Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

KAPITLU SITTAX

Ħu l-Waqfa Tiegħek Favur il-Qima Vera

Ħu l-Waqfa Tiegħek Favur il-Qima Vera

Il-Bibbja x’tgħallem dwar l-użu tax-xbihat u l-qima lill-antenati?

Il-Kristjani kif iqisuhom il-festi reliġjużi?

Kif tista’ tispjega t-twemmin tiegħek lil oħrajn mingħajr ma toffendi s-sentimenti tagħhom?

IMMAĠINA li skoprejt li l-inħawi fejn toqgħod ġew imniġġsin. Xi ħadd kien qiegħed jarmi skart velenuż bil-moħbi f’dawk l-inħawi, u issa s-sitwazzjoni hija ta’ theddida għall-ħajjiet tan-nies. Kieku int x’tagħmel? Bla dubju, kieku tkun tista’ taqbad u titlaq minn hemm. Imma avolja jirnexxilek tagħmel dan, xorta se jkollok tiffaċċja din il-mistoqsija serja, ‘Tgħid ġejt ivvelenat?’

2 Sitwazzjoni simili tqum rigward ir-reliġjon falza. Il-Bibbja tgħallem li qima bħal din hija mniġġsa b’tagħlim u prattiċi mhux nodfa. (2 Korintin 6:17) Għalhekk, huwa importanti li int toħroġ minn “Babilonja l-Kbira,” l-imperu dinji ta’ reliġjon falza. (Rivelazzjoni 18:24) Għamiltu dan? Jekk inhu hekk, ħaqqek prosit. Imma hemm iktar involut milli sempliċement toħroġ jew tirriżenja minn xi reliġjon falza. Wara, int trid tistaqsi lilek innifsek, ‘Għad għandi xi traċċi tal-qima falza ġewwa fija?’ Ikkunsidra xi eżempji.

IX-XBIHAT U L-QIMA LILL-ANTENATI

Forom ta’ qima prattikati madwar id-dinja

3Xi nies ilhom is-snin bix-xbihat u n-niċeċ fi djarhom. Anki int? Jekk iva, forsi tħossha stramba jew taħseb li mhux sewwa li titlob lil Alla mingħajr l-għajnuna ta’ xi ħaġa li taraha. Forsi qalbek tkun marbuta ma’ xi wħud minnhom. Imma hu Alla li jgħidilna kif għandna nqimuh, u l-Bibbja tgħallem li hu ma jridniex nużaw ix-xbihat. (Eżodu 20:4, 5; Salm 115:4-8; Isaija 42:8; 1 Ġwanni 5:21) Għalhekk, int tista’ tieħu l-waqfa tiegħek favur il-qima vera billi teqred kwalunkwe oġġett li għandek u li għandu x’jaqsam mal-qima falza. Int trid assolutament tibda tqishom bħalma jqishom Ġeħova—bħala xi ħaġa ‘mistkerrha.’—Dewteronomju 27:15.

4Anki l-qima lill-antenati hija komuni f’ħafna reliġjonijiet foloz. Qabel ma saru jafu l-verità tal-Bibbja, xi wħud kienu jemmnu li l-mejtin huma konxji f’xi qasam inviżibbli u li dawn jistgħu jgħinu jew jagħmlu ħsara lill-ħajjin. Forsi kont tagħmel sforzi kbar biex ma tirrabjax lill-antenati mejtin tiegħek. Imma bħalma tgħallimt f’Kapitlu 6 ta’ dan il-ktieb, il-mejtin la għadhom jeżistu u lanqas jinsabu konxji xi mkien. B’hekk, huwa kollu għalxejn li tipprova tikkomunika magħhom. Kwalunkwe messaġġ li jidher li jkun ġej mingħand xi ħadd mill-maħbubin mejtin tagħna jkun fil-fatt ġej mingħand id-demonji. Għalhekk, Ġeħova pprojbixxa lill-Iżraelin milli jipprovaw jitkellmu mal-mejtin jew jieħdu sehem fi kwalunkwe forma oħra ta’ spiritiżmu.—Dewteronomju 18:10-12.

5Jekk kont tuża x-xbihat jew tipprattika l-qima lill-antenati bħala parti mill-qima tiegħek ta’ qabel, x’tista’ tagħmel? Aqra u aħseb fil-fond fuq siltiet mill-Bibbja li juruk kif Alla jqis dawn l-affarijiet. Itlob kuljum lil Ġeħova dwar ix-xewqa tiegħek li tieħu l-waqfa favur il-qima vera, u itolbu jgħinek taħseb bil-mod kif jaħseb hu.—Isaija 55:9.

