Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU GĦAXRA

Il-Ħlejjaq Spirti —Kif Jeffettwawna

Il-Ħlejjaq Spirti —Kif Jeffettwawna

L-anġli jgħinuhom lin-nies?

L-ispirti mill-agħar kif influwenzaw lill-bnedmin?

Hemm għalxiex nibżgħu mill-ispirti mill-agħar?

BIEX issir taf lil xi ħadd, ġeneralment trid issir taf xi ħaġa dwar il-familja tiegħu. Bl-istess mod, biex issir taf lil Alla Ġeħova jeħtieġ li ssir taf aħjar lill-familja t’anġli tiegħu. Il-Bibbja ssejjaħ lill-anġli “wlied Alla.” (Ġob 38:7) Għalhekk, x’inhu posthom fl-iskop t’Alla? Kellhom xi rwol fl-istorja tal-bniedem? L-anġli jeffettwawlek ħajtek? Jekk iva, kif?

2 Il-Bibbja tirreferi għall-anġli mijiet ta’ drabi. Ejja nikkunsidraw ftit minn dawn ir-referenzi biex nitgħallmu iktar dwar l-anġli. L-anġli minfejn ġew? Kolossin 1:16 jgħid: “Permezz tiegħu [Ġesù Kristu] nħolqu l-affarijiet l-oħrajn kollha fis-smewwiet u fuq l-art.” Għaldaqstant, il-ħlejjaq spirti kollha li jissejħu anġli nħolqu individwalment minn Alla Ġeħova permezz ta’ l-ewwel Iben imwieled tiegħu. Kemm hemm anġli? Il-Bibbja tindika li nħolqu mijiet ta’ miljuni t’anġli, u lkoll huma setgħana.—Salm 103:20.*

3 Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tgħidilna li meta nħolqot l-art, bdiet “tgħajjat bil-ferħ ix-xirka ta’ wlied Alla.” (Ġob 38:4-7) B’hekk, l-anġli kienu jeżistu ħafna qabel ma nħoloq il-bniedem, saħansitra qabel ma nħolqot l-art. Din is-silta mill-Bibbja turi wkoll li l-anġli għandhom sentimenti, għax tgħid li ‘għajtu bil-ferħ.’ (Korsiv tagħna.) Innota li x-“xirka ta’ wlied Alla,” jiġifieri l-anġli kollha, ferħu flimkien. (Korsiv tagħna.) F’dak iż-żmien, l-anġli kollha kienu parti minn familja magħquda li taqdi lil Alla Ġeħova.

L-APPOĠĠ U L-PROTEZZJONI TA’ L-ANĠLI

Anġlu jipproteġi lil Danjel fil-ħofra tal-iljuni

“Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq [l-i]ljuni.” —Danjel 6:23 (6:22, “NW”)

4Mindu raw b’għajnejhom il-ħolqien ta’ l-ewwel bnedmin, il-ħlejjaq spirti leali wrew interess kbir fil-familja tal-bnedmin, li kienet dejjem qed tiżdied, kif ukoll fit-twettiq ta’ l-iskop t’Alla. (Proverbji 8:30, 31; 1 Pietru 1:11, 12) Madankollu, hekk kif għadda ż-żmien, l-anġli bdew josservaw li l-biċċa l-kbira mill-familja umana ma baqgħux jaqdu lill-Ħallieq tagħhom li tant kien iħobbhom. Bla dubju, dan nikket lill-anġli leali. Mill-banda l-oħra, kulmeta mqar bniedem wieħed idur lura lejn Ġeħova, “ikun hemm ferħ fost l-anġli.” (Luqa 15:10) Il-fatt li l-anġli jinteressahom daqshekk dwar il-ġid ta’ dawk li jaqdu lil Alla jgħinna nifhmu għala Ġeħova uża l-anġli biex isaħħaħ u jipproteġi lill-qaddejja leali tiegħu fuq l-art. (Ebrej 1:714) Ikkunsidra xi eżempji.

