Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 26: Ġob Hu Leali Lejn Alla

Storja 26: Ġob Hu Leali Lejn Alla

JIDDISPJAĊIK għal dan ir-raġel marid? Jismu Ġob, u l-mara hi martu. Taf x’inhi tgħidlu lil Ġob? ‘Isħet ’l Alla u mut.’ Ejja naraw kif spiċċat qalet xi ħaġa bħal din, u għala Ġob bata daqshekk.

Ġob bl-infafet

Ġob kien raġel leali li kien jobdi lil Ġeħova. Kien jgħix fl-art t’Uż, mhux ’il bogħod minn Kangħan. Ġeħova kien iħobb lil Ġob ħafna, imma kien hemm xi ħadd li kien jobogħdu. Taf min?

Kien Satana x-Xitan. Ftakar, Satana hu l-anġlu ħażin li jobgħod lil Ġeħova. Irnexxielu jġiegħel lil Adam u Eva biex ma jobdux lil Ġeħova, u ħaseb li seta’ jġiegħel lil kulħadd biex huma wkoll ma jobdux lil Ġeħova. Imma rnexxielu jagħmel dan? Le. Aħseb ftit dwar il-ħafna rġiel u nisa leali li tgħallimna dwarhom. Kemm taf issemmi minnhom?

Wara li mietu Ġakobb u Ġużeppi fl-Eġittu, Ġob kien l-iktar persuna fuq l-art kollha li kien leali lejn Ġeħova. Ġeħova ried juri lil Satana li hu ma setax iġiegħel lil kulħadd isir ħażin, għalhekk hu qal: ‘Ħares lejn Ġob. Ara kemm hu leali lejja.’

Satana argumenta: ‘Hu leali għax int beriktu u għandu ħafna affarijiet tajbin. Imma jekk tiħodlu dawn l-affarijiet, hu jisħtek.’

Għalhekk Ġeħova qallu: ‘Mur. Ħudhomlu. Agħmel l-affarijiet ħżiena kollha li trid lil Ġob. Se naraw jekk jisħitnix. Biss kun ċert li ma toqtlux.’

L-ewwel, Satana ġiegħel li xi rġiel jisirqu l-baqar u l-iġmla ta’ Ġob, u n-nagħaġ ġew maqtulin. Imbagħad, qatillu lill-10 itfal tiegħu f’maltempata. Wara, Satana laqat lil Ġob b’din il-marda terribbli. Ġob bata ħafna. Huwa għalhekk li mart Ġob qaltlu: ‘Isħet ’l Alla u mut.’ Imma Ġob ma kienx se jagħmel dan. Ukoll, tlett iħbieb foloz ġew u qalulu li kien għex ħajja ħażina. Iżda Ġob baqa’ leali.

Dan għamel lil Ġeħova ferħan ħafna, u wara bierek lil Ġob, kif tista’ tara fl-istampa. Huwa fejqu mill-marda tiegħu. Ġob kellu 10 itfal mill-isbaħ oħrajn, u kellu d-doppju tal-baqar, tan-nagħaġ, u tal-iġmla li kellu qabel.

Se tkun int dejjem leali lejn Ġeħova bħal Ġob? Jekk iva, Alla se jbierek lilek ukoll. Int tkun tista’ tgħix għal dejjem meta l-art kollha ssir sabiħa daqs il-ġnien tal-Għeden.

Ġob 1:1-22; 2:1-13; 42:10-17.

Ġob u l-familja tiegħu


Mistoqsijiet

  • Min kien Ġob?
  • Satana xi pprova jagħmel? Irnexxielu?
  • Ġeħova x’ħalla lil Satana jagħmel, u għala?
  • Mart Ġob għala qaltlu biex ‘jisħet ’l Alla u jmut’? (Ara l-istampa.)
  • Bħalma tista’ tara fit-tieni stampa, Ġeħova kif bierek lil Ġob, u għala?
  • Jekk bħal Ġob inkunu leali lejn Ġeħova, liema barkiet se nirċievu?

Iktar mistoqsijiet