QED tara x’inhu jiġri issa? Adam u Eva qed jiġu mkeċċijin mill-ġnien mill-isbaħ tal-Għeden. Taf għala?

Adam u Eva qed jiġu mkeċċijin mill-ġnien tal-Għeden

Għaliex għamlu xi ħaġa ħażina ħafna. U għalhekk, Ġeħova qed jagħtihom kastig. Taf x’inhi l-ħaġa ħażina li għamlu Adam u Eva?

Għamlu xi ħaġa li Alla qalilhom biex ma jagħmlux. Alla qalilhom li jistgħu jieklu mill-frott tas-siġar li kien hemm fil-ġnien. Imma minn siġra waħda Alla qalilhom biex ma jiklux, inkella kienu se jmutu. Hu żamm din is-siġra għalih biss. U aħna nafu li hu ħażin li nieħdu xi ħaġa li tkun ta’ xi ħadd ieħor, hux veru? Allura x’ġara?

Darba minnhom, meta Eva kienet waħedha fil-ġnien, kellimha serp. Tista’ timmaġinah dan? Qal lil Eva biex tiekol frott mis-siġra li Alla qalilhom biex ma jiklux minnha. Issa aħna nafu li meta Ġeħova għamel is-sriep, hu m’għamilhomx jitkellmu. Allura dan bilfors li jfisser li xi ħadd ieħor kien qed jagħmel is-serp jitkellem. Min kien dan?

Ma kienx Adam. Għalhekk, bilfors li kien wieħed mill-persuni li Ġeħova kien għamel ħafna qabel m’għamel l-art. Dawn il-persuni huma anġli, u aħna ma nistgħux narawhom. L-anġlu li qed nitkellmu dwaru kien sar kburi ħafna. Hu beda jaħseb li għandu jkun ħakkiem bħal Alla. U hu ried li n-nies jobdu lilu minflok lil Ġeħova. Dan kien l-anġlu li għamel is-serp jitkellem.

Dan l-anġlu rnexxielu jidħaq b’Eva. Meta qalilha li kienet se ssir bħal Alla jekk tiekol mill-frotta, hi emmnitu. Għalhekk, kielet hi u anki Adam. Adam u Eva m’obdewx lil Alla, u għalhekk tilfu d-dar mill-isbaħ tagħhom li kienet ġnien.

Imma xi darba Alla se jirranġa biex l-art kollha ssir sabiħa daqs il-ġnien tal-Għeden. Iktar tard se nitgħallmu dwar kif int tista’ tgħin biex tagħmilha sabiħa. Imma issa, ejja naraw x’ġara lil Adam u Eva.

Ġenesi 2:16, 17; 3:1-1324; Rivelazzjoni 12:9.



Mistoqsijiet

  • Fl-istampa, x’inhu jiġrilhom Adam u Eva?
  • Ġeħova għala tahom kastig?
  • Serp x’qalilha lil Eva?
  • Min għamel is-serp ikellem lil Eva?
  • Adam u Eva għala tilfu d-dar tagħhom li kienet Ġenna?

Iktar mistoqsijiet