5Żewġ anġli għenu lir-raġel ġust Lot u lil uliedu bniet isalvaw mill-qerda tal-bliet ta’ Sodoma u Gomorra billi ħarġuhom ’il barra minn dawk l-inħawi. (Ġenesi 19:15, 16) Sekli wara, il-profeta Danjel ġie mitfugħ f’ħofra ta’ l-iljuni, imma ma ġralu xejn u qal: “Alla tiegħi bagħat l-anġlu tiegħu jagħlaq ħalq [l-i]ljuni.” (Danjel 6:23 [6:22, NW]) Fl-ewwel seklu E.K., anġlu ħeles lill-appostlu Pietru mill-ħabs. (Atti 12:6-11) Iktar minn hekk, l-anġli appoġġaw lil Ġesù fil-bidu tal-ministeru tiegħu fuq l-art. (Marku 1:13) U ftit qabel mewtu, lil Ġesù deherlu anġlu biex “iqawwilu qalbu.” (Luqa 22:43) Min jaf kemm dan kien ta’ faraġ għal Ġesù f’dawk iż-żminijiet importanti f’ħajtu!

6Illum, l-anġli m’għadhomx jidhru lin-nies t’Alla fuq l-art. Għalkemm ma nistgħux narawhom, l-anġli setgħana t’Alla xorta qed jipproteġu lin-nies tiegħu, speċjalment minn xi ħaġa li tkun ta’ ħsara spiritwalment. Il-Bibbja tgħid: “L-anġlu tal-Mulej jgħasses madwar dawk li jibżgħu minnu, u jeħlishom.” (Salm 34:8 [34:7, NW]) Dawn il-kelmiet għala għandhom ikunu ta’ faraġ kbir għalina? Għaliex hemm ħlejjaq spirti perikolużi u mill-agħar li jridu jeqirduna! Dawn min huma? Minfejn ġejjin? Kif qed jipprovaw jagħmlulna l-ħsara? Biex insiru nafu dan, ejja nikkunsidraw ftit xi ħaġa li ġrat fil-bidu ta’ l-istorja tal-bniedem.

IL-ĦLEJJAQ SPIRTI LI HUMA GĦEDEWWA TAGĦNA

7Bħalma tgħallimna f’Kapitlu 3 ta’ dan il-ktieb, wieħed mill-anġli żviluppa xewqa biex jaħkem fuq oħrajn, u b’hekk ħadha kontra Alla. Iktar tard dan l-anġlu sar magħruf bħala Satana x-Xitan. (Rivelazzjoni 12:9) Matul is-sittax-il seklu mindu qarraq b’Eva, Satana rnexxielu jdawwar kontra Alla kważi lill-bnedmin kollha ħlief għal xi ftit uħud leali bħalma huma Abel, Ħenok, u Noè.—Ebrej 11:4, 57.

8Fi żmien Noè, xi anġli oħra rribellaw kontra Ġeħova. Huma telqu l-post li kellhom bħala parti mill-familja t’Alla fis-sema, niżlu fuq l-art, u ħadu ġisem tad-demm u l-laħam. Għala? F’Ġenesi 6:2 naqraw: “Raw ulied Alla li l-bniet tal-bnedmin kienu ħelwin, u ’l dawk li għoġbuhom ħaduhom b’nisa tagħhom.” Imma Alla Ġeħova ma ħalliex l-għemejjel ta’ dawn l-anġli u t-taħsir tal-bnedmin jibqgħu sejrin. Hu ġab fuq l-art dilluvju globali li kines in-nies mill-agħar kollha u ħalla ħajjin biss lill-qaddejja leali tiegħu. (Ġenesi 7:1723) B’hekk, l-anġli ribellużi, jew demonji, ġew imġagħlin jabbandunaw l-iġsma tad-demm u l-laħam u jerġgħu lura lejn is-sema bħala ħlejjaq spirti. Huma kienu appoġġaw lix-Xitan, li b’hekk sar il-“ħakkiem tad-demonji.”—Mattew 9:34.

9Meta l-anġli diżubbidjenti reġgħu lura fis-sema, huma ġew trattati bħala wħud imkeċċijin, bħall-ħakkiem tagħhom, Satana. (2 Pietru 2:4) Għalkemm issa ma jistgħux jerġgħu jieħdu iġsma tad-demm u l-laħam, huma xorta għadhom jinfluwenzaw b’mod ħażin ħafna lill-bnedmin. Fil-fatt, bl-għajnuna ta’ dawn id-demonji, Satana “qed iqarraq bl-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9; 1 Ġwanni 5:19) Kif? Prinċipalment, id-demonji jużaw metodi biex iqarrqu bin-nies. (2 Korintin 2:11) Ejja nikkunsidraw xi wħud minn dawn il-metodi.

