Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU ĦDAX

Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?

Alla Għala Jippermetti s-Sofferenza?

Huwa Alla li kkaġuna s-sofferenza fid-dinja?

Liema kwistjoni qamet fil-ġnien ta’ l-Għeden?

Alla kif se jneħħi l-effetti tas-sofferenza tal-bniedem?

WARA battalja qalila f’wieħed mill-pajjiżi mifnijin bil-gwerra, l-eluf ta’ nisa u tfal pajżana li nqatlu ġew midfunin f’qabar kbir wieħed u madwaru tpoġġew slaleb żgħar. Fuq kull wieħed kien hemm miktub: “Għala?” Kultant, din hi l-iktar mistoqsija ta’ qsim il-qalb li wieħed jista’ jistaqsi. In-nies b’niket kbir jistaqsu din il-mistoqsija meta minħabba l-gwerer, id-diżastri, il-mard, jew id-delitti jmutilhom xi ħadd innoċenti mill-għeżież tagħhom, tinqerdilhom id-dar, jew isofru immens b’xi modi oħra. Huma jkunu jridu jafu għala jiġrulhom traġedji bħal dawn.

2 Alla għala jippermetti s-sofferenza? La Alla Ġeħova jista’ kollox, u hu kollu mħabba, għerf, u ġustizzja, għala fid-dinja hawn tant mibegħda u inġustizzji? Ġieli staqsejt dwar dawn l-affarijiet int stess?

3Huwa ħażin li tistaqsi għala Alla jippermetti s-sofferenza? Xi wħud jinkwetaw li jekk jistaqsu mistoqsija bħal din ikun ifisser li huma m’għandhomx biżżejjed fidi jew li qed jonqsu mir-rispett lejn Alla. Madankollu, meta taqra l-Bibbja, int se ssib li nies leali li kellhom il-biża’ t’Alla kienu jistaqsu mistoqsijiet bħal dawn. Per eżempju, il-profeta Ħabakkuk staqsa lil Ġeħova: “Għaliex turini l-ħażen, u inti toqgħod tħares lejn il-ħtija? Quddiemi qerda u vjolenza, hemm it-tilwim, u l-ġlied dejjem jiżdied.”—Ħabakkuk 1:3.

Ġeħova se jtemm is-sofferenza kollha

Funeral

4Irrabja Ġeħova mal-profeta leali Ħabakkuk talli qagħad jistaqsi mistoqsijiet bħal dawn? Le. Pjuttost, Alla inkluda l-kliem sinċier ta’ Ħabakkuk fil-kitbiet imnebbħin tal-Bibbja. Alla għenu wkoll biex ikollu fehma iktar ċara ta’ l-affarijiet u jikseb fidi akbar. Ġeħova jrid jagħmel l-istess għalik. Ftakar, il-Bibbja tgħallem li ‘hu jimpurtah minnek.’ (1 Pietru 5:7) Alla jobgħod il-ħażen u s-sofferenza li dan iġib miegħu iktar milli jobgħodhom kull bniedem ieħor. (Isaija 55:8, 9) Mela, għala hemm din is-sofferenza kollha fid-dinja?

GĦALA DIN IS-SOFFERENZA KOLLHA?

5In-nies ta’ reliġjonijiet differenti staqsew lill-mexxejja reliġjużi u l-għalliema tagħhom għala hawn din is-sofferenza kollha. Spiss, it-tweġiba li jagħtuhom tkun li s-sofferenza tiġi bir-rieda t’Alla u li hu ddetermina minn żmien twil ilu kulma kellu jiġri, inkluż it-traġedji. Għal ħafna oħrajn it-tweġiba tkun li l-mogħdijiet t’Alla ħadd ma jista’ jispjegahom, jew li hu Alla li jibgħat il-mewt lin-nies—saħansitra lit-tfal—sabiex jiħodhom ħdejh fis-sema. Iżda bħalma tgħallimt, Alla Ġeħova qatt ma jikkaġuna xi ħaġa ħażina. Il-Bibbja tgħid: “Ma jistax ikun li Alla jagħmel id-deni, li Xaddaj jagħmel dak li hu ħażin.”—Ġob 34:10.