IL-MILIED—MA KIENX ĊELEBRAT MILL-EWWEL KRISTJANI

6Il-qima ta’ individwu tista’ tkun imniġġsa mir-reliġjon falza minħabba l-festi popolari. Per eżempju, ħu mill-Milied. Dan suppost ifakkar it-twelid ta’ Ġesù Kristu, u kważi kull reliġjon li tgħid li hi Kristjana tiċċelebrah. Iżda, m’hemm ebda evidenza li d-dixxipli ta’ Ġesù fl-ewwel seklu kienu jiċċelebraw din il-festa. Il-ktieb Sacred Origins of Profound Things jistqarr: “Matul iż-żewġ sekli ta’ wara t-twelid ta’ Kristu, ħadd ma kien jaf id-data eżatta meta twieled, u ftit nies interessaw ruħhom fiha.”

7Anki kieku d-dixxipli ta’ Ġesù kienu jafu d-data eżatta tat-twelid tiegħu, huma xorta ma kinux se jiċċelebrawh. Għala? Għaliex, bħalma tgħid The World Book Encyclopedia, l-ewwel Kristjani “kienu jqisu ċ-ċelebrazzjoni ta’ jum it-twelid ta’ persuna bħala drawwa pagana.” L-uniċi ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid li jissemmew fil-Bibbja huma dawk ta’ żewġ ħakkiema li ma kinux iqimu lil Ġeħova. (Ġenesi 40:20; Marku 6:21) Barra minn hekk, kienu jsiru ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid f’ġieħ l-allat foloz. Per eżempju, fl-24 ta’ Mejju r-Rumani kienu jiċċelebraw jum it-twelid ta’ l-alla mara Dijana. L-għada, huma kienu jiċċelebraw jum it-twelid ta’ l-alla xemx tagħhom, Apollo. Għaldaqstant, iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid kellhom x’jaqsmu mal-paganiżmu u mhux mal-Kristjanità.

8Hemm raġuni oħra għala l-ewwel Kristjani ma jistax ikun li ċċelebraw jum it-twelid ta’ Ġesù. Id-dixxipli tiegħu x’aktarx li kienu jafu li ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid kellhom x’jaqsmu mas-superstizzjonijiet. Per eżempju, ħafna Griegi u Rumani ta’ żmien il-qedem kienu jemmnu li kull bniedem kellu spirtu jistennieh jitwieled, u dan kien jibqa’ jipproteġih tul għomru kollu. “Dan l-ispirtu kellu relazzjoni misterjuża ma’ l-alla li jum twelidu kien jaħbat fl-istess jum li jkun twieled fih dak l-individwu,” jgħid il-ktieb The Lore of Birthdays. Żgur li Ġeħova ma kienx se jieħu gost b’xi ċelebrazzjoni li kienet tħallat is-superstizzjoni ma’ Ġesù. (Isaija 65:11, 12) Allura, il-Milied kif sar festa li tiġi ċelebrata minn daqstant nies?

L-ORIĠINI TAL-MILIED

9Kien diversi mijiet ta’ snin wara li Ġesù għex fuq l-art li n-nies bdew jiċċelebraw it-twelid tiegħu fil-25 ta’ Diċembru. Imma din ma kinitx id-data tat-twelid ta’ Ġesù, għax hu jidher ċar li twieled f’Ottubru.* Allura, għala ntgħażel il-jum tal-25 ta’ Diċembru? Xi wħud li iktar tard sostnew li kienu Kristjani x’aktarx “xtaqu li d-data taħbat fl-istess jum tal-festa Rumana pagana li fiha kien jiġi ċelebrat ‘jum it-twelid tax-xemx mhix mirbuħa.’” (The New Encyclopædia Britannica) Fix-xitwa, meta x-xemx kienet tidher l-iktar dgħajfa, il-pagani kienu jagħmlu ċerimonji biex iġagħlu lil dan is-sors ta’ sħana u dawl jerġa’ lura mill-vjaġġi tiegħu ’l bogħod. Kienu jaħsbu li l-25 ta’ Diċembru kien il-jum li fih ix-xemx tibda l-vjaġġ lura. Biex jipprovaw jikkonvertu lill-pagani, il-mexxejja reliġjużi adottaw din il-festa u pprovaw jagħtuha xejra “Kristjana.”#

