Xi jfisser li tħobb ’l Alla?

Kif nistgħu nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla?

Ġeħova kif se jippremja lil dawk li jżommu ruħhom fl-imħabba tiegħu?

IMMAĠINAK miexi fit-triq f’ġurnata maltemp. Is-sema jimtela bi sħab iswed u jiddallam. Jibda jberraq, iriegħed, u mbagħad tibda nieżla xita bil-qliel. Int tgħaġġel kemm tiflaħ biex tfittex tistkenn. Fil-ġenb tat-triq tara post fejn tista’ tistkenn. Jidher sod, kenni, u jħajrek. Kemm tapprezzah dan il-post ta’ sigurtà!

Raġel ifittex protezzjoni minn maltempata

Se tagħmel int lil Ġeħova l-kenn tiegħek matul dawn iż-żminijiet ta’ taqlib kbir?

2 Aħna qed ngħixu fi żminijiet ta’ taqlib kbir. Il-kundizzjonijiet tad-dinja sejrin mill-ħażin għall-agħar. Imma hemm post ta’ kenn fis-sigurtà, kenn li jista’ jħarisna minn ħsara permanenti. Dan x’post hu? Innota dak li tgħallem il-Bibbja: “Għid lill-Mulej: ‘Kenn tiegħi u qawwa tiegħi int, Alla tiegħi, jien fik nittama.’”—Salm 91:2.

3Immaġina ftit! Ġeħova, il-Ħallieq u Sovran ta’ l-univers, jista’ jkun il-kenn protettiv tagħna. Hu jista’ jżommna fis-sigurtà, għax hu bil-wisq iktar qawwi minn kwalunkwe persuna jew ħaġa li tista’ tkun kontrina. Anki jekk tiġrilna l-ħsara, Ġeħova jista’ jirranġa l-effetti koroh kollha. Kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-kenn tagħna? Għandna bżonn nafdaw fih. Barra minn hekk, il-Kelma t’Alla tħeġġiġna: “Żommu ruħkom fl-imħabba t’Alla.” (Ġuda 21) Iva, jeħtieġ li nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla, billi nżommu rabta ta’ mħabba ma’ Missierna tas-sema. Imbagħad nistgħu nserrħu moħħna li hu jkun il-kenn tagħna. Imma kif nistgħu nifformaw rabta bħal din?

AGĦRAF U WIEĠEB GĦALL-IMĦABBA T’ALLA

4Biex inżommu ruħna fl-imħabba t’Alla, jeħtieġ li napprezzaw kif Ġeħova wera mħabbtu lejna. Aħseb dwar ftit mit-tagħlim tal-Bibbja li sirt taf bl-għajnuna ta’ dan il-ktieb. Bħala l-Ħallieq, Ġeħova tana l-art biex tkun id-dar pjaċevoli tagħna. Hu pprovdielna abbundanza ta’ ikel u ilma, riżorsi naturali, annimali affaxxinanti, u xeni mill-isbaħ. Bħala l-Awtur tal-Bibbja, Alla rrivelalna ismu u l-kwalitajiet tiegħu. Iktar minn hekk, il-Kelma tiegħu tirrivela li hu bagħat lill-istess Iben maħbub tiegħu, Ġesù, fuq l-art, u ħallieh ibati u jmut għalina. (Ġwanni 3:16) U dan ir-rigal xi jfisser għalina? Dan jagħtina tama għal futur meraviljuż.

5It-tama tagħna għall-futur tiddependi wkoll minn xi ħaġa oħra li għamel Alla. Ġeħova stabbilixxa gvern tas-sema, is-Saltna Messjanika. Din dalwaqt se ttemm it-tbatija kollha u se tagħmel l-art ġenna. Aħseb ftit! Aħna nistgħu ngħixu fuqha fil-paċi u l-hena għal dejjem. (Salm 37:29) Sadanittant, Alla tana gwida dwar kif nistgħu ngħixu bl-aħjar mod possibbli issa stess. Hu tana wkoll ir-rigal tat-talb, li permezz tiegħu nistgħu nikkomunikaw miegħu liberament. Dawn huma biss ftit modi li bihom Ġeħova wera l-imħabba lejn il-bnedmin in ġenerali u għalik bħala individwu.

