Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 25: Il-Familja Tmur Tgħix l-Eġittu

Storja 25: Il-Familja Tmur Tgħix l-Eġittu

ĠUŻEPPI ma jiflaħx iżomm iżjed. Hu jgħid lill-qaddejja kollha tiegħu biex joħorġu mill-kamra. Meta jkun waħdu ma’ ħutu, Ġużeppi jibda jibki. Nistgħu nimmaġinaw kemm jistagħġbu ħutu, għax ma jafux għala qed jibki. Fl-aħħar jgħid: ‘Jien Ġużeppi. Għadu ħaj missieri?’

Ħutu tant huma mistagħġbin li ma jifilħux jitkellmu. Qed jibżgħu. Imma Ġużeppi jgħid: ‘Jekk jogħġobkom, ersqu viċin.’ Meta jagħmlu dan, hu jgħid: ‘Jien ħukom Ġużeppi li intom begħtu għal ġol-Eġittu.’

Ġużeppi jibqa’ jkellimhom b’qalb tajba: ‘Twaħħlux fikom infuskom għax begħtuni hawn. Kien verament Alla li bagħatni l-Eġittu biex insalva l-ħajjiet tan-nies. Il-Fargħun qegħedni ħakkiem tal-pajjiż kollu. Għalhekk, issa għaġġlu lura għand missieri u għidulu b’dan. U għidulu jiġi jgħix hawn.’

Imbagħad Ġużeppi jdawwar idejh madwar ħutu, u jgħannaqhom u jbushom kollha. Meta l-Fargħun isir jaf li ġew ħut Ġużeppi, jgħid lil Ġużeppi: ‘Ħallihom jieħdu karrijiet biex iġibu lil missierhom u lill-familji tagħhom lura hawn. Jien se nagħtihom l-aħjar art mill-Eġittu kollu.’

Hekk għamlu. Hawnhekk tista’ tara lil Ġużeppi jiltaqa’ ma’ missieru meta ġie l-Eġittu mal-familja kollha tiegħu.

Il-familja ta’ Ġakobb kienet saret kbira ħafna. B’kollox, jekk ngħoddu lil Ġakobb u t-tfal tiegħu u t-tfal tat-tfal, kien hemm 70 ruħ meta marru jgħixu l-Eġittu. Imma kien hemm ukoll in-nisa, u probabbli ħafna qaddejja wkoll. Dawn kollha marru jgħixu l-Eġittu. Kienu jissejħu Iżraelin, għax Alla kien biddel l-isem ta’ Ġakobb għal Iżrael. L-Iżraelin saru poplu tassew speċjali għal Alla, kif se naraw iktar ’il quddiem.

Ġenesi 45:1-28; 46:1-27.

Ġużeppi u l-familja tiegħu


Mistoqsijiet

  • X’jiġri meta Ġużeppi jgħid lil ħutu min hu?
  • Ġużeppi x’jispjega b’qalb tajba lil ħutu?
  • Il-Fargħun x’jgħid meta jisma’ dwar ħut Ġużeppi?
  • Kemm kienet kbira l-familja ta’ Ġakobb meta marru jgħixu l-Eġittu?
  • Il-familja ta’ Ġakobb xi bdiet tissejjaħ, u għala?

Iktar mistoqsijiet