Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 6: Iben Tajjeb u Ieħor Ħażin

Storja 6: Iben Tajjeb u Ieħor Ħażin

QED tarahom lil Kajjin u Abel issa? It-tnejn li huma kibru. Kajjin sar bidwi. Hu jkabbar il-qmuħ u l-frott u l-ħaxix.

Kajjin u Abel qed joffru sagrifiċċji lil Alla

Abel sar jieħu ħsieb in-nagħaġ. Hu jħobb jieħu ħsieb il-ħrief ċkejknin. Huma jikbru f’nagħaġ, u għalhekk Abel malajr ikollu merħla sħiħa ta’ nagħaġ x’jieħu ħsieb.

Darba minnhom Kajjin u Abel iġibu rigal lil Alla. Kajjin iġib xi ikel li kabbar hu. U Abel iġib l-aqwa nagħġa li jkollu. Ġeħova jieħu gost b’Abel u r-rigal tiegħu. Imma ma jiħux gost b’Kajjin u bir-rigal tiegħu. Taf għala?

Ir-raġuni ma kinitx sempliċement li r-rigal t’Abel kien aħjar minn ta’ Kajjin. Imma kienet li Abel hu raġel tajjeb. Hu jħobb lil Ġeħova u lil ħuh. Imma Kajjin hu ħażin; hu ma jħobbx lil ħuh.

Għalhekk, Alla jgħid lil Kajjin li jrid jinbidel. Imma Kajjin ma jismax minnu. Hu jħossu rrabjat ħafna għaliex Alla kien jieħu gost iktar b’Abel. Għalhekk, Kajjin jgħid lil Abel, ‘Ejja mmorru sal-għalqa.’ Hemmhekk, meta jkunu waħedhom, Kajjin jagħti daqqa lil ħuh Abel. Tant jagħtihielu bis-saħħa li joqtlu. Ma taħsibx li dak li għamel Kajjin kien veru mill-agħar?

Kajjin qed jaħrab wara li qatel lil Abel

Avolja Abel miet, Alla għadu jiftakru. Abel kien raġel tajjeb, u Ġeħova qatt ma jinsa lil xi ħadd bħal dan. Għalhekk, xi darba Alla Ġeħova se jerġa’ jagħti l-ħajja lil Abel. Dakinhar Abel qatt ma se jkollu jmut. Se jkun jista’ jgħix hawn fuq l-art għal dejjem. Ma tkunx xi ħaġa sabiħa li nsiru nafu lil Abel u nies bħalu?

Imma Alla ma jiħux gost b’nies bħal Kajjin. Għalhekk, wara li Kajjin qatel lil ħuh, Alla tah kastig billi bagħtu ’l bogħod ħafna mill-bqija tal-familja tiegħu. Meta Kajjin telaq biex imur jgħix f’post ieħor fuq l-art, hu ħa miegħu lil waħda minn ħutu l-bniet u hi saret il-mara tiegħu.

Maż-żmien, Kajjin u l-mara tiegħu bdew ikollhom it-tfal. Tfal oħrajn t’Adam u Eva żżewġu meta kibru, u huma wkoll kellhom it-tfal. Malajr kien hemm ħafna nies fuq l-art. Ejja nitgħallmu dwar ftit minnhom.

Ġenesi 4:2-26; 1 Ġwanni 3:11, 12; Ġwanni 11:25.



Mistoqsijiet

  • Kajjin u Abel liema xogħol jibdew jagħmlu?
  • Kajjin u Abel liema rigali jġibu lil Ġeħova?
  • Ġeħova għala jieħu pjaċir bir-rigal t’Abel, u għala ma jiħux pjaċir b’ta’ Kajjin?
  • X’tip ta’ persuna hu Kajjin, u Ġeħova kif jipprova jikkoreġih?
  • Kajjin x’jagħmel meta jkun waħdu fl-għalqa ma’ ħuh?
  • Spjega x’ġara lil Kajjin wara li qatel lil ħuh.

Iktar mistoqsijiet