Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ix-Xhieda ta' Ġeħova

Agħżel il-lingwa Malti

Storja 23: Il-Ħolm tal-Fargħun

Storja 23: Il-Ħolm tal-Fargħun

JGĦADDU sentejn, u Ġużeppi għadu l-ħabs. Il-kuppier ma ftakarx fih. Imbagħad, lejla minnhom, il-Fargħun ħolom żewġ ħolmiet speċjali ħafna, u hu jitħasseb dwar xi jfissru. Qed tarah hemmhekk rieqed? L-għada filgħodu, il-Fargħun isejjaħ lill-għorrief tiegħu u jgħidilhom xi jkun ħolom. Imma mhumiex kapaċi jgħidulu xi jfisser il-ħolm.

Issa, fl-aħħar, il-kuppier jiftakar f’Ġużeppi. Hu jgħid lill-Fargħun: ‘Meta kont il-ħabs kien hemm raġel li kien jaf ifisser il-ħolm.’ Il-Fargħun jordna li Ġużeppi jinħareġ mill-ħabs minnufih.

Il-Fargħun jgħid lil Ġużeppi x’ħolom: ‘Rajt seba’ baqriet ħoxnin u sbieħ. Imbagħad rajt seba’ baqriet irqaq ħafna u kollhom għadam. Il-baqar irqaq kielu l-baqar ħoxnin.

Il-Fargħun qed joħlom

‘Fit-tieni ħolma rajt sebat irjus tal-qamħ sbieħ u misjurin fuq zokk wieħed. Imbagħad rajt sebat irjus tal-qamħ nexfin. U l-irjus tal-qamħ nexfin bdew jibilgħu s-sebat irjus tal-qamħ tajbin.’

Ġużeppi jgħid lill-Fargħun: ‘Iż-żewġ ħolmiet ifissru l-istess ħaġa. Is-seba’ baqriet ħoxnin u s-sebat irjus tal-qamħ sbieħ ifissru seba’ snin. Is-seba’ baqriet irqaq u s-sebat irjus tal-qamħ nexfin ifissru seba’ snin oħra. Se jiġu seba’ snin meta jkun hemm ħafna ikel fl-Eġittu. Imbagħad, se jiġu seba’ snin meta ftit li xejn ikun hemm ikel.’

Għalhekk, Ġużeppi jgħid lill-Fargħun: ‘Agħżel raġel bil-għaqal u għidlu biex jiġbor l-ikel waqt is-seba’ snin tajbin. B’hekk, in-nies ma jmutux bil-ġuħ matul is-seba’ snin ħżiena ta’ wara meta ftit li xejn ikun hemm ikel.

Il-Fargħun togħġbu l-idea. U hu jagħżel lil Ġużeppi biex jiġbor u jaħżen l-ikel. Ġużeppi jsir l-iktar raġel importanti fl-Eġittu wara l-Fargħun.

Tmien snin wara, fiż-żmien li kien hemm il-ġuħ, Ġużeppi jara xi rġiel ġejjin. Taf min huma? Ħadd ħlief l-10 ħutu l-kbar! Missierhom Ġakobb bagħathom l-Eġittu għax kien se jispiċċalhom l-ikel lura f’Kangħan. Ġużeppi għarafhom lil ħutu imma huma m’għarfuhx. Taf għala? Għax Ġużeppi kiber u liebes ħwejjeġ differenti.

Ġużeppi jiftakar li meta kien tifel, kien ħolom dwar kif ħutu kienu se jiġu jbaxxu rashom quddiemu. Tiftakar meta qrajt dwar dan? Għalhekk Ġużeppi jista’ jara li kien Alla li bagħtu l-Eġittu, u kellu raġuni tajba. X’taħseb li jagħmel Ġużeppi? Ejja naraw.

Ġenesi 41:1-57; 42:1-8; 50:20.



Mistoqsijiet

  • X’jiġrilu l-Fargħun lejla minnhom?
  • X’ġiegħel lill-kuppier biex fl-aħħar jiftakar f’Ġużeppi?
  • Bħalma jidher fl-istampa, liema żewġ ħolmiet ikollu l-Fargħun?
  • Ġużeppi x’jgħid li jfisser il-ħolm?
  • Ġużeppi kif isir l-iktar raġel importanti fl-Eġittu wara l-Fargħun?
  • Ħut Ġużeppi għala jiġu l-Eġittu, u għala ma jagħrfuhx?
  • F’liema ħolma jiftakar Ġużeppi, u x’tgħinu jifhem?

Iktar mistoqsijiet

  • Aqra Ġenesi 41:1-57.

    Ġużeppi kif ġibed l-attenzjoni lejn Ġeħova, u l-Kristjani llum b’liema mod jistgħu jimitaw l-eżempju tiegħu? (Ġen. 41:16, 2528; Mt. 5:16; 1 Pt. 2:12)

    Is-snin tal-abbundanza fl-Eġittu u s-snin tal-ġuħ ta’ wara kif jixbhu bl-eżatt il-kuntrast li hemm bejn il-kundizzjoni spiritwali tan-nies ta’ Ġeħova llum u dik tal-Kristjaneżmu? (Ġen. 41:29, 30; Għam. 8:11, 12)

  • Aqra Ġenesi 42:1-8 u 50:20.

    Huwa ħażin li aduraturi ta’ Ġeħova jbaxxu rashom quddiem raġel biex jagħtuh unur u juruh rispett għall-pożizzjoni tiegħu jekk din tkun id-drawwa tal-pajjiż? (Ġen. 42:6)