Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 10: Id-Dilluvju l-Kbir

Storja 10: Id-Dilluvju l-Kbir

BARRA l-arka, in-nies baqgħu għaddejjin b’ħajjithom bħal qabel. Kienu għadhom m’emmnux li kien ġej Dilluvju. Min jaf kemm daħqu iktar minn qatt qabel! Imma ma tantx damu jidħqu.

Nies u annimali mbeżżgħin imdawrin bl-ilmijiet tad-dilluvju

F’daqqa waħda beda nieżel l-ilma. Niżel mis-sema bħal meta tferra’ l-ilma minn ġo barmil. Noè kellu raġun! Imma issa kien tard wisq biex xi ħadd ieħor jidħol fl-arka. Ġeħova kien għalaq il-bieb sew.

L-art kollha li kienet fil-baxx ma damitx ma ġiet miksija bl-ilma. L-ilma għamel bħal xmajjar kbar. Waqqa’ s-siġar u gerbeb ġebel kbir, u għamel ħafna storbju. In-nies beżgħu ħafna. Bdew jitilgħu iktar fl-għoli. Min jaf kemm xtaqu li semgħu minn Noè u daħlu fl-arka meta l-bieb kien għadu miftuħ għalihom! Imma issa kien tard wisq.

L-ilma baqa’ tiela’ u tiela’. L-ilma dam nieżel bil-qawwi mis-sema għal 40 jum u 40 lejl. Tela’ mal-ġnub tal-muntanji u ma damx ma kesa anki l-ogħla muntanji. Għalhekk, eżatt bħalma kien qal Alla, in-nies u l-annimali kollha li ma kinux fl-arka mietu. Imma kull min kien ġewwa ħelisha mill-periklu.

Noè u wliedu kienu għamlu biċċa xogħol tajba meta bnew l-arka. L-ilma tellagħha ’l fuq u baqgħet fil-wiċċ tal-ilma. Imbagħad darba minnhom, meta x-xita waqfet, bdiet tiddi x-xemx. Min jaf kif kienet tidher! Kien hemm biss baħar kbir kullimkien. U l-unika ħaġa li stajt tara kienet l-arka għaddejja fil-wiċċ tal-ilma.

L-arka tifflowtja fuq wiċċ l-ilma

Issa l-ġganti ma kinux għadhom jeżistu. Ma kontx se tibqa’ tarahom iweġġgħu lin-nies. Kollha mietu, flimkien m’ommijiethom u man-nies il-ħżiena l-oħrajn. Imma xi ġralhom missirijiethom?

Il-missirijiet tal-ġganti fil-fatt ma kinux bnedmin bħalna. Kienu anġli li niżlu mis-sema għal fuq l-art biex jgħixu bħala bnedmin. Allura, meta ġie d-Dilluvju, huma ma mitux man-nies l-oħrajn. Dawn ma baqgħux jużaw il-ġisem uman li kienu għamlu, u marru lura s-sema bħala anġli. Imma ma kinux għadhom jistgħu jkunu parti mill-familja tal-anġli t’Alla. Għalhekk, saru l-anġli ta’ Satana. Fil-Bibbja jiġu msejħin demonji.

Issa Alla għamel riħ jonfoħ, u l-ilmijiet tad-Dilluvju bdew jonqsu. Ħames xhur wara, l-arka straħet fuq l-ogħla post ta’ muntanja. Għaddew ħafna iktar ġranet u dawk li kienu fl-arka setgħu jittawlu ’l barra u jaraw l-ogħla post tal-muntanji. L-ilmijiet baqgħu jonqsu iktar u iktar.

Imbagħad, Noè tajjar ’il barra mill-arka għasfur iswed li jissejjaħ ċawlun. Dan kien itir għal ftit żmien u mbagħad jiġi lura, għax ma setax isib post tajjeb fejn jistrieħ. Baqa’ jagħmel dan u kull darba li l-għasfur kien jiġi lura kien jistrieħ fuq l-arka.

Ħamiema

Noè ried jara jekk l-art kinitx nixfet mill-ilma, allura, imbagħad tajjar ’il barra mill-arka ħamiema. Imma anki l-ħamiema ġiet lura għax ma sabitx fejn tistrieħ. Noè reġa’ bagħatha għat-tieni darba u din ġabitlu werqa ta’ siġra taż-żebbuġ f’ħalqha. Għalhekk, Noè induna li l-ilma beda jinxef. Noè bagħat il-ħamiema t-tielet darba, u fl-aħħar sabet post niexef fejn tgħix.

Alla issa kellem lil Noè. Hu qallu: ‘Oħroġ mill-arka. Ħu l-familja kollha tiegħek u l-annimali miegħek.’ Kienu ilhom fl-arka għal iktar minn sena sħiħa. Allura, nistgħu biss nimmaġinaw kemm kienu ferħanin ilkoll kemm huma li reġgħu ħarġu u li kienu għadhom ħajjin!

Ġenesi 7:10-24; 8:1-17; 1 Pietru 3:19, 20.



Mistoqsijiet

  • Għala ħadd ma seta’ jidħol fl-arka ladarba bdiet nieżla x-xita?
  • Ġeħova kemm-il jum u lejl ħallieha nieżla x-xita, u kemm sar fond l-ilma?
  • Xi ġralha l-arka hekk kif l-ilmijiet bdew jiksu l-art?
  • Irnexxielhom il-ġganti jibqgħu ħajjin fid-Dilluvju, u x’sar minnhom il-missirijiet tal-ġganti?
  • Xi ġralha l-arka wara ħames xhur?
  • Noè għala tajjar ċawlun ’il barra mill-arka?
  • Noè kif sar jaf li l-ilma beda jonqos fuq l-art?
  • Alla x’qallu lil Noè wara li hu u l-familja tiegħu kienu ilhom iktar minn sena fl-arka?

Iktar mistoqsijiet