Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

APPENDIĊI

Ġesù f’Diċembru Twieled?

Ġesù f’Diċembru Twieled?

IL-BIBBJA ma tgħidilniex meta twieled Ġesù. Madankollu, tagħtina raġuni valida għala nistgħu nikkonkludu li t-twelid tiegħu ma seħħx f’Diċembru.

Ikkunsidra l-kundizzjonijiet tat-temp f’dak iż-żmien tas-sena ġewwa Betlehem, fejn twieled Ġesù. Ix-xahar Lhudi ta’ Ċislev (li jikkorrispondi għal Novembru/Diċembru) kien xahar ta’ temp kiesaħ u xita. Ix-xahar ta’ wara kien jismu Tebet (Diċembru/Jannar). F’dan ix-xahar kien ikun hemm l-iktar temperaturi baxxi tas-sena u kultant kienet tinżel il-borra fuq il-muntanji. Ejja naraw x’tgħidilna l-Bibbja dwar il-klima ta’ dak ir-reġjun.

Esdra, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, juri li Ċislev kien tabilħaqq xahar magħruf għat-temp kiesaħ u għax-xita. Wara li qal li nġemgħet folla f’Ġerusalemm “fl-għoxrin tad-disa’ xahar [Ċislev],” Esdra jirrapporta li n-nies kienu qed ‘jirtogħdu…minħabba x-xita li kienet nieżla.’ Dwar il-kundizzjonijiet tat-temp f’dak iż-żmien tas-sena, il-folla miġbura nfisha qalet: “Billi hu żmien ix-xita ma nifilħux noqogħdu barra.” (Esdra 10:913; Ġeremija 36:22) Mela ma niskantawx li r-rgħajja li kienu joqogħdu f’dawk l-inħawi kienu jaċċertaw ruħhom li huma u l-imrieħel tagħhom ma jkunux barra bil-lejl meta jkun wasal Diċembru!

Rgħajja man-nagħaġ tagħhom

Meta twieled Ġesù, ir-rgħajja u l-imrieħel tagħhom kienu fl-għelieqi bil-lejl

Madankollu, il-Bibbja tirrapporta li fil-lejl meta twieled Ġesù, ir-rgħajja kienu fl-għelieqi jindokraw l-imrieħel tagħhom. Fil-fatt, Luqa, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, juri li dak iż-żmien, ir-rgħajja “kienu jgħixu barra, għassa bil-lejl mal-merħliet tagħhom” viċin Betlehem. (Luqa 2:8-12) Innota li r-rgħajja kienu attwalment jgħixu barra, mhux biss jimxu barra matul il-ġurnata. Huma kellhom l-imrieħel tagħhom barra bil-lejl. Hija din id-deskrizzjoni ta’ rgħajja li jgħixu barra addattata għall-kundizzjonijiet ta’ temp kiesaħ u bix-xita li jkun hemm Betlehem f’Diċembru? Le, m’hijiex. Għalhekk, il-kundizzjonijiet fi żmien it-twelid ta’ Ġesù jindikaw li hu ma twilidx f’Diċembru.*

Il-Kelma t’Alla tgħidilna preċiżament meta miet Ġesù, imma ftit li xejn tagħti indikazzjoni diretta dwar meta twieled. Dan ifakkarna fi kliem is-Sultan Salamun: “Aħjar fama tajba miż-żejt prezzjuż, aħjar jum il-mewt minn jum it-twelid.” (Koħèlet 7:1) Mhux ta’ b’xejn, mela, li l-Bibbja tipprovdi ħafna dettalji dwar il-ministeru u l-mewt ta’ Ġesù imma ftit dettalji biss dwar iż-żmien meta twieled.


*  Għal iktar informazzjoni, ara paġni 176-9 tal-ktieb Reasoning From the Scriptures, pubblikat mix-Xhieda ta’ Ġeħova.

← Ara r-referenza tal-kapitlu