6Taf għala n-nies b’mod żbaljat iwaħħlu f’Alla għas-sofferenza kollha li hawn fid-dinja? Ħafna drabi jwaħħlu f’Alla li Jista’ Kollox għaliex jaħsbu li hu fil-fatt qed jaħkem din id-dinja. Ma jafux dwar verità sempliċi imma importanti li tgħallem il-Bibbja. Int tgħallimt dwar din il-verità f’Kapitlu 3 ta’ dan il-ktieb. Il-ħakkiem veru ta’ din id-dinja hu Satana x-Xitan.

7Il-Bibbja tistqarr ċar u tond: “Id-dinja kollha qiegħda taħt il-qawwa tal-Ħażin.” (1 Ġwanni 5:19) Meta taħseb ftit dwar dan, ma tħossx li jagħmel sens? Din id-dinja tirrifletti l-personalità ta’ dak l-ispirtu inviżibbli li “qed iqarraq bl-art abitata kollha.” (Rivelazzjoni 12:9) Satana hu mimli mibegħda, qerq, u kefrija. Għalhekk id-dinja, li hi influwenzata minnu, ukoll hi mimlija mibegħda, qerq, u kefrija. Din hi raġuni waħda għala hawn tant sofferenza.

8It-tieni raġuni għala hawn tant sofferenza hija li, bħalma ġie diskuss f’Kapitlu 3, il-bniedem ilu imperfett u midneb mindu sar l-irvell fil-ġnien ta’ l-Għeden. Il-bnedmin midinba għandhom it-tendenza li jiġġieldu għad-dominanza, u dan jirriżulta fi gwerer, moħqrija, u sofferenza. (Koħèlet 4:1; 8:9) It-tielet raġuni għas-sofferenza hi minħabba “ż-żmien u ċ-ċirkustanzi.” (Koħèlet 9:11) F’dinja li fiha m’hemmx Ġeħova bħala Ħakkiem protettiv, in-nies għandhom mnejn isofru għaliex jinzertaw ikunu f’post żbaljat fil-ħin żbaljat.

9Huwa ta’ faraġ li tkun taf li Alla ma jikkaġunax is-sofferenza. M’huwiex responsabbli għall-gwerer, il-kriminalità, il-moħqrija, jew saħansitra d-diżastri naturali li jġagħlu n-nies isofru. Xorta waħda għandna bżonn inkunu nafu, Għala Ġeħova jippermetti din is-sofferenza kollha? Jekk hu Alla li Jista’ Kollox, mela għandu l-qawwa li jwaqqafha. Allura, għala ma jwaqqafhiex? L-Alla ta’ mħabba li nafu aħna bilfors li għandu raġuni tajba.—1 Ġwanni 4:8.

TQUM KWISTJONI VITALI

10Biex insiru nafu għala Alla jippermetti s-sofferenza, jeħtieġ li niftakru ftit fiż-żmien meta bdiet is-sofferenza. Meta Satana wassal lil Adam u lil Eva biex ma jobdux lil Ġeħova, qamet mistoqsija importanti. Satana ma qajjimx dubju dwar il-qawwa ta’ Ġeħova. Anki Satana jaf li m’hemm ebda limitu għall-qawwa ta’ Ġeħova. Pjuttost, Satana qajjem dubju dwar jekk Ġeħova kellux dritt jaħkem. Billi sejjaħ lil Alla giddieb li jċaħħad lis-sudditi tiegħu mill-affarijiet tajbin, Satana kien qed jakkuża lil Ġeħova li hu ħakkiem ħażin. (Ġenesi 3:2-5) Satana kien qed jagħti x’jifhem li l-bnedmin kienu se jkunu aħjar mingħajr il-ħakma t’Alla. Dan kien attakk fuq is-sovranità ta’ Ġeħova, id-dritt tiegħu li jaħkem.

11Adam u Eva rribellaw kontra Ġeħova. Fil-fatt, huma kienu qed jgħidu: “M’għandniex bżonn lil Ġeħova bħala Ħakkiem tagħna. Nistgħu niddeċiedu għalina nfusna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin.” Ġeħova kif seta’ jsolvi din il-kwistjoni? Kif seta’ jgħallem lill-ħlejjaq intelliġenti tiegħu kollha li r-ribelli ma kellhomx raġun u li l-mod tiegħu kien verament l-aqwa wieħed? Xi ħadd għandu mnejn jgħid li Alla messu sempliċement qered lil dawn ir-ribelli u beda kollox mill-ġdid. Imma Ġeħova kien stqarr l-iskop tiegħu li jimla l-art bin-nisel ta’ Adam u Eva, u hu riedhom jgħixu fuq art magħmula ġenna. (Ġenesi 1:28) Ġeħova dejjem iwettaq l-iskopijiet tiegħu. (Isaija 55:10, 11) Barra minn hekk, kieku qered liż-żewġ ribelli fl-Għeden ma kinitx titwieġeb il-mistoqsija li qamet rigward id-dritt ta’ Ġeħova li jaħkem.

