Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 3: L-Ewwel Raġel u Mara

Storja 3: L-Ewwel Raġel u Mara

X’HEMM differenti f’din l-istampa? Hekk hu, fiha n-nies. Dawn huma l-ewwel raġel u mara. Min għamilhom? Kien Alla. Taf x’jismu? Jismu Ġeħova. U r-raġel u l-mara sar jisimhom Adam u Eva.

Adam u Eva fil-ġnien tal-Għeden

Alla Ġeħova kif għamel lil Adam? Hu ħa ftit trab mill-art u minnu għamel forma ta’ ġisem perfett, għamlu raġel. Imbagħad nefaħ fi mnieħer ir-raġel, u Adam beda jgħix.

Alla Ġeħova kellu biċċa xogħol għal Adam. Hu qal lil Adam biex jagħti isem lill-annimali kollha. Adam forsi qagħad iħares lejn l-annimali għal żmien twil ħalli jkun jista’ jagħżel l-aħjar isem għalihom kollha. Waqt li Adam kien qed isemmi l-annimali, hu beda jinduna b’xi ħaġa. Taf x’kienet?

L-annimali kollha kellhom sieħba. Kien hemm iljunfanti papajiet u mamajiet, u kien hemm iljuni papajiet u mamajiet. Imma Adam ma kellu ’l ħadd bħala l-mara tiegħu. Għalhekk, Ġeħova raqqad fil-fond lil Adam, u ħadlu kustilja minn ġenbu. Ġeħova uża din il-kustilja biex jagħmel mara għal Adam, u din saret il-mara tiegħu.

Min jaf kemm kien ferħan Adam issa! U min jaf kemm kienet ferħana Eva li tqiegħdet fi ġnien tant sabiħ biex tgħix hemm! Issa seta’ jkollhom it-tfal u jgħixu ferħanin flimkien.

Ġeħova ried li Adam u Eva jgħixu għal dejjem. Hu riedhom jagħmlu l-art kollha sabiħa daqs il-ġnien tal-Għeden. Min jaf kemm kienu ferħanin Adam u Eva meta ħasbu dwar li jagħmlu dan! Kieku int kont tixtieq tieħu sehem magħhom f’li tagħmel l-art kollha ġnien sabiħ? Imma l-ferħ t’Adam u Eva ma damx. Ejja naraw għala.

Salm 83:18; Ġenesi 1:26-31; 2:7-25.



Mistoqsijiet

  • L-istampa fi Storja 3 kif inhi differenti mill-istampa fi Storja 2?
  • Min għamel lill-ewwel raġel, u x’kien jismu dan ir-raġel?
  • Alla liema xogħol tah lil Adam?
  • Alla għala raqqad lil Adam fil-fond?
  • Adam u Eva kemm setgħu jdumu ħajjin, u Ġeħova liema xogħol riedhom jagħmlu?

Iktar mistoqsijiet