Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 29: Għala Mosè Ħarab

Storja 29: Għala Mosè Ħarab

ĦARES lejn Mosè! Qiegħed jaħrab mill-Eġittu! Qed tarahom l-irġiel jiġru warajh? Taf għala jridu joqtlu lil Mosè? Ejja naraw flimkien.

Mosè qed jaħrab mill-Eġittu

Mosè trabba fid-dar tal-Fargħun, il-ħakkiem tal-Eġittu. Hu sar raġel għaref u importanti ħafna. Mosè kien jaf li mhuwiex Eġizzjan, u li l-ġenituri veri tiegħu kienu lsiera Iżraelin.

Ġurnata minnhom, meta kellu 40 sena, Mosè ddeċieda li jmur jara kif kienu għaddejjin niesu. Kien tal-biża’ l-mod kif kienu trattati. Hu ra lil wieħed Eġizzjan isawwat lil ilsir Iżraeli. Mosè ta ħarsa madwaru, u meta ra li ma kien hemm ħadd iħares, ta daqqa lill-Eġizzjan u dan miet. Imbagħad Mosè ħeba l-ġisem tal-Eġizzjan fir-ramel.

L-għada, Mosè reġa’ ħareġ biex jara lil niesu. Hu ħaseb li seta’ jgħinhom ħalli ma jkollhomx għalfejn ikunu lsiera iktar. Imma ra żewġt irġiel Iżraelin jiġġieldu, allura Mosè qal lil dak li kellu t-tort: ‘Għala qed issawwat lil ħuk?’

Ir-raġel qal: ‘Min għamlek il-ħakkiem u l-imħallef tagħna? Jaqaw ħa toqtolni bħalma qtilt lil dak l-Eġizzjan?’

Issa Mosè jibda jibża’. Kien jaf li n-nies kienu indunaw x’kien għamel lill-Eġizzjan. Anki l-Fargħun sema’ b’dan, u bagħat xi rġiel biex joqtlu lil Mosè. Hu għalhekk li Mosè kellu jaħrab mill-Eġittu.

Meta Mosè telaq mill-Eġittu, mar ’il bogħod ħafna, fl-art ta’ Midjan. Hemmhekk iltaqa’ mal-familja ta’ Ġetro, u żżewweġ lil waħda mill-bniet tiegħu li kien jisimha Sefora. Mosè sar ragħaj u ħa ħsieb in-nagħaġ ta’ Ġetro. Għal 40 sena għex fl-art ta’ Midjan. Issa kellu 80 sena. Imbagħad, ġurnata waħda, waqt li Mosè kien qed jieħu ħsieb in-nagħaġ ta’ Ġetro, ġrat xi ħaġa tal-għaġeb li biddlet għalkollox il-ħajja ta’ Mosè. Ejja naraw x’inhi din il-ħaġa tal-għaġeb.

Eżodu 2:11-25; Atti 7:22-29.



Mistoqsijiet

  • Fejn trabba Mosè, imma x’kien jaf dwar il-ġenituri tiegħu?
  • Mosè x’għamel meta kellu 40 sena?
  • X’qal Mosè lil raġel Iżraeli li kien qed jiġġieled, u r-raġel kif wieġbu?
  • Mosè għala ħarab mill-Eġittu?
  • Fejn ħarab Mosè, u ma’ min iltaqa’ hemmhekk?
  • X’għamel Mosè matul l-40 sena wara li ħarab mill-Eġittu?

Iktar mistoqsijiet