KIF ID-DEMONJI JQARRQU

10Biex iqarrqu bin-nies, id-demonji jużaw l-ispiritiżmu. Min jipprattika l-ispiritiżmu jkun qed jinvolvi ruħu mad-demonji, sew jekk direttament u sew jekk permezz ta’ xi ħadd li jikkomunika ma’ l-ispirti. Il-Bibbja tikkundanna l-ispiritiżmu u twissina biex inżommu ’l bogħod minn kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam miegħu. (Galatin 5:19-21) Id-demonji jużaw l-ispiritiżmu bħalma sajjied juża l-lixka. Sajjied juża lixka differenti għal kull tip ta’ ħuta. Bl-istess mod, l-ispirti mill-agħar jużaw forom differenti ta’ spiritiżmu biex ikunu jistgħu jinfluwenzaw lil kull tip ta’ nies.

1. Tabella taż-żodjaku; 2. Il-qari tal-idejn; 3. Boċċa tal-kristall; 4. Raġel jaqra l-karti tat-tarot

Id-demonji jużaw mezzi differenti biex iqarrqu bin-nies

11Tip wieħed ta’ lixka li jużaw id-demonji hu t-teħbir. X’inhu t-teħbir? Dan hu meta xi ħadd irid isir jaf il-futur jew jikxef xi ħwejjeġ moħbija b’mezzi sopranaturali. Xi forom ta’ teħbir jinkludu l-astroloġija, il-karti tat-tarot, il-ballun tal-kristall, il-qari ta’ l-idejn, u l-interpretazzjoni ta’ xi affarijiet misterjużi, jew sinjali, fil-ħolm. Għalkemm ħafna nies jaħsbu li t-teħbir hu bla periklu, il-Bibbja turi li min ibassar il-futur ikun qed jaħdem ma’ l-ispirti mill-agħar. Per eżempju, Atti 16:16-18 isemmi “demonju tat-teħbir” li permezz tiegħu tfajla setgħet tipprattika “l-arti tat-tbassir.” Imma hi tilfet din l-abbiltà meta d-demonju li kellha tkeċċa minn ġo fiha.

12Mod ieħor kif id-demonji jqarrqu bin-nies hu billi jinkuraġġuhom biex jistħarrġu l-mejtin. Nies imnikktin minħabba l-mewt ta’ l-għeżież tagħhom spiss jiġu mqarrqin minn ideat ħżiena dwar dawk li jkunu mietu. Xi ħadd li jikkomunika ma’ l-ispirti jista’ jagħti informazzjoni speċjali jew jista’ jitkellem b’leħen li jixbah lil dak tal-mejjet. B’hekk, ħafna nies jikkonvinċu ruħhom li l-mejtin għadhom tassew ħajjin u l-kuntatt magħhom jgħin lill-ħajjin biex itaffu n-niket tagħhom. Imma “faraġ” bħal dan hu tassew falz kif ukoll perikoluż. Għala? Għaliex id-demonji jistgħu jimitaw il-leħen ta’ xi ħadd mejjet u jagħtu lill-persuna li tkun qed tikkomunika magħhom informazzjoni dwar il-mejjet. (1 Samwel 28:3-19) Iktar minn hekk, bħalma tgħallimna f’Kapitlu 6, il-mejtin m’għadhomx jeżistu. (Salm 115:17) Għalhekk, min “jistħarreġ il-mejtin” ikun ġie mqarraq mill-ispirti mill-agħar u jkun qed jaġixxi kontra r-rieda t’Alla. (Dewteronomju 18:10, 11; Isaija 8:19) Mela, oqgħod attent biex tirrifjuta din il-lixka perikoluża li jużaw id-demonji.

13L-ispirti mill-agħar mhux biss iqarrqu bin-nies imma wkoll iwerwruhom. Illum, Satana u d-demonji tiegħu jafu li “żmien qasir” baqgħalhom qabel ma jintefgħu fi stat ta’ inattività, u issa huma iktar feroċi minn qatt qabel. (Rivelazzjoni 12:1217) Minkejja dan, eluf ta’ nies li xi darba kienu jgħixu kuljum imwerwrin minħabba l-ispirti mill-agħar irnexxielhom jinħelsu minn dan il-biża’. Dan kif għamluh? X’jista’ jagħmel xi ħadd jekk saħansitra diġà jkun involut fl-ispiritiżmu?