6Il-mistoqsija vitali li għandek tikkunsidra hija din: Jien kif se nwieġeb għall-imħabba t’Alla? Ħafna se jgħidu: “Jeħtieġ li jien ukoll inħobb lil Ġeħova.” Hekk tħossok int? Ġesù qal li dan il-kmand hu l-akbar wieħed: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu.” (Mattew 22:37) Int ċertament li għandek ħafna raġunijiet għala għandek tħobb lil Alla Ġeħova. Imma hu biżżejjed li sempliċement tħoss li għandek imħabba bħal din sabiex tħobb lil Ġeħova b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu?

Żerriegħa tat-tuffieħ

7Bħalma hu deskritt fil-Bibbja, l-imħabba għal Alla hija ferm iktar minn sempliċi sentiment. Fil-fatt, għalkemm hu essenzjali li tħoss imħabba għal Ġeħova, dan is-sentiment hu biss il-bidu ta’ l-imħabba vera għalih. Żerriegħa tat-tuffieħ hija essenzjali biex siġra tat-tuffieħ tkun tista’ tikber u tagħmel il-frott. Madankollu, jekk ikollok aptit tuffieħa, tkun kuntent int kieku xi ħadd jagħtik żerriegħa tat-tuffieħ? Ma naħsibx! Bl-istess mod, sentiment ta’ mħabba lejn Alla Ġeħova hu biss il-bidu. Il-Bibbja tgħallem: “L-imħabba t’Alla tfisser dan: li nosservaw il-kmandamenti tiegħu; u madankollu l-kmandamenti tiegħu m’humiex tqal.” (1 Ġwanni 5:3) Biex tkun ġenwina, l-imħabba għal Alla trid tagħmel frott tajjeb. Wieħed irid jesprimiha bl-għemejjel.—Mattew 7:16-20.

8Aħna nuru mħabbitna lejn Alla meta nobdu l-kmandamenti tiegħu u napplikaw il-prinċipji tiegħu. M’huwiex diffiċli li nagħmlu dan. Il-liġijiet t’Alla mhux talli m’humiex tqal imma talli huma mfasslin biex jgħinuna ngħixu ħajja pjaċevoli, hienja, u sodisfaċenti. (Isaija 48:17, 18) Meta ngħixu ħajjitna fi qbil mal-gwida ta’ Ġeħova, aħna nkunu qed nuru lil Missierna tas-sema li verament napprezzaw kulma għamel għalina. B’dispjaċir ngħidu li ftit huma dawk fid-dinja ta’ llum li juru dan l-apprezzament. Ma rridux nuru nuqqas t’apprezzament, bħalma għamlu xi nies li għexu fuq l-art fi żmien Ġesù. Ġesù fejjaq għaxar imġiddmin, imma wieħed biss mar lura biex jirringrazzjah. (Luqa 17:12-17) Żgur li rridu nkunu bħal dak il-wieħed li kien grat, u mhux bħad-disgħa li kienu ingrati!

9Mela, x’inhuma l-kmandamenti ta’ Ġeħova li jeħtieġ li nobdu? Iddiskutejna ftit minnhom f’dan il-ktieb, imma ejja nirrivedu xi wħud. L-ubbidjenza lejn il-kmandamenti t’Alla se tgħinna nżommu ruħna fl-imħabba t’Alla.

ERSAQ DEJJEM EQREB LEJN ĠEĦOVA

10Pass importanti biex nersqu eqreb lejn Ġeħova hu li nitgħallmu dwaru. Hu proċess li qatt m’għandu jieqaf. Kieku kont barra f’lejla kiesħa ħafna u qed tipprova tisħon ħdejn ħuġġieġa nar, kont int tħalli l-fjammi jiddgħajfu u jintfew? Le. Kont tibqa’ titfa’ l-injam sabiex in-nar jibqa’ mkebbes u jaħraq. Ħajtek tista’ tiddependi minn dan! Bħalma l-injam ikebbes in-nar, hekk ukoll l-istess “tagħrif ta’ Alla” se jkompli jkebbes imħabbitna lejn Ġeħova.—Proverbji 2:1-5.

Bħalma n-nar għandu bżonn l-injam biex jitkebbes, hekk ukoll imħabbtek lejn Ġeħova trid tibqa’ mkebbsa

Raġel jisħon ħdejn in-nar

11Ġesù ried li s-segwaċi tiegħu jżommu mħabbithom lejn Ġeħova u lejn il-Kelma ta’ verità prezzjuża Tiegħu ħajja u mkebbsa sew. Wara l-irxoxt tiegħu, Ġesù wera lil tnejn mid-dixxipli tiegħu xi profeziji fl-Iskrittura Ebrajka li twettqu fih. X’kien l-effett? Huma qalu iktar tard: “Ma kinux qlubna mkebbsin fina meta beda jkellimna fit-triq, hu u jispjegalna ċar l-Iskrittura?”—Luqa 24:32.

