Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 9: Noè Jibni Arka

Storja 9: Noè Jibni Arka
In-nies jidħqu b’Noè

NOÈ kellu mara u tlett itfal subien. Dawn it-tfal kien jisimhom Sem, Ħam, u Ġafet. Kull wieħed minn dawn is-subien kellu mara. Għalhekk, il-familja ta’ Noè kien fiha tmien persuni.

Issa Alla qal lil Noè biex jagħmel xi ħaġa stramba. Hu qallu biex jibni arka kbira. Din l-arka kienet kbira bħal vapur, imma iktar kienet tidher qisha kaxxa kbira u twila. Alla qallu: ‘Agħmilha għolja tliet sulari, u agħmel il-kmamar fiha.’ Il-kmamar kienu għal Noè u l-familja tiegħu, l-annimali, u l-ikel li lkoll kemm huma kien se jkollhom bżonn.

Ukoll, Alla qal lil Noè biex l-arka jibniha b’mod li ma jidħolx ilma fiha. Alla qallu: ‘Se nibgħat dilluvju kbir t’ilma u se neqred id-dinja kollha. Kull min ma jkunx fl-arka se jmut.’

Noè u wliedu obdew lil Ġeħova u bdew jibnu. Imma kulma għamlu n-nies l-oħrajn kien li daħqu bihom. Huma baqgħu ħżiena. Ħadd m’emmen lil Noè meta qalilhom x’kien se jagħmel Alla.

Il-familja ta’ Noè qed tqiegħed l-annimali u l-ikel fl-arka

L-arka ħadet iż-żmien biex tkun lesta għax kienet kbira ħafna. Imbagħad fl-aħħar, wara ħafna snin, kienet lesta. Issa Alla qal lil Noè biex idaħħal l-annimali fl-arka. Alla qallu biex minn xi tipi t’annimali jdaħħal tnejn biss, raġel u mara. Imma minn tipi oħrajn t’annimali Alla qallu jdaħħal sebgħa. Ukoll, Alla qal lil Noè biex idaħħal mit-tipi differenti kollha t’għasafar. Noè għamel eżatt dak li qallu Alla.

Wara dan, anki Noè u l-familja daħlu fl-arka. Imbagħad Alla għalaq il-bieb. Noè u l-familja tiegħu qagħdu jistennew ġewwa. Immaġina li kont magħhom hemm fl-arka tistenna. Veru kien se jkun hemm dilluvju bħalma qal Alla?

Ġenesi 6:9-22; 7:1-9.



Mistoqsijiet

  • Kemm kien hemm nies fil-familja ta’ Noè, u x’kien jisimhom it-tlett itfal subien tiegħu?
  • Alla liema ħaġa stramba qal lil Noè biex jagħmel, u għala?
  • Il-ġirien ta’ Noè kif irreaġixxew meta qalilhom dwar l-arka?
  • Alla x’qallu jagħmel bl-annimali lil Noè?
  • Wara li Alla għalaq il-bieb tal-arka, Noè u l-familja tiegħu x’kellhom jagħmlu?

Iktar mistoqsijiet