Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 30: L-Għollieqa Taqbad

Storja 30: L-Għollieqa Taqbad

MOSÈ kien ġie sal-muntanja ta’ Ħoreb biex isib xi ħaxix għan-nagħaġ tiegħu. Hawn ra għollieqa taqbad, imam ma kinitx qed tinħaraq!

Mosè ħdejn l-għollieqa taqbad

Din xi ħaġa stramba,’ ħaseb Mosè. ‘Ħa nersaq iktar viċin ħalli nara aħjar.’ Meta għamel hekk ġie leħen mill-għollieqa jgħid: ‘Tersaqx iktar viċin. Inża’ s-sandli, għax int qiegħed fuq art qaddisa.’ Alla kien qed jitkellem permezz t’anġlu, u allura Mosè għatta wiċċu.

Alla mbagħad qal: ‘Rajt it-tbatija tal-poplu tiegħi fl-Eġittu. Għalhekk, se neħlishom, u int il-wieħed li se nibgħat biex toħroġ il-poplu tiegħi ’l barra mill-Eġittu.’ Ġeħova kien se jġib il-poplu tiegħu fl-art sabiħa ta’ Kangħan.

Imma Mosè qal: ‘Jien min jien? Kif nista’ nagħmel dan? Imma ejja ngħidu li mmur. L-Iżraelin se jgħiduli, “Min bagħtek?” Imbagħad x’se ngħid?’

‘Dan hu li għandek tgħid,’ wieġbu Alla. ‘“ĠEĦOVA, l-Alla t’Abraham, l-Alla t’Iżakk u l-Alla ta’ Ġakobb bagħatni għandkom.”’ U Ġeħova żied: ‘Dan hu ismi għal dejjem.’

‘Imma xi ngħidu jekk ma jemmnunix meta ngħid li int bgħattni?’ qal Mosè.

‘X’għandek f’idek?’ staqsa Alla.

Mosè wieġeb: ‘Bastun.’

‘Itfgħu fl-art,’ qal Alla. U meta Mosè għamel dan, il-bastun sar serp. Ġeħova mbagħad wera lil Mosè miraklu ieħor. Hu qal: ‘Daħħal idek fil-libsa tiegħek.’ Mosè obda, u meta ħareġ idu, kienet bajda silġ! L-id dehret qisha kellha l-marda kerha li tissejjaħ ġdiem. Wara dan, Ġeħova ta lil Mosè l-qawwa biex jagħmel miraklu ieħor. Fl-aħħar qal: ‘Meta tagħmel dawn il-mirakli, l-Iżraelin se jemmnu li jien bgħattek.’

Wara dan, Mosè mar id-dar u qal lil Ġetro: ‘Jekk jogħġbok, ħallini mmur lura l-Eġittu biex nara kif inhuma qrabati.’ Allura, Ġetro sellem lil Mosè, u Mosè beda l-vjaġġ lura għall-Eġittu.

Eżodu 3:1-22; 4:1-20.



Mistoqsijiet

  • X’jisimha l-muntanja fl-istampa?
  • Iddeskrivi l-ħaġa mhix tas-soltu li ra Mosè meta mar sal-muntanja bin-nagħaġ tiegħu.
  • X’qal leħen mill-għollieqa taqbad, u leħen min kien?
  • Mosè kif wieġeb meta Alla qallu li hu kien se joħroġ il-poplu t’Alla mill-Eġittu?
  • Alla x’qal lil Mosè biex jgħid jekk in-nies jistaqsu min bagħtu?
  • Mosè kif seta’ juri li Alla kien bagħtu?

Iktar mistoqsijiet