12Meta sirt taf għall-ewwel darba dak li tassew tgħallem il-Bibbja, kont int tħoss qalbek tfur bil-ferħ, ħeġġa, u mħabba lejn Alla? M’hemm l-ebda dubju. Ħafna ħassew l-istess ħaġa. L-isfida issa hi li żżomm din l-imħabba profonda tkebbes fik u tgħinha biex tkompli tikber. Ma rridux nimxu wara x-xejra tad-dinja ta’ llum. Ġesù bassar: “Tibred l-imħabba tal-biċċa l-kbira min-nies.” (Mattew 24:12) Kif tista’ tevita li tħalli mħabbtek tibred għal Ġeħova u għall-veritajiet tal-Bibbja?

13Ibqa’ ikseb l-għarfien dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. (Ġwanni 17:3) Immedita, jew aħseb fil-fond, fuq dak li titgħallem mill-Kelma t’Alla billi tistaqsi lilek innifsek: ‘Dan x’jgħallimni dwar Alla Ġeħova? X’raġuni oħra jagħtini dan l-għarfien biex inħobbu b’qalbi, b’moħħi, u b’ruħi kollha?’ (1 Timotju 4:15) Meditazzjoni bħal din se tkompli tkebbes imħabbtek lejn Ġeħova.

14Mod ieħor biex iżżomm imħabbtek lejn Ġeħova mkebbsa sew hi li titlob regolarment. (1 Tessalonikin 5:17) F’Kapitlu 17 ta’ dan il-ktieb tgħallimna li t-talb hu rigal prezzjuż mingħand Alla. Bħalma r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin jiffjorixxu jekk dawn jikkomunikaw regolarment u liberament ma’ xulxin, hekk ukoll ir-relazzjoni tagħna ma’ Ġeħova se tfur bl-imħabba u tissaħħaħ meta aħna nitolbuh regolarment. Hu vitali li qatt ma nħallu t-talb tagħna jsir kantaliena—sempliċi kliem ta’ rutina ripetut darba wara l-oħra bla ma nkunu nafu x’qed ngħidu jew inħossu verament. Jeħtieġ li nitkellmu ma’ Ġeħova bħalma tifel ċkejken jitkellem ma’ missieru li jħobbu. M’għandniex xi ngħidu, irridu nitkellmu bir-rispett, imma fl-istess ħin liberament, onestament, u minn qalbna. (Salm 62:9 [62:8, NW]) Iva, studju persunali tal-Bibbja flimkien ma’ talb mill-qalb huma aspetti vitali tal-qima tagħna, u jgħinuna biex inżommu ruħna fl-imħabba t’Alla.

SIB IL-FERĦ META TQIM LIL ALLA

15L-istudju persunali tal-Bibbja u t-talb huma affarijiet li nagħmlu privatament bħala parti mill-qima tagħna. Madankollu, issa ejja nikkunsidraw aspett tal-qima li rridu nwettqu pubblikament: li nitkellmu m’oħrajn dwar it-twemmin tagħna. Għedt lil xi ħadd dwar xi ftit mill-veritajiet tal-Bibbja li tgħallimt? Jekk inhu hekk, int ħadt sehem fi privileġġ ta’ l-għaġeb. (Luqa 1:74) Meta nitkellmu man-nies dwar il-veritajiet li tgħallimna dwar Alla Ġeħova, aħna nkunu qed inwettqu inkarigu importanti ħafna li ngħata lill-Kristjani veri kollha—dak li nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla.—Mattew 24:14; 28:19, 20.

