Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 116: Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem

Storja 116: Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem

QED tara x’qed jaqraw din it-tifla ċkejkna u l-ħbieb tagħha? Iva, qed jaqraw l-istess ktieb li qed taqra int—Il-Ktieb Tiegħi ta’ Stejjer mill-Bibbja. U qed jaqraw eżatt l-istess storja li qed taqra int—“Kif Nistgħu Ngħixu Għal Dejjem.”

Tifel qed jaqra

Taf x’qed jitgħallmu? L-ewwel, li għandna bżonn inkunu nafu dwar Ġeħova u Ibnu Ġesù jekk se ngħixu għal dejjem. Il-Bibbja tgħid: ‘Biex tgħix għal dejjem trid titgħallem dwar l-uniku Alla veru u dwar l-Iben li bagħat fuq l-art, Ġesù Kristu.’

Kif nistgħu nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u Ibnu Ġesù? Mod wieħed hu billi naqraw Il-Ktieb Tiegħi ta’ Stejjer mill-Bibbja minn qoxra sa qoxra. Jgħidilna ħafna dwar Ġeħova u Ġesù, hux veru? U jgħidilna ħafna dwar l-affarijiet li diġà u għad iridu jagħmlu. Imma aħna rridu nagħmlu iktar milli sempliċement naqraw dan il-ktieb.

Bibbja

Qed tara dak il-ktieb l-ieħor mal-art? Hija l-Bibbja. Staqsi lil xi ħadd biex jaqralek is-siltiet mill-Bibbja li minnhom ittieħdu l-istejjer ta’ dan il-ktieb. Il-Bibbja tagħti l-informazzjoni sħiħa li għandna bżonn biex kollha nkunu nistgħu naqdu lil Ġeħova b’mod tajjeb u nirċievu l-ħajja ta’ dejjem. Għalhekk imissna nagħmluha drawwa li nistudjaw il-Bibbja spiss.

Imma mhuwiex biżżejjed li sempliċement nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu. Jista’ jkollna ħafna u ħafna għarfien dwarhom u dwar it-tagħlim tagħhom u xorta ma niħdux il-ħajja ta’ dejjem. Taf x’hemm bżonn iktar?

Irridu wkoll ngħixu fi qbil mal-affarijiet li nitgħallmu. Tiftakar lil Ġuda l-Iskarjota? Hu kien wieħed mit-12 li Ġesù għażel biex ikunu l-appostli tiegħu. Ġuda kellu ħafna għarfien dwar Ġeħova u Ġesù. Imma xi ġralu? Wara ftit sar egoist u ttradixxa lil Ġesù billi tah f’idejn l-għedewwa tiegħu għal 30 biċċa tal-fidda. Għalhekk, Ġuda mhux se jieħu l-ħajja ta’ dejjem.

Tiftakar lil Geħażi, ir-raġel li tgħallimna dwaru fi Storja 69? Hu ried li jkollu xi ħwejjeġ u flus li ma kinux tiegħu. Allura gideb biex jieħu dawn l-affarijiet. Imma Ġeħova kkastigah. U se jikkastiga lilna wkoll jekk ma nobdux il-liġijiet tiegħu.

Imma hemm ħafna nies tajbin li dejjem qdew lil Ġeħova b’mod leali. Aħna rridu nkunu bħalhom, hux veru? Iċ-ċkejken Samwel hu eżempju tajjeb x’nimitaw. Ftakar, bħalma rajna fi Storja 55, kellu biss erba’ jew ħames snin meta beda jaqdi lil Ġeħova fit-tabernaklu tiegħu. Allura għandek kemm għandek żmien, m’intix żgħir wisq biex taqdi lil Ġeħova.

Ovvjament, dak li kollha rridu nimitaw hu Ġesù Kristu. Anki meta kien tifel żgħir, kif rajna fi Storja 87, hu kien hemm fit-tempju jitkellem m’oħrajn dwar Missieru tas-sema. Ejja nkunu bħalu. Ejja ngħidu lil kemm jista’ jkun nies dwar l-Alla meraviljuż tagħna, Ġeħova, u dwar Ibnu, Ġesù Kristu. Jekk nagħmlu dawn l-affarijiet, imbagħad inkunu nistgħu ngħixu għal dejjem fil-ġenna ġdida t’Alla fuq l-art.

Ġwanni 17:3; Salm 145:1-21.



Mistoqsijiet

  • Xi rridu nkunu nafu jekk irridu ngħixu għal dejjem?
  • Bħalma turina t-tifla ċkejkna u ħbiebha fl-istampa, kif nistgħu nitgħallmu dwar Alla Ġeħova u Ġesù?
  • Liema ktieb ieħor tara fl-istampa, u għala għandna naqrawh spiss?
  • Minbarra li nitgħallmu dwar Ġeħova u Ġesù, x’hemm bżonn iktar biex nieħdu l-ħajja ta’ dejjem?
  • X’lezzjoni nitgħallmu minn Storja 69?
  • X’jurina l-eżempju tajjeb taċ-ċkejken Samwel fi Storja 55?
  • Kif nistgħu nimitaw l-eżempju ta’ Ġesù Kristu, u jekk nagħmlu dan, x’se nkunu nistgħu nagħmlu fil-futur?

Iktar mistoqsijiet