10L-għeruq pagani tal-Milied ilhom li ġew rikonoxxuti. Minħabba l-oriġini mhix skritturali tiegħu, il-Milied kien projbit fl-Ingilterra u f’xi kolonji Amerikani matul is-seklu 17. Saħansitra min kien ifalli x-xogħol fil-ġurnata tal-Milied kien jeħel multa. Madankollu, ma tantx damu biex jerġgħu jibdew ifeġġu d-drawwiet tal-qedem flimkien ma’ xi wħud ġodda. Il-Milied għal darb’oħra sar festa kbira, u f’ħafna pajjiżi għadu hekk sa llum. Madankollu, minħabba l-konnessjonijiet li l-Milied għandu mar-reliġjon falza, dawk li jridu jogħġbu lil Alla la jiċċelebraw il-Milied u lanqas xi festa oħra li toriġina mill-qima pagana.%

HIJA L-ORIĠINI TAL-FESTI DAQSHEKK IMPORTANTI?

Tieklu int xi lolipop li tkun ġbart minn mal-ġenb tat-triq minfejn jgħaddi l-ilma tax-xita?

Lolipop mal-ġenb tat-triq

11Xi wħud jaqblu li l-festi, bħalma hu l-Milied, għandhom oriġini pagana imma xorta jħossu li m’huwiex ħażin li tiċċelebrahom. Wara kollox, il-biċċa l-kbira min-nies ma jkunux qed jaħsbu dwar xi qima falza meta jiċċelebraw dawn il-festi. Dawn l-okkażjonijiet huma wkoll opportunitajiet biex il-familji jassoċjaw flimkien. Hekk tħossok int? Jekk inhu hekk, x’aktarx li hija l-imħabba għall-familja, u mhux l-imħabba għar-reliġjon falza, li tkun qed tagħmilha diffiċli biex wieħed jieħu l-waqfa tiegħu favur il-qima vera. Ibqa’ ċert li Ġeħova, il-wieħed li oriġina l-familja, irid li jkollok relazzjoni tajba ma’ qrabatek. (Efesin 3:14, 15) Imma int tista’ ssaħħaħ rabtiet bħal dawn b’mod li Alla japprova. L-appostlu Pawlu kiteb dan dwar l-iktar ħaġa li għandna nkunu konċernati dwarha: “Ibqgħu aċċertaw ruħkom dwar x’inhu aċċettabbli għall-Mulej.”—Efesin 5:10.

12Forsi tħoss li l-oriġini tal-festi m’għandhiex x’taqsam mal-mod kif qed jiġu ċelebrati llum. Hija l-oriġini tassew importanti? Iva! Biex nagħtu eżempju: Immaġina li tara lolipop mal-ġenb tat-triq minfejn jgħaddi l-ilma tax-xita. Kieku int tiġbru u tieklu? Dażgur li le! Dak il-lolipop ma kienx nadif. Bħal dak il-lolipop, il-festi jistgħu jħajruk, imma dawn ikunu oriġinaw f’postijiet li m’humiex nodfa. Biex nieħdu l-waqfa tagħna favur il-qima vera, jeħtieġ li jkollna l-ħarsa tagħna bħal dik tal-profeta Isaija, li qal lill-aduraturi veri: “Tmissu xejn imniġġes.”—Isaija 52:11.

JEĦTIEĠ ID-DIXXERNIMENT BIEX TITTRATTA M’OĦRAJN

13Minħabba li tagħżel li ma tiħux sehem fil-festi jista’ jkollok tiffaċċja ċerti sfidi. Per eżempju, sħabek fuq ix-xogħol għandhom mnejn ma jifhmux għala ma tiħux sehem f’ċerti attivitajiet li jorganizzaw fuq il-post tax-xogħol biex jiċċelebraw il-festi. Xi ngħidu jekk xi ħadd jagħtik rigal tal-Milied? Huwa ħażin li taċċettah? Xi ngħidu jekk żewġek jew martek ma tħaddanx l-istess twemmin tiegħek? Kif tista’ tkun ċert li wliedek ma jħossuhomx imċaħħdin għaliex ma tiċċelebrawx il-festi?

14Jeħtieġ id-dixxerniment biex tinduna kif għandek tittratta kull sitwazzjoni. Jekk xi ħadd b’mod każwali jawguralek il-festa t-tajba, int tista’ sempliċement tirringrazzja lil dak li jkun. Imma nagħtu każ li dan ikun xi ħadd li int tarah jew taħdem miegħu regolarment. F’dan il-każ, forsi tippreferi tgħidlu iktar minn hekk. Hu x’inhu l-każ, uża t-tattika. Il-Bibbja tagħtina l-parir: “Ħa jkun kliemkom dejjem kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ, sabiex tkunu tafu kif għandkom twieġbu lil kulħadd.” (Kolossin 4:6) Oqgħod attent li ma tonqosx mir-rispett lejn l-oħrajn. Minflok, bit-tattika spjega għala tkun aġixxejt b’dak il-mod. Agħmilha ċara li int m’għandek xejn kontra l-għoti tar-rigali u l-laqgħat soċjali imma tippreferi li tieħu sehem fihom fi żmien ieħor.

