Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 17: Tewmin li Kienu Differenti

Storja 17: Tewmin li Kienu Differenti
Għesaw

IŻ-ŻEWĠ subien hawnhekk huma differenti ħafna, hux veru? Taf x’jisimhom? Il-kaċċatur jismu Għesaw, u t-tifel li qed jieħu ħsieb in-nagħaġ jismu Ġakobb.

Għesaw u Ġakobb kienu l-ulied tewmin ta’ Iżakk u Rebekka. Missierhom, Iżakk, kien iħobb ħafna lil Għesaw, għax dan kien kaċċatur tajjeb u kien iġib l-ikel id-dar għall-familja. Imma Rebekka kienet tħobb lil Ġakobb l-iktar, għax kien tifel kwiet li jħobb il-paċi.

In-nannu tagħhom, Abraham, kien għadu ħaj, u nistgħu nimmaġinaw kemm Ġakobb kien jieħu gost jisimgħu jitkellem dwar Ġeħova. Abraham miet meta kellu 175 sena, meta t-tewmin kellhom 15-il sena.

Meta Għesaw kellu 40 sena, hu żżewweġ żewġ nisa mill-art ta’ Kangħan. Dan nikket ħafna lil Iżakk u Rebekka, għax dawn in-nisa ma kinux iqimu lil Ġeħova.

Imbagħad, darba minnhom, ġrat xi ħaġa li ġiegħlet lil Għesaw jirrabja ħafna għal ħuh Ġakobb. Kien wasal iż-żmien biex Iżakk ibierek lil ibnu l-kbir. Ladarba Għesaw kien akbar minn Ġakobb, Għesaw stenna li hu jirċievi l-barka. Imma qabel, Għesaw kien biegħ lil Ġakobb id-dritt tiegħu biex jirċievi l-barka. Ukoll, meta s-subien kienu twieldu, Alla kien qal li Ġakobb kien se jirċievi l-barka. U hekk ġara. Iżakk bierek lil ibnu Ġakobb.

Ġakobb

Wara, meta Għesaw sar jaf b’dan, irrabja għal Ġakobb. Tant irrabja li qal li kien se joqtol lil Ġakobb. Meta Rebekka semgħet b’dan, inkwetat ħafna. Għalhekk, qalet lir-raġel tagħha, Iżakk: ‘Tkun xi ħaġa ħażina ħafna jekk Ġakobb ukoll jiżżewweġ waħda minn dawn in-nisa ta’ Kangħan.’

Għalhekk, Iżakk sejjaħ lil ibnu Ġakobb u qallu: ‘Tiżżewwiġx mara minn Kangħan. Minflok, mur fid-dar ta’ nannuk Betwel f’Ħaran. Iżżewweġ waħda mill-bniet t’ibnu Laban.’

Ġakobb sema’ minn missieru, u mill-ewwel beda l-vjaġġ twil lejn Ħaran, fejn kienu jgħixu qrabatu.

Ġenesi 25:5-11, 20-34; 26:34, 35; 27:1-46; 28:1-5; Ebrej 12:16, 17.



Mistoqsijiet

  • Min kienu Għesaw u Ġakobb, u kif kienu differenti?
  • Kemm kellhom żmien Għesaw u Ġakobb meta miet in-nannu tagħhom, Abraham?
  • X’għamel Għesaw li nikket ħafna lil ommu u missieru?
  • Għesaw għala rrabja ħafna għal ħuh Ġakobb?
  • Iżakk x’qal lil ibnu Ġakobb biex jagħmel?

Iktar mistoqsijiet