Għalliem u l-istudenti tiegħu

Huwa l-istudent kwalifikat iktar mill-għalliem tiegħu?

12Ejja nikkunsidraw tixbiha. Immaġina li għalliem qed jgħid lill-istudenti tiegħu kif isolvu problema diffiċli. Student bravu imma ribelluż isostni li l-mod kif l-għalliem isolvi l-problema m’huwiex tajjeb. Waqt li qed jagħti x’jifhem li l-għalliem m’huwiex kapaċi, dan ir-ribell jinsisti li hu jaf mod ħafna aħjar kif isolvi l-problema. Xi studenti jaħsbu li għandu raġun, u huma wkoll isiru ribellużi. L-għalliem x’għandu jagħmel? Jekk jitfa’ r-ribelli ’l barra mill-klassi, dan x’effett se jkollu fuq l-istudenti l-oħra? M’humiex dawn se jibdew jemmnu li l-istudent seħibhom li rribella u l-oħrajn li żammew miegħu għandhom raġun? Il-bqija ta’ l-istudenti l-oħra fil-klassi għandhom mnejn jitilfu kull rispett lejn l-għalliem, billi jaħsbu li hu qed jibża’ li se joħorġuh ta’ ħmar. Imma nagħmlu mod li l-għalliem jagħti ċans lil dan ir-ribell juri lill-klassi kif hu kien se jsolvi l-problema.

13Ġeħova għamel xi ħaġa simili għal dak li għamel lgħalliem. Ftakar li r-ribelli fl-Għeden ma kinux l-uniċi wħud involuti. Miljuni t’anġli kienu qed jarawhom. (Ġob 38:7; Danjel 7:10) Il-mod kif Ġeħova ttratta din ir-ribelljoni kien se jeffettwa sew lil dawk l-anġli kollha u maż-żmien anki lill-ħlejjaq intelliġenti kollha. Għalhekk, Ġeħova x’għamel? Hu ppermetta lil Satana juri kif kien se jaħkem lill-bnedmin. Alla ppermetta wkoll lill-bnedmin imexxu lilhom infushom gwidati minn Satana.

14L-għalliem fit-tixbiha tagħna jaf li r-ribell u l-istudenti li appoġġawh ma kellhomx raġun. Imma hu jaf ukoll li billi jagħtihom l-opportunità biex jipprovaw iġibu l-provi tagħhom, il-klassi kollha kienet se tibbenefika. Meta r-ribelli ma jirnexxilhomx, kull student onest se jinduna li l-għalliem hu l-uniku wieħed kwalifikat biex imexxi l-klassi. Huma se jifhmu għala minn dakinhar ’il quddiem l-għalliem kien se jkeċċi mill-klassi lil kwalunkwe wieħed li jirribella. Bl-istess mod, Ġeħova jaf li kwalunkwe bniedem ta’ qalb onesta u l-anġli se jibbenefikaw meta jaraw li Satana u sħabu r-ribelli ma kellhomx raġun u li l-bnedmin ma jistgħux imexxu lilhom infushom. Bħal Ġeremija tal-qedem, huma se jsiru jafu din il-verità vitali: “Jien naf, Mulej, triq il-bniedem m’hijiex f’idejh, anqas min jimxi ma jista’ jiddirieġi l-passi tiegħu.”—Ġeremija 10:23.

GĦALA DAM DAQSHEKK?

