Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 12: In-Nies Jibnu Torri Kbir

Storja 12: In-Nies Jibnu Torri Kbir

GĦADDEW ħafna snin. Ulied Noè kellhom ħafna tfal. U wliedhom kibru u kellhom it-tfal ukoll. Ma damx wisq ma kien hemm ħafna nies fuq l-art.

Wieħed minnhom kien Nimrod. Noè kien il-bużnannu tiegħu. Nimrod kien raġel ħażin li kien jikkaċċja u joqtol kemm l-annimali u kemm il-bnedmin. Ukoll, Nimrod għamel lilu nnifsu sultan biex jaħkem fuq nies oħrajn. Alla ma kienx jieħu gost b’Nimrod.

F’dak iż-żmien, in-nies kollha kienu jitkellmu lingwa waħda. Nimrod ried li jżommhom kollha flimkien ħalli jkun jista’ jaħkimhom. Allura taf x’għamel? Qal lin-nies biex jibnu belt b’torri kbir fiha. Qed tarahom fl-istampa jagħmlu l-briks?

Alla Ġeħova xejn ma ħa gost b’dan il-bini. Alla ried li n-nies jinfirxu u jgħixu mal-art kollha. Imma n-nies qalu: ‘Isa! Ejja ħa nibnu belt u torri tant għoli li l-iktar parti għolja tiegħu tilħaq is-smewwiet. Imbagħad insiru magħrufin!’ In-nies riedu t-tifħir għalihom infushom u mhux għal Alla.

Allura Alla waqqaf lin-nies milli jibnu t-torri. Taf kif għamel dan? Billi f’daqqa waħda għamel lin-nies jitkellmu b’lingwi differenti, minflok ma jitkellmu lingwa waħda biss. Il-bennejja ma baqgħux jifhmu lil xulxin. Għalhekk, il-belt tagħhom bdiet tissejjaħ Babel, jew Babilonja, li tfisser “Konfużjoni.”

Issa, in-nies bdew jitilqu minn Babel. Gruppi ta’ nies li kienu jitkellmu bl-istess lingwa marru jgħixu flimkien f’partijiet oħrajn tal-art.

Ġenesi 10:1, 8-10; 11:1-9.

Ħaddiema qed jibnu torri kbir


Mistoqsijiet

  • Nimrod min kien, u Alla kif kien iħossu dwaru?
  • Fl-istampa, in-nies għala kienu qed jagħmlu l-briks?
  • Ġeħova għala ma ħax gost bil-bini?
  • Alla kif waqqaf il-bini tat-torri?
  • Il-belt x’kienet tissejjaħ, u l-isem xi jfisser?
  • X’għamlu n-nies wara li Alla ħawdilhom il-lingwi?

Iktar mistoqsijiet