15Xi ngħidu jekk ikun hemm xi ħadd li jrid jagħtik rigal? Dan jiddependi miċ-ċirkustanzi. Dak li jagħtik ir-rigal għandu mnejn jgħidlek: “Naf li ma tiċċelebrax din il-festa. Però, jien xorta nixtieqek tieħdu dan.” Int forsi tiddeċiedi li billi taċċetta r-rigal f’dawn iċ-ċirkustanzi ma jkunx l-istess bħallikieku qed tieħu sehem fil-festa. M’għandniex xi ngħidu, jekk dak li jkun ma jafx x’inhu t-twemmin tiegħek, forsi tista’ ssemmi li int ma tiċċelebrax dik il-festa. Dan se jgħinek tispjega għala taċċetta rigal imma int ma tagħtix rigali f’dik l-okkażjoni. Mill-banda l-oħra, ikun għaqli li ma taċċettax rigal jekk min jagħtihulek jagħmel dan bl-intenzjoni ovvja biex juri li int ma żżommx mat-tagħlim tiegħek jew li int lest li tagħmel kompromess sempliċement biex taqla’ rigal.

XI NGĦIDU GĦALL-MEMBRI TAL-FAMILJA?

16Xi ngħidu jekk il-membri tal-familja ma jħaddnux l-istess twemmin tiegħek? Hawn ukoll jeħtieġ li tuża t-tattika. M’hemmx għalfejn toqgħod targumenta fuq kull drawwa jew ċelebrazzjoni li qrabatek jagħżlu li jiċċelebraw. Minflok, irrispetta d-dritt li għandhom għall-opinjoni tagħhom, bħalma trid li huma jirrispettaw id-dritt li għandek int għall-opinjoni tiegħek. (Mattew 7:12) Evita li tagħmel xi ħaġa li biha tkun qed tieħu sehem fil-festa. Iżda xorta kun raġunevoli dwar affarijiet li fil-fatt ma jkollhom x’jaqsmu xejn maċ-ċelebrazzjoni nfisha. M’għandniex xi ngħidu, int għandek dejjem taġixxi b’mod li żżomm kuxjenza tajba.—1 Timotju 1:18, 19.

17X’tista’ tagħmel sabiex uliedek ma jħossuhomx imċaħħdin minn xi ħaġa għax ma tiċċelebrawx festi li m’humiex skritturali? Ħafna jiddependi minn dak li tagħmel matul is-sena. Xi ġenituri jagħżlu ċertu żmien biex huma jagħtu r-rigali lil uliedhom. Wieħed mill-aqwa rigali li tista’ tagħti lil uliedek hu li bi mħabba tqatta’ ħin magħhom u tagħtihom l-attenzjoni tiegħek.

IPPRATTIKA L-QIMA VERA

Familja tqim lil Alla

Meta tipprattika l-qima vera int tkun verament hieni

18Biex togħġob lil Alla, int trid tiċħad il-qima falza u tieħu l-waqfa favur il-qima vera. Dan x’jinkludi? Il-Bibbja tistqarr: “Ħa nagħtu kas xulxin biex nitqanqlu għall-imħabba u l-għemejjel tajbin, u ma nabbandunawx il-laqgħat tagħna flimkien, bħalma ħaduha drawwa jagħmlu xi wħud, imma ninkuraġġixxu lil xulxin, u dan iktar u iktar hekk kif taraw joqrob il-jum.” (Ebrej 10:24, 25) Il-laqgħat Kristjani huma okkażjonijiet hienja li permezz tagħhom int tkun tista’ tqim lil Alla bil-mod li hu japprova. (Salm 22:22 [22:23, NW]; 122:1) F’dawn il-laqgħat, il-Kristjani leali ‘jinkuraġġixxu lil xulxin.’—Rumani 1:12.