15Iżda, Ġeħova għala ppermetta li s-sofferenza ddum sejra daqshekk? U għala m’għamel xejn biex iwaqqaf l-affarijiet ħżiena milli jseħħu? Ejja nikkunsidraw żewġ affarijiet li l-għalliem fit-tixbiha tagħna ma kienx se jagħmel. L-ewwel, hu ma kienx se jwaqqaf l-istudent ribell milli jippreżenta l-każ tiegħu. It-tieni, l-għalliem ma kienx se jgħin lir-ribell biex iġib il-provi favur il-każ tiegħu. Bl-istess mod, ikkunsidra żewġ affarijiet li Ġeħova kien determinat li ma jagħmilx. L-ewwel, hu ma waqqafx lil Satana u lil dawk li jappoġġawh milli jipprovaw iġibu l-provi biex juru li għandhom raġun. B’hekk kien hemm bżonn li jħalli ż-żmien jgħaddi. Fl-eluf ta’ snin ta’ storja umana, il-bnedmin kellhom iċ-ċans jaħkmu lilhom infushom billi jipprovaw kull tip ta’ ħakma jew gvern uman. Il-bniedem għamel avanzi fix-xjenza u oqsma oħra, imma l-inġustizzji, il-faqar, il-kriminalità, u l-gwerer saru agħar milli kienu. Issa nistgħu naraw bil-fatti kemm il-ħakma mill-bniedem falliet.

16It-tieni, Ġeħova m’għenx lil Satana biex jaħkem din id-dinja. Per eżempju, kieku Alla kellu jindaħal biex ma jħallix id-delitti tal-biża’ jsiru, ma kienx hu, fil-fatt, ikun qed juri li r-ribelli kellhom raġun? Ma kienx Alla jkun qed iġiegħel lin-nies jaħsbu li forsi l-bnedmin jistgħu jmexxu lilhom infushom mingħajr riżultati diżastrużi? Kieku Ġeħova kellu jaġixxi b’dan il-mod, hu kien ikun kompliċi ta’ gidba. Iżda, “hu impossibbli li Alla jigdeb.”—Ebrej 6:18.

Alla se jgħinek tissaporti s-sofferenza

Mara li qed titfarraġ permezz tal-Kelma t’Alla

17Iżda xi ngħidu dwar il-ħsara kollha li saret matul l-irvell li ilu tant sejjer kontra Alla? Tajjeb li nżommu f’moħħna li Ġeħova jista’ kollox. Għalhekk, hu jista’ jneħħi l-effetti tas-sofferenza tal-bniedem, u żgur li hekk se jagħmel. Bħalma diġà tgħallimna, il-ħsara li saret lill-pjaneta tagħna se tissewwa meta l-art tinbidel f’Ġenna. L-effetti tad-dnub se jitneħħew permezz tal-fidi fis-sagrifiċċju ta’ fidwa ta’ Ġesù, u l-effetti tal-mewt se jitneħħew permezz ta’ l-irxoxt. Alla b’hekk se juża lil Ġesù “biex ikisser l-għemejjel tax-Xitan.” (1 Ġwanni 3:8) Ġeħova se jwettaq dan kollu eżatt f’waqtu. Għandna għalxiex inkunu grati li hu m’aġixxiex qabel, għax il-paċenzja tiegħu tatna l-opportunità li nsiru nafu l-verità u naqduh. (2 Pietru 3:9, 10) Sadanittant, Alla għadu b’ħeġġa kbira jfittex aduraturi sinċieri u jgħinhom biex jissaportu kwalunkwe sofferenza li tista’ tiġi fuqhom f’din id-dinja mimlija inkwiet.—Ġwanni 4:23; 1 Korintin 10:13.

18Xi wħud forsi jaħsbu, Setgħet din is-sofferenza kollha tiġi evitata kieku Alla ħalaq lil Adam u lil Eva b’mod li ma setgħux jirribellaw? Biex twieġeb din il-mistoqsija, trid tiftakar f’rigal prezzjuż li tak Ġeħova.

KIF SE TUŻAH IR-RIGAL LI TAK ALLA?

19Bħalma rajna f’Kapitlu 5, il-bnedmin inħolqu bil-libertà ta’ l-għażla. Qatt ħsibt x’rigal prezzjuż huwa dan? Alla għamel annimali bla għadd, u l-biċċa l-kbira minnhom jimxu bl-istint. (Proverbji 30:24, NW) Il-bniedem għamel xi robots li jistgħu jiġu programmati biex jobdu kull kmand. Konna nkunu ferħanin kieku Alla għamilna hekk? Le, aħna ferħanin li għandna l-libertà li nagħmlu għażliet dwar x’tip ta’ persuna rridu nsiru, liema triq se naqbdu fil-ħajja, xi ħbieb nagħżlu, u affarijiet bħal dawn. Nieħdu gost li jkollna ċertu ammont ta’ libertà, u Alla jixtieqna ngawduha.

