (Il-Bibbja—Il-Kelma t’Alla jew tal-Bniedem?) pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

#  Per eżempju, innota l-linja dettaljata ta’ l-antenati ta’ Ġesù li hemm f’Luqa 3:23-38.

%  Għal iktar informazzjoni dwar il-profeziji tal-Bibbja, ara paġni 27-9 tal-browxer Ktieb għan-Nies Kollha, pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

^  Il-qerda ta’ Babilonja hija biss eżempju wieħed mill-profeziji tal-Bibbja li diġà twettqu. Eżempji oħra jinkludu l-qerda ta’ Tir u Ninwè. (Eżekjel 26:1-5; Sofonija 2:13-15) Anki l-profezija ta’ Danjel bassret serje ta’ imperi dinjin li kellhom ikunu fil-poter wara Babilonja. Dawn kienu jinkludu l-Medo-Persja u l-Greċja. (Danjel 8:5-7, 20-22) Ara l-Appendiċi għal diskussjoni dwar il-ħafna profeziji Messjaniċi li wettaq Ġesù Kristu.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Il-Bibbja b’liema modi hija rigal eċċitanti mingħand Alla?

3. Il-fatt li Ġeħova pprovdielna l-Bibbja x’jgħidilna dwaru, u dan għala jferrħilna qalbna?

4. X’jimpressjonak dwar it-tqassim tal-Bibbja?

5. Il-Bibbja b’liema mod “hi mnebbħa minn Alla”?

6, 7. L-armonija li hemm bejn il-partijiet differenti tal-Bibbja għala hija tant impressjonanti?

8. Agħti eżempji biex turi li l-Bibbja hija eżatta xjentifikament.

9. (a) Il-Bibbja b’liema modi turi li hi eżatta u ta’ min jorbot fuqha storikament? (b) L-onestà tal-kittieba tagħha x’turik dwar il-Bibbja?

10. Għala m’għandniex għalfejn niskantaw li l-Bibbja hija ktieb prattiku?

11, 12. (a) Ġesù liema suġġetti ddiskuta fil-Priedka tiegħu ta’ fuq il-Muntanja? (b) Liema suġġetti prattiċi oħra huma kunsidrati fil-Bibbja, u l-pariri tagħha għala jgħoddu għal kull żmien?

13. Ġeħova liema dettalji nebbaħ lill-profeta Isaija biex jikteb dwar Babilonja?

14, 15. Kif twettqu xi wħud mid-dettalji tal-profezija ta’ Isaija dwar Babilonja?

16. (a) Isaija x’qal dwar kif kellha tispiċċa Babilonja? (b) Il-profezija ta’ Isaija dwar li Babilonja kellha ssir ħerba kif twettqet?

17. It-twettiq tal-profeziji tal-Bibbja kif isaħħilna l-fidi?

18. Liema stqarrija qawwija jagħmel l-appostlu Kristjan Pawlu dwar “il-kelma t’Alla”?

19, 20. (a) Il-Bibbja kif tista’ tgħinek teżamina lilek innifsek? (b) Kif tista’ turi l-gratitudni tiegħek għar-rigal uniku t’Alla, il-Bibbja?