16L-appostlu Pawlu kien iqis il-ministeru tiegħu bħala xi ħaġa prezzjuża, u sejjaħlu teżor. (2 Korintin 4:7) M’hemmx xogħol aħjar li tista’ tagħmel milli titkellem man-nies dwar Alla Ġeħova u l-iskopijiet tiegħu. Qed tagħti servizz lill-aqwa Sid, u dan se jġib l-aqwa benefiċċji possibbli. Meta tagħmel dan ix-xogħol, int tkun qed tgħin lin-nies ta’ qalb onesta jersqu qrib lejn Missierna tas-sema u jimxu fit-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem! Liema xogħol jista’ jkun iktar sodisfaċenti? Barra minn hekk, meta tagħti xiehda dwar Ġeħova u l-Kelma tiegħu tkun qed tkabbar il-fidi tiegħek stess u ssaħħaħ imħabbtek lejh. U Ġeħova japprezzahom ħafna l-isforzi tiegħek. (Ebrej 6:10) Il-fatt li jkollok ħafna x’tagħmel f’dan ix-xogħol se jgħinek biex iżżomm ruħek fl-imħabba t’Alla.—1 Korintin 15:58.

17Huwa importanti li tiftakar li x-xogħol ta’ l-ippridkar tas-Saltna hu urġenti. Il-Bibbja tgħid: “Ippriedka l-kelma u agħmel dan b’urġenza.” (2 Timotju 4:2) Għala hu urġenti li tagħmel dan illum? Il-Kelma t’Alla tgħidilna: “Il-Jum il-kbir tal-Mulej fil-qrib! Fil-qrib, u riesaq b’ħeffa li ma bħalha!” (Sofonija 1:14) Iva, iż-żmien meta Ġeħova se jtemm din is-sistema kollha kemm hi ġej b’ħeffa li ma bħalha. In-nies hemm bżonn li jiġu mwissijin! Jeħtieġ li jkunu jafu li issa hu l-waqt li jagħżlu lil Ġeħova bħala s-Sovran tagħhom. It-tmiem ‘ma jiddawwarx ma jasal.’—Ħabakkuk 2:3.

18Ġeħova jridna nqimuh pubblikament ma’ sħabna l-Kristjani veri. Hu għalhekk li l-Kelma tiegħu tgħid: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebrej 10:24, 25) Meta nkunu miġburin ma’ l-aduraturi sħabna fil-laqgħat Kristjani, aħna jkollna opportunità ta’ l-għaġeb li nfaħħru u nqimu lill-maħbub Alla tagħna. Aħna wkoll nibnu u ninkuraġġixxu lil xulxin.

19Hekk kif nassoċjaw m’aduraturi oħra ta’ Ġeħova, aħna nsaħħu r-rabtiet ta’ mħabba u ħbiberija fil-kongregazzjoni. Huwa importanti li nfittxu t-tajjeb f’xulxin, bħalma Ġeħova jfittex it-tajjeb fina. Tistenniex il-perfezzjoni minn aduraturi sħabek. Ftakar li mhux kulħadd jagħmel progress spiritwali bl-istess mod, u li lkoll nagħmlu l-iżbalji. (Kolossin 3:13) Fittex li tibni ħbiberiji ma’ dawk li għandhom imħabba profonda għal Ġeħova, u tara kif tikber spiritwalment. Iva, li tqim lil Ġeħova ma’ ħutek spiritwali se jgħinek biex iżżomm ruħek fl-imħabba t’Alla. Ġeħova kif jippremja lil dawk li jqimuh fedelment, u b’hekk iżommu ruħhom fl-imħabba tiegħu?

IRSISTI GĦALL-“ĦAJJA VERA”

20Ġeħova jippremja lill-qaddejja leali tiegħu billi jagħtihom il-ħajja, imma x’tip ta’ ħajja? Sewwa, int tassew qiegħed tgħix issa? Il-biċċa l-kbira minna se jgħidu li t-tweġiba hija ovvja. Wara kollox, qed nieħdu n-nifs, nieklu, u nixorbu. Żgur li aħna ħajjin. U meta nkunu ferħanin iktar mis-soltu, nistgħu saħansitra ngħidu, “Issa naf li qiegħed ngħix tassew!” Madankollu, il-Bibbja turi li f’sens importanti, ebda bniedem illum m’hu jgħix tassew.

Familja tgawdi kundizzjonijiet ta’ ġenna

Ġeħova jridek tgawdi “l-ħajja vera.” Se tgawdiha int?

21Il-Kelma t’Alla tħeġġiġna biex ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera.’ (1 Timotju 6:19) Dan il-kliem jindika li “l-ħajja vera” hi xi ħaġa li nittamaw li niksbu fil-futur. Iva, meta nkunu perfetti se nkunu ħajjin fil-veru sens tal-kelma għax se nkunu qed ngħixu bil-mod li Alla oriġinalment riedna ngħixu. Meta nkunu qed ngħixu fuq art magħmula ġenna f’saħħa, paċi, u hena kompleti, aħna sa fl-aħħar se ngawdu “l-ħajja vera”—il-ħajja ta’ dejjem. (1 Timotju 6:12) X’tama ta’ l-għaġeb hi din!