19Mod ieħor kif tista’ tieħu l-waqfa tiegħek favur il-qima vera hu li tgħid lil oħrajn dwar l-affarijiet li tkun tgħallimt mill-istudju tal-Bibbja max-Xhieda ta’ Ġeħova. Ħafna nies verament qed “jitniehdu u jitbikkew” minħabba l-ħażen li qed isir fid-dinja llum. (Eżekjel 9:4) Forsi taf b’xi nies li qed iħossuhom hekk. Għala ma tgħidilhomx dwar it-tama tiegħek għall-futur li hi bbażata fuq il-Bibbja? Hekk kif tagħmilha mal-Kristjani veri u tgħid lil oħrajn dwar il-veritajiet meraviljużi tal-Bibbja li tgħallimt, int se ssib li kwalunkwe xewqa li forsi kien għad baqagħlek f’qalbek għad-drawwiet tal-qima falza se tisparixxi bil-mod il-mod. Tista’ tibqa’ ċert li se jkollok ħafna ferħ u se tirċievi ħafna barkiet jekk tieħu l-waqfa tiegħek favur il-qima vera.—Malakija 3:10.

DAK LI TGĦALLEM IL-BIBBJA

  • La x-xbihat u lanqas il-qima lill-antenati m’għandhom posthom fil-qima vera.—Eżodu 20:4, 5; Dewteronomju 18:10-12.
  • Huwa ħażin li tieħu sehem fiċ-ċelebrazzjonijiet li għandhom oriġini pagana.—Efesin 5:10.
  • Il-Kristjani veri għandhom jużaw it-tattika meta jispjegaw it-twemmin tagħhom lil oħrajn.—Kolossin 4:6.

*  Ara l-Appendiċi.

#  Is-Saturnalja wkoll kienet fattur ieħor għala ntgħażel il-25 ta’ Diċembru. Din il-festa f’ġieħ l-alla Ruman ta’ l-agrikultura kienet issir mis-17 sa l-24 ta’ Diċembru. Matul il-jiem tal-festa tas-Saturnalja kien isir xalar, briju, u għoti ta’ rigali.

%  Għal diskussjoni dwar kif il-Kristjani veri jqisu festi popolari oħra, ara l-Appendiċi.


Mistoqsijiet ta’ Studju

1, 2. Liema mistoqsija trid tistaqsi lilek innifsek wara li tkun tlaqt mir-reliġjon falza, u għala taħseb li dan hu importanti?

3. (a) Il-Bibbja x’tgħid dwar l-użu tax-xbihat, u l-mod kif Alla jqishom għala jista’ jkun diffiċli għal xi wħud biex jaċċettawh? (b) X’għandek tagħmel b’xi oġġetti li għandhom x’jaqsmu mal-qima falza?

4. (a) Kif nafu li l-qima lill-antenati ma tiswa għalxejn? (b) Ġeħova għala pprojbixxa lin-nies tiegħu milli jieħdu sehem fi kwalunkwe forma ta’ spiritiżmu?

5. X’tista’ tagħmel jekk fir-reliġjon li kellek qabel kont tuża x-xbihat jew tipprattika l-qima lill-antenati?

6, 7. (a) Il-Milied x’suppost ifakkar, u s-segwaċi ta’ Ġesù fl-ewwel seklu kienu jiċċelebrawh? (b) Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid ma’ xiex kellhom x’jaqsmu fi żmien l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù?

8. Spjega l-konnessjoni li hemm bejn iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ jum it-twelid u s-superstizzjonijiet.

9. Il-25 ta’ Diċembru kif beda jitqies bħala l-jum li fih jiġi ċelebrat it-twelid ta’ Ġesù?

10. Fl-imgħoddi, xi nies għala ma kinux jiċċelebraw il-Milied?

11. Xi nies għala jiċċelebraw il-festi, imma dwar xiex għandna nkunu l-iktar konċernati?

12. Agħti eżempju dwar għala għandna nevitaw drawwiet u ċelebrazzjonijiet li l-oriġini tagħhom m’hijiex nadifa.

13. Liema sfidi tista’ tiffaċċja jekk ma tiħux sehem fil-festi?

14, 15. X’tista’ tagħmel meta xi ħadd jawguralek il-festa t-tajba jew jekk ikun irid jagħtik xi rigal?

16. Kif tista’ tuża t-tattika fejn jidħlu affarijiet li għandhom x’jaqsmu mal-festi?

17. Kif tista’ tgħin lil uliedek biex ma jħossuhomx imċaħħdin minn xi ħaġa għax jaraw lil oħrajn jiċċelebraw il-festi?

18. Meta tattendi l-laqgħat Kristjani kif tista’ tiġi megħjun biex tieħu l-waqfa tiegħek favur il-qima vera?

19. Għala hu importanti li tgħid lil oħrajn dwar l-affarijiet li tgħallimt mill-Bibbja?