ARA x’qed jiġri! Dan Mosè bil-bastun maħruġ ’il barra fuq il-Baħar l-Aħmar. Dawk li huma fis-sigurtà fuq in-naħa tiegħu huma l-Iżraelin. Iżda l-Fargħun u l-armata kollha tiegħu qed jegħrqu fil-baħar. Ejja naraw kif ġara dan.

L-armata Eġizzjana qed tegħreq

Bħalma tgħallimna, il-Fargħun qal lill-Iżraelin biex jitilqu mill-Eġittu wara li Alla ġab l-għaxar kastig fuq l-Eġizzjani. Xi 600,000 raġel Iżraeli telaq, kif ukoll ħafna nisa u tfal. Ukoll, mal-Iżraelin marru numru kbir ta’ nies oħrajn, li kienu saru jemmnu f’Ġeħova. Dawn kollha ħadu magħhom in-nagħaġ u l-mogħoż u l-baqar tagħhom.

Qabel ma telqu, l-Iżraelin talbu l-Eġizzjani ħwejjeġ u affarijiet tad-deheb u l-fidda. L-Eġizzjani kienu qed jibżgħu ħafna, minħabba l-aħħar kastig li kien ġie fuqhom. Allura, taw lill-Iżraelin dak kollu li talbu għalih.

Wara ftit ġranet, l-Iżraelin waslu ħdejn il-Baħar l-Aħmar. Hemmhekk straħu. Sadanittant, il-Fargħun u l-irġiel tiegħu beda jiddispjaċihom li kienu bagħtu lill-Iżraelin. Huma qalu: ‘Ħallejna l-ilsiera tagħna jitilqu!’

Għalhekk, il-Fargħun reġa’ biddel fehmtu. Malajr lesta l-karru tal-gwerra u l-armata tiegħu. Imbagħad beda jiġri wara l-Iżraelin b’600 karru speċjali, kif ukoll bil-karrijiet l-oħrajn kollha tal-Eġittu.

Meta l-Iżraelin raw lill-Fargħun u l-armata tiegħu ġejjin warajhom, huma bdew jibżgħu ħafna. Ma kienx hemm fejn jaħarbu. Il-Baħar l-Aħmar kien fuq naħa waħda, u l-Eġizzjani kienu ġejjin min-naħa l-oħra. Imma Ġeħova poġġa sħaba bejn in-nies tiegħu u l-Eġizzjani. Għalhekk, l-Eġizzjani ma setgħux jaraw lill-Iżraelin biex jattakkawhom.

Ġeħova mbagħad qal lil Mosè biex joħroġ il-bastun tiegħu ’l barra fuq il-Baħar l-Aħmar. Meta għamel hekk, Ġeħova ġiegħel li jonfoħ riħ qawwi mil-Lvant. L-ilmijiet tal-baħar infirdu, u dawn inżammu weqfin fuq iż-żewġ naħat.

Imbagħad l-Iżraelin bdew mexjin minn ġol-baħar fuq art niexfa. Dawk il-miljuni ta’ nies flimkien mal-annimali kollha tagħhom damu sigħat sħaħ biex jgħaddu bla periklu minn nofs il-baħar san-naħa l-oħra. Fl-aħħar, l-Eġizzjani setgħu jerġgħu jaraw lill-Iżraelin. L-ilsiera tagħhom kienu qed jaħarbu! Għalhekk, ġrew għal ġol-baħar warajhom.

Meta għamlu dan, Alla ġiegħel lir-roti tal-karrijiet tagħhom jinqalgħu. L-Eġizzjani bdew jibżgħu ħafna u bdew jgħajtu: ‘Ġeħova qed jiġġieled għan-nom tal-Iżraelin kontrina. Ejjew noħorġu minn hawn!’ Imma kien tard wisq.

Kien hawnhekk li Ġeħova qal lil Mosè biex joħroġ ’il barra l-bastun tiegħu fuq il-Baħar l-Aħmar, kif rajt fl-istampa. U meta Mosè għamel dan, il-ħitan tal-ilma bdew jinżlu u jgħattu lill-Eġizzjani u l-karrijiet tagħhom. L-armata kollha kienet marret wara l-Iżraelin ġol-baħar. U lanqas Eġizzjan wieħed ma salva!

Kemm feraħ il-poplu kollu t’Alla għax kien salva! L-irġiel kantaw għanja ta’ ringrazzjament lil Ġeħova, billi qalu: ‘Ġeħova kellu rebħa glorjuża. Waddab liż-żwiemel u lir-rikkieba tagħhom fil-baħar.’ Oħt Mosè, Mirjam, qabdet it-tanburlin tagħha, u n-nisa kollha qabdu t-tanburlini tagħhom ukoll. U hekk kif żifnu bil-ferħ, kantaw l-istess għanja li kienu qed ikantaw l-irġiel: ‘Ġeħova kellu rebħa glorjuża. Waddab liż-żwiemel u lir-rikkieba tagħhom fil-baħar.’

Eżodu kapitli 12 sa 15.



Mistoqsijiet

  • Kemm-il raġel Iżraeli telaq mill-Eġittu, flimkien man-nisa u t-tfal, u min telaq magħhom?
  • Il-Fargħun kif ħassu wara li ħalla lill-Iżraelin jitilqu, u x’għamel?
  • X’għamel Ġeħova biex iwaqqaf lill-Eġizzjani milli jattakkaw il-poplu tiegħu?
  • X’ġara meta Mosè ħareġ il-bastun ’il barra fuq il-Baħar l-Aħmar, u l-Iżraelin x’għamlu?
  • X’ġara meta l-Eġizzjani ġrew għal ġol-baħar wara l-Iżraelin?
  • L-Iżraelin kif urew li kienu ferħanin u grati lejn Ġeħova talli kienu ġew salvati?

Iktar mistoqsijiet