KIF NIRREŻISTU L-ISPIRTI MILL-AGĦAR

14Il-Bibbja turina kif nirreżistu l-ispirti mill-agħar u kif jirnexxilna ninħelsu minnhom. Ikkunsidra l-eżempju tal-Kristjani ta’ l-ewwel seklu fil-belt ta’ Efesu. Xi wħud kienu jipprattikaw l-ispiritiżmu qabel ma saru Kristjani. Meta ddeċidew li jeħilsu mill-ispiritiżmu, x’għamlu? Il-Bibbja tgħid: “Għadd ġmielu minn dawk li kienu jipprattikaw l-arti tal-maġija ġabru l-kotba tagħhom flimkien u ħarquhom quddiem kulħadd.” (Atti 19:19) Dawn il-Kristjani l-ġodda li qerdu l-kotba tagħhom dwar il-maġija huma t’eżempju għal dawk li jixtiequ jirreżistu l-ispirti mill-agħar illum. In-nies li jridu jaqdu lil Ġeħova jeħtieġ li jeħilsu minn kwalunkwe ħaġa li għandha x’taqsam ma’ l-ispiritiżmu. Dan jinkludi kotba, rivisti, films, stampi, u mużika li jinkuraġġixxu l-ispiritiżmu u jġagħluh jidher interessanti u eċċitanti. Barra minn dawn, hemm ukoll l-amuleti, jew oġġetti oħra li jintlibsu bħala protezzjoni mill-ħażen.—1 Korintin 10:21.

KIF NIRREŻISTU L-ISPIRTI MILL-AGĦAR

  • Eħles mill-oġġetti użati fl-ispiritiżmu
  • Studja l-Bibbja
  • Itlob lil Alla
Raġel jieħu passi biex jinħeles mill-ispiritiżmu

15Xi snin wara li l-Kristjani f’Efesu qerdu l-kotba tagħhom tal-maġija, l-appostlu Pawlu kitbilhom: ‘Nissaraw… kontra l-forzi ta’ l-ispirti mill-agħar.’ (Efesin 6:12) Id-demonji ma qatgħux qalbhom. Kienu għadhom qed jipprovaw jaħtfuhom taħt idejhom. Għalhekk, dawn il-Kristjani x’kellhom bżonn jagħmlu iktar? “Fuq kollox,” qal Pawlu, “aqbdu f’idejkom it-tarka kbira tal-fidi, li biha tkunu tistgħu titfu l-vleġeġ tan-nar kollha tal-Ħażin [Satana].” (Efesin 6:16) Iktar ma tkun b’saħħitha t-tarka tal-fidi tagħna, iktar se nkunu nifilħu nirreżistu l-forzi ta’ l-ispirti mill-agħar.—Mattew 17:20.

16Mela, kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna? Billi nistudjaw il-Bibbja. Ħajt sod jiddependi ħafna minn kemm ikunu sodi l-pedamenti tiegħu. Bl-istess mod, jekk il-fidi tagħna tkunx soda jew le jiddependi ħafna mis-saħħa tal-bażi tagħha, li hi l-għarfien eżatt mill-Kelma t’Alla, il-Bibbja. Jekk naqraw u nistudjaw il-Bibbja kuljum, il-fidi tagħna se ssir b’saħħitha. Bħal ħajt sod, din il-fidi se tipproteġina mill-influwenza ta’ l-ispirti mill-agħar.—1 Ġwanni 5:5.

17Liema pass ieħor kellhom bżonn jieħdu l-Kristjani f’Efesu? Huma kellhom bżonn iktar protezzjoni għaliex kienu qed jgħixu f’belt mimlija demoniżmu. Għalhekk Pawlu qalilhom: “B’kull xorta ta’ talb u suppliki ibqgħu itolbu f’kull okkażjoni bl-ispirtu.” (Efesin 6:18) Ladarba aħna wkoll qed ngħixu f’dinja mimlija demoniżmu, huwa vitali li nitolbu bis-sinċerità kollha għall-protezzjoni ta’ Ġeħova sabiex inkunu nistgħu nirreżistu l-ispirti mill-agħar. M’għandniex xi ngħidu, jeħtieġ li nużaw l-isem ta’ Ġeħova fit-talb tagħna. (Proverbji 18:10) Għaldaqstant, għandna nkomplu nitolbu lil Alla biex ‘jeħlisna mill-Ħażin,’ Satana x-Xitan. (Mattew 6:13) Ġeħova se jwieġeb talb sinċier bħal dan.—Salm 145:19.