20Ġeħova ma jiħux gost li xi ħadd jaqdih bilfors. (2 Korintin 9:7) Biex nagħtu eżempju: Ġenitur x’jogħġbu l-iktar—li t-tifel tiegħu jgħidlu “nħobbok” għaliex xi ħadd qallu biex jgħidlu hekk jew meta jgħidha waħdu u minn qalbu? Mela l-mistoqsija hi, Int kif se tużaha l-libertà ta’ l-għażla li tak Ġeħova? Satana, Adam, u Eva ma setgħux użaw il-libertà ta’ l-għażla agħar milli użawha. Huma ċaħdu lil Alla Ġeħova. Int x’se tagħmel?

21Int għandek l-opportunità li tuża dan ir-rigal meraviljuż tal-libertà ta’ l-għażla bl-aħjar mod possibbli. Tista’ tingħaqad mal-miljuni li issa ħadu l-waqfa tagħhom fuq in-naħa ta’ Ġeħova. Huma jferrħu qalb Ġeħova għaliex qed jagħtu sehemhom biex joħorġu lil Satana ta’ giddieb u juru kemm hu falla bl-ikrah bħala ħakkiem. (Proverbji 27:11) Int ukoll tista’ tagħmel hekk billi tagħżel it-triq it-tajba fil-ħajja. Din se tiġi spjegata fil-kapitlu li jmiss.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • M’huwiex Alla li jikkaġuna l-kundizzjonijiet ħżiena fid-dinja.—Ġob 34:10.
  • Billi sejjaħ lil Alla giddieb u qal li Hu jċaħħad lis-sudditi Tiegħu mill-affarijiet tajbin, Satana qajjem dubju dwar jekk Ġeħova kellux dritt jaħkem.—Ġenesi 3:2-5.
  • Ġeħova se juża lil Ibnu, bħala l-Ħakkiem tas-Saltna Messjanika, biex itemm is-sofferenza umana kollha u biex ineħħi l-effetti kollha tagħha.—1 Ġwanni 3:8.

Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Liema xorta ta’ sofferenzi jiffaċċjaw in-nies illum, u din twassalhom biex jistaqsu liema mistoqsijiet?

3, 4. (a) X’juri li m’huwiex ħażin li tistaqsi għala Alla jippermetti s-sofferenza? (b) Ġeħova kif iħossu dwar il-ħażen u s-sofferenza?

5. Xi drabi liema raġunijiet jingħataw biex jispjegaw għala hawn din is-sofferenza umana kollha, imma l-Bibbja x’tgħallem?

6. Ħafna nies għala b’mod żbaljat iwaħħlu f’Alla għas-sofferenza li hawn fid-dinja?

7, 8. (a) Id-dinja kif tirrifletti l-personalità tal-ħakkiem tagħha? (b) L-imperfezzjoni umana u “ż-żmien u ċ-ċirkustanzi” kif wasslu għas-sofferenza?

9. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova għandu raġuni tajba għala jippermetti li s-sofferenza tibqa’ sejra?

10. Satana dwar liema ħaġa qajjem dubju, u kif?

11. Ġeħova għala ma qabadx u qered lir-ribelli fl-Għeden?

12, 13. Agħti eżempju biex tispjega għala Ġeħova ppermetta lil Satana jsir il-ħakkiem ta’ din id-dinja u għala Alla ppermetta lill-bnedmin imexxu lilhom infushom.

14. Id-deċiżjoni ta’ Ġeħova li jħalli lill-bnedmin imexxu lilhom infushom x’benefiċċju se ġġib?

15, 16. (a) Ġeħova għala ppermetta li s-sofferenza ddum sejra daqshekk? (b) Ġeħova għala m’għamel xejn biex iwaqqaf affarijiet koroh bħalma huma d-delitti milli jseħħu?

17, 18. Ġeħova x’se jagħmel dwar il-ħsara kollha li ġiet minħabba l-ħakma mill-bniedem u l-influwenza ta’ Satana?

19. Ġeħova liema rigal prezzjuż tana, u għala għandu jkun prezzjuż għalina?

20, 21. Kif nistgħu nużaw ir-rigal tal-libertà ta’ l-għażla bl-aħjar mod possibbli, u għala għandna nkunu rridu nagħmlu dan?