22Kif nistgħu ‘naqbdu qabda soda mal-ħajja vera’? Fl-istess kuntest, Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani “biex jagħmlu l-ġid” u “jkunu għonja f’għemejjel tajbin.” (1 Timotju 6:18) Mela, jidher ċar li jiddependi ħafna minn kif aħna napplikaw il-veritajiet li nkunu tgħallimna mill-Bibbja. Imma ried Pawlu jfisser li aħna nkunu ħadna “l-ħajja vera” bħala ħlas għall-għemejjel tajbin li nkunu għamilna? Le, għax dawn il-prospetti meraviljużi jiddependu verament milli nirċievu “qalb tajba mhix mistħoqqa” mingħand Alla. (Rumani 5:15) Madankollu, Ġeħova jitgħaxxaq jippremja lil dawk li jaqduh fedelment. Hu jrid jarak tgħix “il-ħajja vera.” Din il-ħajja ta’ dejjem mimlija hena u paċi hemm lesta għal dawk li jżommu ruħhom fl-imħabba t’Alla.

23Kull wieħed minna jagħmel tajjeb li jistaqsi lilu nnifsu, ‘Qiegħed jien inqim lil Alla bil-mod kif hu kkmandana fil-Bibbja?’ Jekk minn jum għal jum naraw li qed nagħmlu dan, mela nistgħu ngħidu li qegħdin fit-triq it-tajba. Nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova hu l-kenn tagħna. Hu se jħares lin-nies leali tiegħu f’dawn l-aħħar jiem mimlijin inkwiet ta’ din id-dinja qadima. Ġeħova se jħarisna wkoll biex idaħħalna fid-dinja ġdida u glorjuża li issa qiegħda qrib. X’eċċitament se jkollna li naraw dan iż-żmien b’għajnejna! U kemm se nħossuna kuntenti li għamilna l-għażliet tajbin matul dawn l-aħħar jiem! Jekk tagħmel dawn l-għażliet issa, int se tgawdi “l-ħajja vera,” ħajja kif Alla Ġeħova riedha li tkun, għall-eternità kollha!

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Fejn illum nistgħu nsibu post ta’ kenn fis-sigurtà?

3. Kif nistgħu nagħmlu lil Ġeħova l-kenn tagħna?

4, 5. X’inhuma xi modi kif Ġeħova esprima mħabbtu għalina?

6. Kif għandek mnejn twieġeb għall-imħabba li Ġeħova wera miegħek?

7. Hu biżżejjed li sempliċement tħoss sentiment ta’ mħabba biex tgħid li tħobb lil Alla? Spjega.

8, 9. Kif nistgħu nesprimu l-imħabba u l-apprezzament tagħna lejn Alla?

10. Spjega għala hu importanti li nkomplu nieħdu t-tagħrif dwar Alla Ġeħova.

11. It-tagħlim ta’ Ġesù liema effett ħalla fuq is-segwaċi tiegħu?

12, 13. (a) Xi ġralha l-imħabba għal Alla u għall-Bibbja fost il-maġġuranza tan-nies illum? (b) Kif nistgħu noqogħdu attenti biex ma nħallux l-imħabba tagħna tibred?

14. It-talb kif jista’ jgħinna nżommu l-imħabba tagħna għal Ġeħova mkebbsa?

15, 16. Għala nistgħu bix-xieraq inqisu x-xogħol ta’ l-ippridkar tas-Saltna bħala privileġġ u teżor?

17. Il-ministeru Kristjan għala hu urġenti llum?

18. Għala għandna nqimu pubblikament lil Ġeħova flimkien ma’ sħabna l-Kristjani veri?

19. Kif nistgħu naħdmu biex insaħħu r-rabtiet ta’ mħabba fil-kongregazzjoni Kristjana?

20, 21. X’inhi “l-ħajja vera,” u għala hija tama ta’ l-għaġeb?

22. Kif tista’ ‘taqbad qabda soda mal-ħajja vera’?

23. Għala huwa essenzjali li żżomm ruħek fl-imħabba t’Alla?