18L-ispirti mill-agħar huma perikolużi, imma jekk nopponu lix-Xitan u nersqu qrib lejn Alla billi nagħmlu r-rieda Tiegħu ma jkollniex għalxiex nibżgħu minnhom. (Ġakbu 4:7, 8) Il-qawwa ta’ l-ispirti mill-agħar hija limitata. Huma ġew kastigati fi żmien Noè, u ċertament li se jiffaċċjaw il-ġudizzju finali tagħhom fil-futur. (Ġuda 6) Ftakar ukoll li għandna l-protezzjoni ta’ l-anġli setgħana ta’ Ġeħova. (2 Slaten 6:15-17) Dawn l-anġli huma interessati ħafna li jarawna nirnexxu fil-ġlieda tagħna biex nirreżistu l-ispirti mill-agħar. Biex ngħidu hekk, l-anġli tajbin qed jinkuraġġuna. Għalhekk, ejja nibqgħu qrib Ġeħova u l-familja tiegħu ta’ ħlejjaq spirti leali. Jalla nevitaw ukoll kull xorta ta’ spiritiżmu u napplikaw dejjem il-pariri tal-Kelma t’Alla. (1 Pietru 5:6, 7; 2 Pietru 2:9) Imbagħad nistgħu nkunu ċerti mir-rebħa fil-ġlieda tagħna kontra l-ħlejjaq spirti mill-agħar.

19Imma Alla għala ssaporta l-ispirti mill-agħar u l-ħażen li kkaġuna tant sofferenzi lin-nies? Din il-mistoqsija se titwieġeb fil-kapitlu li jmiss.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • L-anġli leali jgħinu lil dawk li jaqdu lil Ġeħova.—Ebrej 1:714.
  • Satana u d-demonji tiegħu qed iqarrqu bin-nies u jdawruhom kontra Alla.—Rivelazzjoni 12:9.
  • Jekk tagħmel ir-rieda t’Alla u topponi lix-Xitan, Satana se jaħrab minnek.—Ġakbu 4:7, 8

*  Rigward l-anġli tajbin, Rivelazzjoni 5:11 jgħid: “L-għadd tagħhom kien mirjadi ta’ mirjadi,” jew “għaxart elef għal għexur t’eluf.” (Nota ta’ taħt) Mela l-Bibbja fil-fatt tindika li mijiet ta’ miljuni t’anġli ġew maħluqin.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1. Għala għandna nkunu rridu nitgħallmu dwar l-anġli?

2. L-anġli minfejn ġew, u kemm hemm?

3. Ġob 38:4-7 x’jgħidilna dwar l-anġli?

4. Il-Bibbja kif turi li l-anġli leali huma interessati fl-attivitajiet tal-bnedmin?

5. Fil-Bibbja nsibu liema eżempji t’appoġġ mill-anġli?

6. (a) L-anġli kif jipproteġuhom lin-nies t’Alla llum? (b) Liema mistoqsijiet se nikkunsidraw issa?

7. Satana sa liema punt irnexxielu jdawwar lin-nies kontra Alla?

8. (a) Xi anġli kif saru demonji? (b) Biex isalvaw mid-Dilluvju ta’ żmien Noè, id-demonji x’kellhom jagħmlu?

9. (a) Xi ġralhom id-demonji meta marru lura fis-sema? (b) X’se nikkunsidraw dwar id-demonji?

10. X’inhu l-ispiritiżmu?

11. X’inhu t-teħbir, u għala għandna nevitawh?

12. Għala huwa perikoluż li tipprova tikkomunika mal-mejtin?

13. Liema ħaġa rnexxielhom jagħmlu xi wħud li darba kienu jitwerwru mill-ispirti?

14. Kif nistgħu aħna, bħall-Kristjani ta’ l-ewwel seklu f’Efesu, ninħelsu mill-ispirti mill-agħar?

15. X’għandna bżonn nagħmlu biex nirreżistu l-forzi ta’ l-ispirti mill-agħar?

16. Kif nistgħu nsaħħu l-fidi tagħna?

17. X’pass għandna bżonn nieħdu sabiex nirreżistu l-ispirti mill-agħar?

18, 19. (a) Għala nistgħu nkunu ċerti mir-rebħa fil-ġlieda tagħna kontra l-ħlejjaq spirti mill-agħar? (b) Liema mistoqsija se titwieġeb fil-kapitlu li jmiss?