Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 24: Ġużeppi Jgħaddi lil Ħutu Minn Prova

Storja 24: Ġużeppi Jgħaddi lil Ħutu Minn Prova

ĠUŻEPPI jrid ikun jaf jekk l-10 ħutu l-kbar għadhomx kattivi u bla qalb. Għalhekk, hu jgħid: ‘Intom spiji. Ġejtu biex taraw fejn pajjiżna hu dgħajjef.’

Huma jgħidu: ‘Le, m’aħniex. Aħna rġiel onesti. Aħna lkoll aħwa. Konna 12. Imma wieħed minn ħutna m’għadux magħna, u ż-żgħir qiegħed id-dar ma’ missierna.’

Ġużeppi taparsi ma jemminhomx. Hu jitfa’ lil ħuh Simegħon il-ħabs, u jħalli lill-oħrajn jieħdu xi ikel u jmorru d-dar. Imma jgħidilhom: ‘Meta tiġu lura tridu ġġibu lil ħukom iż-żgħir magħkom.’

Meta jmorru lura d-dar f’Kangħan, l-aħwa jgħidu lil missierhom Ġakobb b’dak kollu li ġara. Ġakobb hu mnikket ħafna. ‘L-ewwel tlift lil Ġużeppi,’ jibki hu, ‘u issa tlift lil Simegħon. Mhux se nħallikom tiħduli lil ibni ż-żgħir Benjamin.’ Imma meta jibda jispiċċalhom l-ikel, Ġakobb ikollu jħallihom jieħdu lil Benjamin l-Eġittu ħalli jkunu jistgħu jġibu iktar ikel.

Issa Ġużeppi jara lil ħutu ġejjin. Hu ferħan ħafna li qed jara lil ħuh iż-żgħir Benjamin. Dażgur, ħadd minnhom ma jaf li dan ir-raġel importanti hu Ġużeppi. Ġużeppi issa jagħmel xi ħaġa biex jgħaddi minn prova lill-10 ħutu mill-missier.

Hu jqabbad lill-qaddejja tiegħu jimlew il-basktijiet kollha tagħhom bl-ikel. Imma, bla ma jħallihom jindunaw, ipoġġi t-tazza speċjali tal-fidda tiegħu fil-basket ta’ Benjamin. Wara li kollha jitilqu u jkunu tbiegħdu ftit, Ġużeppi jibgħat lill-qaddejja tiegħu warajhom. Meta jilħquhom, il-qaddejja jgħidu: ‘Għax sraqtu t-tazza tal-fidda ta’ sidna?’

L-aħwa kollha jgħidu: ‘Aħna ma sraqniex it-tazza tiegħu. Jekk issibu t-tazza għand xi ħadd minna, ħa jiġi maqtul.’

Għalhekk, il-qaddejja jfittxu fil-basktijiet kollha, u jsibu t-tazza fil-basket ta’ Benjamin, bħalma tista’ tara fl-istampa. Il-qaddejja jgħidu: ‘Il-bqija tistgħu tmorru, imma Benjamin ikollu jiġi magħna.’ Issa, x’se jagħmlu l-10 aħwa?

Kollha jmorru lura ma’ Benjamin sad-dar ta’ Ġużeppi. Ġużeppi jgħid lil ħutu: ‘Kollha tistgħu tmorru d-dar, imma Benjamin ikollu jibqa’ hawn bħala l-ilsir tiegħi.’

Issa jitkellem Ġuda u jgħid: ‘Jekk immur lura mingħajr it-tifel, missieri jmut għax iħobbu ħafna. Allura, jekk jogħġbok, żomm lili hawn bħala l-ilsir tiegħek imma ħalli t-tifel imur id-dar.’

Ġużeppi jista’ jara li ħutu kienu nbiddlu. M’għadhomx kattivi u bla qalb. Ejja naraw x’jagħmel issa Ġużeppi.

Ġenesi 42:9-38; 43:1-34; 44:1-34.

Ħut Ġużeppi qed jiġu akkużati


Mistoqsijiet

  • Ġużeppi għala jakkuża ’l ħutu li huma spiji?
  • Ġakobb għala jħalli lil ibnu ż-żgħir Benjamin imur l-Eġittu?
  • It-tazza tal-fidda ta’ Ġużeppi kif tispiċċa fil-basket ta’ Benjamin?
  • Ġuda x’joffri li jagħmel biex jinħeles Benjamin?
  • Kif inbidlu ħut Ġużeppi?

Iktar mistoqsijiet