Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

Għala l-Kristjani Veri Ma Jużawx is-Salib fil-Qima

Għala l-Kristjani Veri Ma Jużawx is-Salib fil-Qima

IS-SALIB huwa maħbub u rispettat minn miljuni ta’ nies. The Encyclopædia Britannica ssejjaħ is-salib “is-simbolu prinċipali tar-reliġjon Kristjana.” Minkejja dan, il-Kristjani veri ma jużawx is-salib fil-qima. Għala le?

Raġuni importanti hi li Ġesù Kristu ma mietx fuq salib. Il-kelma Griega li ġeneralment tiġi tradotta “salib” hija stawros. Bażikament, din tfisser “arblu jew zokk wieqaf.” The Companion Bible tgħid hekk: “[Stawros] qatt ma tfisser żewġ biċċiet injam imsallbin f’xi angolu fuq xulxin…M’hemm xejn fil-Grieg tat-[Testment il-Ġdid] li forsi jista’ jimplika żewġ biċċiet injam.”

F’diversi rakkonti, il-kittieba tal-Bibbja jużaw kelma oħra għall-istrument tal-mewt ta’ Ġesù. Din hija l-kelma Griega ksilon. (Atti 5:30; 10:39; 13:29; Galatin 3:13; 1 Pietru 2:24) Il-kelma sempliċement tfisser “injama” jew “għuda, travu, jew siġra.”

Sabiex jispjega għalfejn zokk sempliċi kien jintuża għall-esekuzzjonijiet, il-ktieb Das Kreuz und die Kreuzigung (Is-Salib u l-Kruċifissjoni), miktub minn Hermann Fulda, jgħid: “Is-siġar ma kontx tkun tista’ ssibhom kullimkien fil-postijiet magħżulin għall-esekuzzjoni fil-pubbliku. Għalhekk, kienet issir ħofra fl-art u fiha jdaħħlu travu sempliċi. Ma’ dan kienu jiġu marbutin jew imsammrin in-nies ħżiena, b’idejhom merfugħin ’il fuq u ta’ spiss ukoll minn saqajhom.”

Iżda l-iktar prova konvinċenti minn kollha tiġi mill-Kelma t’Alla. L-appostlu Pawlu jgħid: “Kristu xtrana u ħelisna mis-saħta tal-Liġi billi sar saħta minflokna, għax hu miktub: ‘Misħut kulmin ikun imdendel ma’ zokk [“siġra,” King James Version].’” (Galatin 3:13) Hawn Pawlu jikkwota Dewteronomju 21:22, 23, li b’mod ċar jirreferi għal zokk ta’ siġra, mhux għal salib. Ladarba dan il-mezz t’esekuzzjoni għamel lill-persuna “saħta,” ma jkunx xieraq li Kristjan iżejjen daru bi xbihat ta’ Kristu msammar.

Ma tinstab ebda evidenza li għall-ewwel 300 sena mill-mewt ta’ Kristu, dawk li kienu Kristjani użaw is-salib fil-qima. Madankollu, fir-raba’ seklu, l-Imperatur pagan Kostantinu kkonverta għall-Kristjanità apostata u stinka biex is-salib isir is-simbolu tagħha. Kienu x’kienu l-motivi ta’ Kostantinu, is-salib ma kellu xejn x’jaqsam ma’ Ġesù Kristu. Fil-fatt, l-oriġini tas-salib hija pagana. In-New Catholic Encyclopedia tammetti: “Is-salib jinstab kemm f’kulturi ta’ qabel il-Kristjanità u kemm f’dawk li m’humiex Kristjani.” Diversi awtoritajiet oħra rabtu s-salib mal-qima lejn in-natura u riti sesswali pagani

Mela għala ġie mħeġġeġ daqshekk l-użu ta’ dan is-simbolu pagan? Milli jidher, biex ikun eħfef għall-pagani li jaċċettaw il-“Kristjanità.” Minkejja dan, id-devozzjoni lejn kwalunkwe simbolu pagan hija kundannata b’mod ċar fil-Bibbja. (2 Korintin 6:14-18) L-Iskrittura tipprojbixxi wkoll kull forma ta’ idolatrija. (Eżodu 20:4, 5; 1 Korintin 10:14) Għalhekk, il-Kristjani veri għandhom tassew raġuni soda għala ma jużawx is-salib fil-qima.*


*  Għal diskussjoni iktar fid-dettall dwar is-salib, ara paġni 89-93 tal-ktieb Reasoning From the Scriptures, u t-Traduzzjoni tad-Dinja l-Ġdida ta’ l-Iskrittura Griega Kristjana, appendiċi 6, pubblikati mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

← Ara r-referenza tal-kapitlu